LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w00 11/15 pp. 5-7
  • Għala Għandek Titlob?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għala Għandek Titlob?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • It-​Talb Jistaʼ Jsolvi l-​Problemi
  • Meta t-​Talb Kollu Se Jitwieġeb
  • Kif Tistaʼ Tersaq Qrib Lejn Alla
    Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem
  • Kif Tistaʼ Tkun Ċert li Alla Jismaʼ t-Talb Tiegħek?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Pubbliku)—2021
  • Kif Nistgħu Nitolbu Aħjar?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2023
  • Ersaq Qrib Lejn Alla bit-​Talb
    Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
w00 11/15 pp. 5-7

Għala Għandek Titlob?

“TITOLBU, u ma tiksbux, għax titolbu ħażin . . . Ersqu lejn Alla, u hu jersaq lejkom.” (Ġakbu 4:​3, 8) Dan il-​kliem imlissen minn Ġakbu, id-​dixxiplu taʼ Ġesù, jistaʼ jqanqalna biex nikkunsidraw ir-​raġunijiet tagħna għala nitolbu.

It-talb m’huwiex biss xi mezz li bih ngħidu lil Alla x’għandna bżonn. Fil-​Priedka famuża tiegħu taʼ fuq il-​Muntanja, Ġesù qal: “Missierkom jaf x’teħtieġu, qabel ma titolbuh intom.” Madankollu, Ġesù qal ukoll: “[Ibqgħu] itolbu, u jingħatalkom.” (Mattew 6:8; 7:7) Mela Jehovah fil-​fatt iridna ngħidulu dak li nħossu li għandna bżonn. Imma t-​talb ifisser ferm iktar minn hekk.

Il-ħbieb veri ma jikkomunikawx biss meta jkollhom bżonn xi ħaġa. Ikunu interessati f’xulxin, u l-​ħbiberija tagħhom tikber meta jesprimu s-​sentimenti tagħhom. Bl-​istess mod, l-​iskop tat-​talb m’huwiex biss li nitolbu għal dak li jkollna bżonn. Jinkludi l-​opportunità li nsaħħu r-​relazzjoni tagħna maʼ Jehovah billi nesprimu d-​devozzjoni tagħna lejh li ġejja mill-​qalb.

Iva, Alla tana l-​privileġġ tat-​talb sabiex inkunu nistgħu nersqu qrib tiegħu. Dan jistaʼ jseħħ biss jekk ngħidu lil Alla dak li nħossu minflok ma nirrepetu talb bl-​amment. Kemm nieħdu pjaċir meta nitkellmu maʼ Jehovah fit-​talb! Iktar minn hekk, proverbju Bibliku jgħid: “Jitgħaxxaq bit-​talba tat-​tajbin.”—Proverbji 15:8.

“Iżda jiena l-​hena tiegħi li nkun qrib Alla,” għanna s-​salmista Asaf. (Salm 73:28) Imma biex nersqu qrib t’Alla, irridu nagħmlu iktar milli nitolbu. Innota kif dan huwa indikat mir-​rakkont li ġej:

“Wieħed mid-​dixxipli [taʼ Ġesù] qallu: ‘Mulej, għallimna nitolbu.’” Biex iwieġbu, Ġesù qal: “Meta titolbu, għidu, ‘Missier, jitqaddes ismek tiġi Saltnatek.’” (Luqa 11:​1, 2) Kif jistaʼ talb bħal dan jagħmel sens jekk l-​ewwel ma nitgħallmux x’inhu l-​isem t’Alla u kif se jitqaddes? U nistgħu nitolbu fi qbil maʼ dan il-​kliem taʼ Ġesù jekk ma nifhmux x’inhi s-​Saltna t’Alla? Jekk neżaminaw il-​Bibbja bir-​reqqa, inkunu nistgħu nifhmuhom dawn il-​kwistjonijiet. L-​għarfien li niksbu b’dan il-​mod se jgħinna nkunu nafu lil Alla u nifhmu l-​modi tiegħu. Barra minn hekk, li nsiru midħla t’Alla Jehovah se jagħmilna nħossuna eqreb tiegħu u iktar dedikati lejh. Imbagħad inkunu nistgħu nitkellmu miegħu iktar bil-​libertà fit-​talb.

It-​Talb Jistaʼ Jsolvi l-​Problemi

Il-​fatt li niżviluppaw relazzjoni mill-​qrib maʼ Jehovah se jgħinna nsolvu l-​problemi. Innota kif dan kien il-​każ f’kull waħda miċ-​ċirkustanzi li ġejjin. Dawn juru li dawk li talbu setgħu jsaħħu r-​relazzjoni tagħhom maʼ Jehovah.

Fil-Brażil, mara li jisimha Marija talbet lil Alla għall-​għajnuna. L-​ipokresija li rat fis-​soċjetà kienet ġagħlitha tiħodha kontra l-​livelli aċċettati f’dik li hi kondotta. Marija kienet saħansitra telqet mid-​dar u ħalliet warajha lil żewġha u lil uliedha. Bdiet ukoll tieħu d-​drogi. Imma meta xorta waħda ma rnexxilhiex issib l-​hena, Marija fetħet qalbha m’Alla u talbitu jgħinha.

Fi żmien qasir, żaruha tnejn mix-​Xhieda taʼ Jehovah li ħallewlha ħarġa taʼ It-​Torri taʼ l-​Għassa li kienet tittratta fuq il-​valur taʼ li wieħed jaċċetta l-​gwida divina. Ir-​rivista messitilha qalbha, u dakinhar stess bdiet tistudja l-​Bibbja max-​Xhieda. L-​istudju fl-​aħħar mill-​aħħar wassalha biex terġaʼ tingħaqad mal-​familja tagħha. Hekk kif tgħallmet dwar Jehovah, riedet tesprimi mħabbitha lejh. “Għamilt bidliet għall-​aħjar,” qalet Marija. “Għall-​ewwel, żewġi u l-​familja ma ridunix nistudja l-​Bibbja. Imma malli bdew jaraw il-​bidliet li kont qed nagħmel, bdew jinkuraġġuni.” Iktar tard, Marija ddedikat ħajjitha lil Semmiegħ it-​talb sabiex taqdih.

Għalkemm José kellu mara sabiħa u kellu negozju li jrendi fil-​Bolivja, ma kienx kuntent. Minħabba li kellu relazzjoni barra ż-​żwieġ martu telqitu. Beda jixrob bl-​addoċċ u ħassu li ma kien tajjeb għal xejn. Jgħid José: “Bdejt nitlob b’qalbi kollha, u nistaqsi x’għandi nagħmel biex nogħġob lil Alla. Ftit żmien wara, ix-​Xhieda taʼ Jehovah żaruni fil-​ħanut tiegħi u offrewli studju tal-​Bibbja fid-​dar bla ħlas, imma jien keċċejthom ’il barra. Dan ġara tliet darbiet. Kull darba li kont nitlob għall-​għajnuna, kienu jiġu huma. Fl-​aħħarnett, iddeċidejt li meta jerġgħu jiġu noqgħod nismagħhom. Il-​Bibbja kont qrajtha minn qoxra sa qoxra u kelli ħafna mistoqsijiet, imma huma dejjem kellhom tweġibiet li ssodisfawni. It-​tagħlim dwar Jehovah tani skop ġdid fil-​ħajja, u l-​ħbieb li kelli fost ix-​Xhieda kienu eżempji inkuraġġanti ferm! Tlaqt lil ħabibti u lil sħabi li kont immur nixrob magħhom. F’temp qasir, kont lura maʼ marti u wliedi, u tgħammidt kmieni fl-​1999.”

Tamara, li tgħix fl-​Italja, kellha l-​inkwiet fiż-​żwieġ, u għalhekk talbet għall-​għerf. Hi kienet żviluppat attitudni aggressiva, peress li kienet ġiet imsawta u mkeċċija mill-​familja tagħha meta kellha 14-il sena. Tgħid Tamara: “Sibt Bibbja u bdejt naqraha. Darba minnhom qrajt li biex ‘issib l-​għerf trid tħaffer għalih bħal teżor moħbi.’ Jien tlabt għal dan l-​għerf. (Proverbji 2:​1-6) L-​għada fil-​għodu, żaruni x-​Xhieda taʼ Jehovah. Bdejt nistudja l-​Bibbja magħhom, imma dak li tgħallimt ma bdejtx nipprattikah mill-​ewwel. Fl-​aħħarnett, iddeċidejt li nsegwi l-​mod taʼ ħajja Kristjan u tgħammidt. Issa, flimkien maʼ żewġi, ngħin lil oħrajn biex jibbenefikaw mill-​għerf t’Alla.”

Fil-Venezwela, Beatriz kienet waħda mill-​iktar nies importanti f’Caracas. Madankollu, kienet divorzjata u dipressa. Id-​disprament wassalha biex darba minnhom tqattaʼ sigħat sħaħ titlob. L-​għada fil-​għodu, semgħet il-​qanpiena tal-​bieb. Għalkemm kienet irritata, hi ttawlet minn ġot-​toqba tal-​bieb u rat tnejn min-​nies b’basket f’idejhom. Hi għamlitha taʼ bir-​ruħha li ma kinitx id-​dar, imma qabel ma telqu, il-​koppja tefgħu volantin minn taħt il-​bieb, bit-​titlu “Kun Af il-​Bibbja Tiegħek.” Setgħet iż-​żjara tagħhom tkun marbuta mat-​talb tagħha l-​lejl taʼ qabel? Hi għajtitilhom biex jiġu lura. Fi żmien qasir bdiet tistudja l-​Bibbja, u iktar tard tgħammdet. Fl-​aħħar, Beatriz sabet l-​hena u issa qed tgħallem lil ħaddieħor dwar kif jistaʼ jsib l-​hena.

Carmen talbet dwar it-​taqbida li kellha mal-​faqar. Kellha għaxart itfal u r-​raġel tagħha Rafael kien dejjem fis-​sakra. “Ipprovajt naqlaʼ l-​flus billi naħsel il-​ħwejjeġ taʼ ħaddieħor,” qalet Carmen. Imma Rafael kompla jegħreq fil-​vizzju tiegħu tax-​xorb. “Ma kienx qabel ma bdejna nistudjaw il-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Jehovah li żewġi beda jinbidel. Tgħallimna dwar il-​wegħda tas-​Saltna—li Jehovah dalwaqt se jeħles id-​dinja mill-​faqar u l-​moħqrija. It-​talb tiegħi lil Alla fl-​aħħar mill-​aħħar twieġeb!” It-​tagħlim dwar il-​modi taʼ Jehovah għen lil Rafael biex ma jibqax jixrob, u hu libes “il-​bniedem il-​ġdid.” (Efesin 4:24) Hu u l-​familja tiegħu setgħu jtejbu l-​livell t’għajxien tagħhom. Jgħid Rafael: “Forsi m’aħniex sinjuri, u m’aħniex is-​sidien taʼ darna stess, imma għandna n-​neċessitajiet tal-​ħajja, u aħna kuntenti.”

Meta t-​Talb Kollu Se Jitwieġeb

Għamlilhom xi ġid lil dawn in-​nies il-​fatt li talbu? Dażgur li għamlilhom! U nnotajt li fil-​biċċa l-​kbira tal-​każi t-​talb tagħhom twieġeb meta xi ħadd mill-​kongregazzjoni Kristjana għenhom jersqu qrib t’Alla billi jistudjaw il-​Bibbja?—Atti 9:11.

Mela, għandna raġunijiet tajbin biex nitolbu. Fi ftit żmien ieħor se titwieġeb it-​talba biex tiġi s-​Saltna t’Alla u biex tintgħamel ir-​rieda tiegħu fuq l-​art. (Mattew 6:10) Wara li Alla jkun naddaf il-​globu tagħna minn dawk li jopponuh, ‘l-​art se tkun mimlija bl-​għarfien tal-​Mulej’ Jehovah. (Isaija 11:9) Imbagħad dawk kollha li jħobbu lil Jehovah se jgawdu “l-​ħelsien tal-​glorja taʼ wlied Alla”—u t-​talb tagħhom ċertament li se jitwieġeb.—Rumani 8:​18-21.

[Stampa f’paġna 7]

Taf għala għandna nitolbu?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja