“Ħares il-Kmandamenti Tiegħi u Jkollok il-ħajja”
KIEN għadu żgħir u intelliġenti, “taʼ sura sabiħa u wiċċu ħelu.” Il-mara taʼ sidu kienet senswali u ma tistħix. Din tant inġibdet lejn iż-żagħżugħ, li kuljum kienet tipprova tisseduċih. “Ġara li darba waħda bħal dari Ġużeppi daħal id-dar jagħmel ix-xogħol tiegħu u ma kien hemm ħadd min-nies tad-dar ġewwa. U hi qabditu minn ħwejġu u qaltlu: ‘Mtedd miegħi.’” Imma Ġużeppi, bin Ġakobb il-patrijarka, ħalla l-libsa warajh u ħarab mill-mara taʼ Putifar.—Ġenesi 39:1-12.
M’għandniex xi ngħidu, mhux kulħadd jaħrabha t-tentazzjoni. Per eżempju, ikkunsidra l-każ taʼ wieħed żagħżugħ li s-Sultan Salamun taʼ Iżrael tal-qedem ra fit-toroq bil-lejl. Dan ġie ttantat minn mara żienja u mill-ewwel “mar warajha, bħal gendus sejjer għall-qatla.”—Proverbji 7:21, 22.
Il-Kristjani huma mwissijin biex ‘jaħarbu ż-żína.’ (1 Korintin 6:18) L-appostlu Pawlu kiteb lid-dixxiplu Kristjan żagħżugħ Timotju: “Aħrab il-ġibdiet taż-żgħożija.” (2 Timotju 2:22) Meta nsibu ruħna f’xi sitwazzjoni li tħajjarna naqgħu fiż-żína, nagħmlu adulterju jew xi ħażen morali ieħor, aħna wkoll irridu nkunu deċiżi f’li naħarbuha bħalma għamel Ġużeppi mal-mara taʼ Putifar. X’se jgħinna nkunu determinati li nagħmlu hekk? Fis-sebaʼ kapitlu tal-ktieb Bibliku tal-Proverbji, Salamun jagħtina pariri siewja. Hu ma jitkellimx biss dwar it-tagħlim li jħarisna milli naqgħu fin-nassa taʼ nies immorali, imma jikxef ukoll il-metodu tagħhom taʼ kif jaħdmu. Dan jagħmlu billi jiddeskrivi xena li fiha wieħed żagħżugħ iċedi għal mara tat-triq.
‘Orbot il-Kmandamenti Tiegħi maʼ Subgħajk’
Is-sultan jibda billi jagħti parir taʼ missier: “Ibni, ħares kliemi, u żomm ġo fik il-kmandamenti tiegħi. Ħares il-kmandamenti tiegħi u jkollok il-ħajja, għożż tagħlimi bħal ħabbet għajnek.”—Proverbji 7:1, 2.
Alla ta lill-ġenituri, speċjalment lill-missirijiet, ir-responsabbiltà li jgħallmu lil uliedhom il-livelli t’Alla dwar x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. Mosè ħeġġeġ lil kull missier: “Żomm f’qalbek dan il-kliem u dawn il-kmandamenti li qiegħed nagħtik illum. Tennihom lil uliedek, u tkellem fuqhom meta tkun f’darek, u meta tkun miexi fit-triq, u meta timtedd, u meta tqum.” (Dewteronomju 6:6, 7) U l-appostlu Pawlu kiteb: “Intom il-missirijiet, iġġarrbuhomx iżżejjed lil uliedkom; iżda rabbuhom fid-dixxiplina u t-twiddib tal-Mulej.” (Efesin 6:4) Għaldaqstant, it-tfal iridu jgħożżu jew jistmaw tajjeb l-istruzzjonijiet tal-ġenituri tagħhom. Bla dubju, dawn l-istruzzjonijiet jinkludu wkoll it-tfakkiriet, il-kmandamenti, u l-liġijiet li nsibu fil-Kelma t’Alla, il-Bibbja.
It-tagħlim tal-ġenituri jistaʼ jinkludi wkoll regoli oħrajn, ir-regoli tal-familja. Dawn huma għall-ġid tal-membri tal-familja. Huwa minnu li r-regoli jistgħu jkunu differenti minn familja għal oħra, skond il-bżonn taʼ dak li jkun. Iżda, huwa f’idejn il-ġenituri li jiddeċiedu x’inhu l-aqwa għall-familja tagħhom. U ġeneralment, ir-regoli li jagħmlu jesprimu l-imħabba sinċiera u l-interess ġenwin tagħhom. Il-parir għaż-żgħażagħ huwa li joqogħdu għal dawn ir-regoli kif ukoll għat-tagħlim minn fuq l-Iskrittura li jirċievu mingħand il-ġenituri tagħhom. Iva, hemm bżonn li nqisu dawn l-istruzzjonijiet bħallikieku ‘ħabbet għajnejna’—billi nagħmlu ħilitna kollha biex inħarsuhom. B’dan il-mod nistgħu nevitaw l-iżball fatali taʼ li ninjoraw il-livelli taʼ Jehovah, u b’hekk ‘ikollna l-ħajja.’
“Orbothom [il-kmandamenti tiegħi] maʼ subgħajk,” ikompli Salamun, “iktibhom fuq qalbek.” (Proverbji 7:3) Is-swabaʼ huma importanti ħafna biex iwettqu dak li nkunu rridu nagħmlu, u nistgħu narawhom tajjeb quddiemna. Bl-istess mod, għandna dejjem infittxu li niftakru l-lezzjonijiet li tgħallimna mill-Bibbja sa minn tfulitna jew l-għarfien Bibliku li ksibna u nimxu fuqhom f’kulma nagħmlu. Dawn il-kmandamenti għandna nnaqqxuhom sew f’qalbna, u nagħmluhom parti min-natural tagħna.
Is-sultan ma jinsiex l-importanza taʼ l-għerf u l-fehma, u jħeġġeġ: “Lill-għerf għidlu: ‘Inti oħti’, u . . . [“lill-fehma sejħilha,” “NW”] ħabib tal-qalb.” (Proverbji 7:4) L-għerf huwa l-abbiltà li tuża b’mod xieraq l-għarfien mogħti minn Alla. Għandna ngħożżu l-għerf bħallikieku kien xi oħt mill-iktar għażiża. X’inhi l-fehma? Hija l-abbiltà li teżamina kwistjoni u tieħu s-sens tagħha billi tifhem kif il-fatti jorbtu wieħed maʼ l-ieħor u jingħaqdu flimkien. Il-fehma rridu nqisuha bħallikieku ħabib tal-qalb.
Għala għandna nżommu sod mat-taħriġ Skritturali u nrawmu fina l-għerf u l-fehma? “Biex huma jħarsuk mill-mara żienja, mill-mara barranija li ssaħħar bi kliemha.” (Proverbji 7:5) Iva, li nagħmlu dan se jipproteġina miż-żegħil u l-persważjoni taʼ waħda barranija—persuna żienja jew immorali.a
Iż-Żagħżugħ Jiltaqaʼ maʼ ‘Mara Qarrieqa’
Is-sultan taʼ Iżrael imbagħad jiddeskrivi xena li ra b’għajnejh stess: “Kont qiegħed fit-tieqa taʼ dari, nħares mill-grada tat-tieqa, u rajt fost il-boloh [“dawk taʼ bla esperjenza,” “NW”], lmaħt fost iċ-ċkejknin, żagħżugħ bla moħħ, għaddej mit-triq ħdejn il-kantuniera taʼ darha, miexi lejn in-naħa tad-dar tagħha, fil-għaxija, fi tmiem il-jum, xħin kien dieħel il-lejl u joktor id-dlam.”—Proverbji 7:6-9.
It-tieqa li kien qed jittawwal minnha Salamun għandha grada. Milli jidher din hija struttura taʼ l-injam li forsi għandha wkoll xi skulturi maħdumin b’sengħa kbira. Fit-toroq barra jonqos id-dawl hekk kif bil-mod il-mod taqaʼ d-dalma tal-lejl. Salamun jilmaħ lil żagħżugħ li hu partikolarment dgħajjef. Hu bla moħħ għaliex m’għandux għaqal, jiġifieri, hu nieqes mill-abbiltà li jagħraf bejn it-tajjeb u l-ħażin. X’aktarx, hu jaf f’liema nħawi kien u x’jistaʼ jiġrilu hemmhekk. Iż-żagħżugħ jiġi ħdejn “il-kantuniera taʼ darha,” fit-triq li tagħti għad-dar tagħha. Min hi l-mara? X’kienet qegħda tberren f’moħħha?
Is-sultan ikompli josserva: “U ħarġet mara tiltaqaʼ miegħu, liebsa taʼ żienja, qalbha kollha qerq. Kollha storbju u bla sabar; m’għandhomx kwiet f’darha riġlejha; issa fit-triq, issa fil-pjazez, f’kull rokna ssibha tistenna.”—Proverbji 7:10-12.
Il-mod taʼ kif inhi liebsa din il-mara juri biċ-ċar min hi u x’inhi. (Ġenesi 38:14, 15) L-ilbies tagħha huwa indiċenti, bħal dak taʼ prostituta. Iktar minn hekk, “qalbha kollha qerq,” jiġifieri, hija “malizzjuża” (Saydon) u moħħha jilħqilha. Hija storbjuża u bla sabar ukoll, lablaba u taʼ rasha, frattarjuża u rasha iebsa, insolenti u wiċċha joqogħdilha. Minflok ma toqgħod id-dar, tippreferi tmur f’postijiet pubbliċi, titlajja fil-kantunieri biex tagħżel il-priża tagħha. Hi qed tistenna lil xi ħadd bħal dan iż-żagħżugħ.
Bil-Persważjoni Kollha
B’hekk, wieħed żagħżugħ jiltaqaʼ maʼ mara tat-triq li għandha ħsieb malizzjuż. Ħaġa bħal din żgur ġagħlet lil Salamun iħares u jerġaʼ jħares! Hu jirrakkonta: “Qabditu u bisitu, u bil-wiċċ tost kollu qaltlu: ‘Kelli noffri sagrifiċċju tas-sliem, u llum raddejt il-wegħdiet tiegħi; għalhekk ħriġt niltaqaʼ miegħek, ħriġt infittxek, u issa sibtek.’”—Proverbji 7:13-15.
Xofftejn din il-mara mimlijin ħlewwa. Hi titkellem b’mod kunfidenti, u b’wiċċha minn quddiem. Kulma tgħid hu maħsub bir-reqqa biex jisseduċi liż-żagħżugħ. Biex tagħtih impressjoni taʼ tjieba, u b’hekk tagħtih x’jifhem li hi spiritwali, tgħidlu li offriet is-sagrifiċċji tas-sliem u ħallset il-wegħdi tagħha. Is-sagrifiċċji tas-sliem li kienu jsiru fit-tempju taʼ Ġerusalemm kienu jikkonsistu f’laħam, dqiq, żejt, u nbid. (Levitiku 19:5, 6; 22:21; Numri 15:8-10) Min kien joffri s-sagrifiċċju setaʼ jieħu sehem minnu għalih u għall-familja tiegħu. B’hekk, il-mara qed tissuġġerixxi li fid-dar tagħha kien hemm ħafna ikel u xorb. It-tifsira hija ċara: Iż-żagħżugħ kien se jieħu pjaċir ħafna għandha. Hi kienet ħarġet mid-dar tagħha apposta biex tiltaqaʼ miegħu. Kieku kellek temminha, din l-istorja tmisslek qalbek tabilħaqq! “Huwa veru li hi ħarġet tfittex lil xi ħadd,” jgħid wieħed studjuż tal-Bibbja, “imma tassew ġiet tfittex lil dan il-wieħed speċjali u partikulari? Min jemminha jrid ikun veru baħnan forsi bħal dan il-wieħed.”
Wara li tipprova tiġbdu bid-dehra taʼ lbiesha, bil-ħoss taʼ kliemha mimli żegħil, bit-tgħanniqa tagħha, u bit-togħma taʼ xofftejha, is-seduttriċi issa tipprova tħajru bis-sens tax-xamm. Hi tgħid: “Frixt l-għata fuq is-sodda tiegħi, lożor tal-kulur b’ħajt taʼ l-Eġittu; fewwaħt soddti bil-mirra, u friexi bis-sabbâra u l-kannella.” (Proverbji 7:16, 17) B’mod li jolqot l-għajn, hi ppreparat is-sodda tagħha b’lożor kuluriti mill-Eġittu u raxxet fuqha fwejjaħ differenti, mirra, sabbara, u kannella.
Hi tkompli: “Ejja, ħa niskru bl-għaxqa taʼ l-imħabba, nitpaxxew bl-imħabba sa filgħodu.” L-istedina m’hijiex biss għal sempliċi ikla bejn tnejn. Il-wegħda tagħha hi li jgawdu intimità sesswali. Għaż-żagħżugħ, dan kollu jidher avventura eċċitanti! Biex tkompli tħajru, iżżid: “Żewġi mhux qiegħed id-dar, telaq għal vjaġġ fil-bogħod; ħa miegħu borża bil-flus; ma jiġix id-dar qabel il-qamar mimli.” (Proverbji 7:18-20) Il-mara taċċertah li ma kien se jkollhom l-ebda periklu, għax żewġha kien mar ’il bogħod fuq xogħol u kien se jdum sew ma jiġi lura. Kemm kienet taf tidħaq b’wieħed li għadu żgħir! “Bi kliemha qarrieqi [bil-persważjoni kollha tagħha] ħajjritu, bil-kliem ħelu tagħha waqqgħetu.” (Proverbji 7:21) Irid ikollok kwalitajiet morali sodi bħal dawk taʼ Ġużeppi biex ma ċċedix għal tentazzjoni eċċitanti bħal din. (Ġenesi 39:9, 12) Iżda, għandu dawn l-istess kwalitajiet dan iż-żagħżugħ?
“Bħal Gendus Sejjer għall-Qatla”
“Iblah li hu, mar warajha, bħal gendus sejjer għall-qatla, bħal ċerv marbut rabta sewwa [“sewwa sew bħallikieku mqiegħed fil-qjud għad-dixxiplina taʼ raġel iblah,” “NW”] sakemm vleġġa tinfidlu fwiedu; bħal għasfur jittajjar lejn ix-xibka, bla ma jaf li hemm ħajtu fin-nofs.”—Proverbji 7:22, 23.
Għaż-żagħżugħ, l-istedina kienet waħda irreżistibbli. Hu jitlef għaqlu warajha u jsegwiha “bħal gendus sejjer għall-qatla.” Bħal raġel fil-qjud li ma jistax jiskansa l-kastig tiegħu, bl-istess mod iż-żagħżugħ jaqaʼ fid-dnub. Hu ma jarahx il-periklu taʼ dan kollu sakemm “vleġġa tinfidlu fwiedu,” jiġifieri, sakemm iweġġaʼ b’tali mod li jistaʼ jmut. Il-mewt tistaʼ tkun waħda fiżika għax jissogra li jlaqqat xi marda trasmessa sesswalment li ġġib il-mewt.b Il-ferita tistaʼ twasslu wkoll għal mewta spiritwali; għax “hemm ħajtu fin-nofs.” L-effett fuqu bħala persuna u fuq ħajtu huwa wieħed serju, u d-dnub tiegħu kontra Alla huwa wieħed gravi. Għaldaqstant, hu jgħaġġel fi ħdan il-mewt bħal għasfur lejn ix-xibka!
“Tilwix Lejn Triqatha”
Is-sultan għaref jislet lezzjoni minn dak li ra, u jħeġġeġ: “Għalhekk, issa, ibni, ismaʼ minni, agħti widen għal kliem fommi. Tħallix qalbek titħajjar minn imġibitha, tilwix lejn triqatha; għax ħafna huma li rebħet u waqqgħet, bla għadd dawk li hi qatlet. Triq lejn qiegħ l-art hi darha, tieħdok lejn għamajjar il-mewt.”—Proverbji 7:24-27.
Il-parir taʼ Salamun huwa ċar daqs il-kristall. Qed jgħidilna biex inwarrbu mit-triqat taʼ persuna immorali li jġibu l-mewt, u ‘jkollna l-ħajja.’ (Proverbji 7:2) Kemm hu f’waqtu dan il-parir fi żmienna! Żgur li rridu nevitaw dawk il-postijiet li fihom ikun hemm uħud li qed jitlajjaw biex jagħżlu l-priża tagħhom. Għala għandek iċċedi għat-tattika tagħhom billi tmur f’postijiet bħal dawn? Tabilħaqq, għala għandek tkun wieħed “bla moħħ” u tħuf fit-triqat taʼ “mara barranija”?
Il-“mara barranija” li ra s-sultan, ħajret liż-żagħżugħ billi stidnitu ‘ħa jitpaxxew bl-imħabba sa fil-għodu.’ Ma spiċċawx ħafna żgħażagħ, speċjalment tfajliet, abbużati b’dan il-mod? Imma kkunsidra ftit: Meta xi ħadd jipprova jiġbdek f’kondotta laxka sesswalment, tkun din imħabba vera jew passjoni egoista? Jekk raġel ikun iħobb mara tassew, għala għandu jġagħalha tmur kontra t-taħriġ Kristjan u l-kuxjenza tagħha? Jalla ‘qalbek ma titħajjarx’ minn dawn l-affarijiet, iwissi Salamun.
Fil-biċċa l-kbira, il-kliem li juża min jisseduċi jkun ħelu u maħsub bir-reqqa. Billi jkollna l-għerf u l-fehma nistgħu nifhmu x’hemm moħbi wara kliem bħal dan. Il-fatt li nżommu f’moħħna l-kmandamenti taʼ Jehovah se jħarisna. Għalhekk, jalla nistinkaw dejjem biex ‘inħarsu l-kmandamenti t’Alla u jkollna l-ħajja,’ saħansitra għall-eternità.—1 Ġwann 2:17.
[Noti taʼ taħt]
a Il-kelma “barranija” kienet tintuża biex tapplika għal dawk li jkunu tbegħdu minn Jehovah billi ma baqgħux taħt il-Liġi. Għalhekk, wieħed kien jirreferi għal mara immorali bħal prostituta, bħala “mara barranija.”
b Xi mard trasmess sesswalment jistaʼ jagħmel ħsara lill-fwied. Per eżempju, f’każi meta s-sifilis tkun daħlet ’il ġewwa sew, l-organiżmi tal-batterji jinfirxu mal-fwied kollu. U l-organiżmu li jikkawża l-gonorrea jistaʼ jikkaġuna infjammazzjoni tal-fwied.
[Stampi f’paġna 29]
Kif tħares lejn ir-regoli tal-ġenituri tiegħek?
[Stampa f’paġna 31]
Jekk inħarsu l-kmandamenti t’Alla jkollna l-ħajja