Issaħħaħ Permezz taʼ l-Imħabba
“Ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu.”—MATTEW 22:37.
1. (a) X’inhuma xi affarijiet li Kristjan jikkultiva ġewwa fih? (b) Liema hi l-iktar kwalità Kristjana importanti, u għala?
KRISTJAN jikkultiva ħafna affarijiet ġewwa fih sabiex ikun ministru effettiv. Il-ktieb tal-Proverbji juri kemm jiswa li jkollna l-għarfien, il-fehma, u l-għerf. (Proverbji 2:1-10) L-appostlu Pawlu ddiskuta l-ħtieġa li jkollna fidi sħiħa u tama soda. (Rumani 1:16, 17; Kolossin 1:5; Lhud 10:39) Is-sabar u r-rażna wkoll huma vitali. (Atti 24:25; Lhud 10:36) Madankollu, hemm ħaġa waħda li mingħajrha l-affarijiet l-oħrajn kollha jidhru inqas taʼ preġju, u saħansitra jsiru kważi ma jiswew xejn. Din il-ħaġa hija l-imħabba.—1 Korintin 13:1-3, 13.
2. Ġesù kif wera l-importanza taʼ l-imħabba, u għalhekk liema mistoqsijiet iqumu?
2 Ġesù wera l-importanza taʼ l-imħabba meta qal: “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom.” (Ġwann 13:35) Ladarba l-imħabba hija l-marka li minnha jintgħarfu l-Kristjani veri, jeħtieġ nistaqsu mistoqsijiet bħal, X’inhi l-imħabba? Għala hija daqshekk bżonnjuża li Ġesù qal li permezz tagħha, iktar minn kwalunkwe ħaġa oħra, kellhom jintgħarfu d-dixxipli tiegħu? Kif nistgħu nikkultivaw l-imħabba ġewwa fina? Lil min għandna nħobbu? Ejja nikkunsidraw dawn il-mistoqsijiet.
X’inhi l-Imħabba?
3. L-imħabba kif tistaʼ tiġi deskritta, u għala tinvolvi kemm il-moħħ kif ukoll il-qalb?
3 Waħda mit-tifsiriet taʼ l-imħabba hija deskritta bħala, ‘li tħoss sentiment profond taʼ ġibda persunali jew affezzjoni mill-qalb għal xi ħadd, li tkun tgħożżu jew tippreferih b’mod speċjali.’ Hija kwalità li tqanqal lin-nies jagħmlu l-ġid lill-oħrajn, xi drabi billi jagħmlu sagrifiċċji persunali kbar. L-imħabba, kif deskritta fil-Bibbja, tinvolvi l-moħħ kif ukoll il-qalb. Il-moħħ, jew ir-raġuni, għandu sehem kbir għaliex il-bniedem li jħobb jagħmel dan b’għajnejh miftuħin, billi jaf li hu u bnedmin oħra li hu jħobb għandhom kemm dgħjufijiet u kemm kwalitajiet sbieħ. Ir-raġuni hija involuta wkoll ladarba l-Kristjan irid iħobb lil oħrajn għaliex mill-qari tiegħu tal-Bibbja hu jaf li Alla hekk iridu jagħmel. U dan xi drabi forsi ma jkunx daqshekk faċli għalih. (Mattew 5:44; 1 Korintin 16:14) Xorta waħda, l-imħabba tiġi prinċipalment mill-qalb. L-imħabba ġenwina bħalma hi rivelata fil-Bibbja qatt ma tinvolvi biss il-moħħ. Din tinvolvi wkoll sinċerità profonda u rabta emozzjonali kompleta.—1 Pietru 1:22.
4. L-imħabba kif inhi rabta qawwija ferm?
4 Nies li huma egoisti rari ssibhom kapaċi jkollhom relazzjoni verament taʼ mħabba. Dan jiġri għaliex min iħobb irid ikun lest li jpoġġi l-interessi taʼ ħaddieħor qabel tiegħu stess. (Filippin 2:2-4) Il-kliem taʼ Ġesù “min jagħti hu aktar hieni minn min jieħu” huwa minnu speċjalment meta min jagħti jagħmel dan bħala att taʼ mħabba. (Atti 20:35) L-imħabba hija rabta qawwija ferm. (Kolossin 3:14) Din spiss tinkludi ħbiberija, imma r-rabtiet taʼ l-imħabba huma iktar b’saħħithom minn dawk tal-ħbiberija. Ir-relazzjoni romantika bejn raġel u martu hija xi drabi deskritta bħala mħabba. Madankollu, l-imħabba li l-Bibbja tinkuraġġina biex nikkultivaw ġewwa fina hi b’saħħitha iktar minn attrazzjoni fiżika. Meta tnejn verament iħobbu lil xulxin, huma jibqgħu flimkien avolja relazzjoni fiżika ma tkunx iktar possibbli bejniethom minħabba xi mard kaġunat mill-età jew minn xi diżabilità.
L-Imħabba—Kwalità Essenzjali
5. L-imħabba għala hija kwalità li l-Kristjan ma jistax jgħaddi mingħajrha?
5 L-imħabba għala hija kwalità li l-Kristjan ma jistax jgħaddi mingħajrha? L-ewwel, għaliex Ġesù kkmanda lis-segwaċi tiegħu biex iħobbu lil xulxin. Hu qal: “Intom ħbiebi, jekk tagħmlu dak li jiena nikkmandakom. Dan hu li qiegħed nikkmandakom: li tħobbu lil xulxin.” (Ġwann 15:14, 17) It-tieni, għaliex Jehovah hu l-eżempju perfett taʼ l-imħabba, u bħala l-adoraturi tiegħu aħna għandna nimitawh. (Efesin 5:1; 1 Ġwann 4:16) Il-Bibbja tgħid li min jieħu l-għarfien dwar Jehovah u ibnu Ġesù jkollu l-ħajja taʼ dejjem. Kif nistgħu ngħidu li nafu lil Alla jekk ma nipprovawx nimitawh? L-appostlu Ġwanni rraġuna: “Dak li ma jħobbx ma għarafx lil Alla, għax Alla hu mħabba.”—1 Ġwann 4:8.
6. L-imħabba kif tistaʼ tibbilanċja aspetti differenti f’ħajjitna?
6 L-imħabba hija importanti minħabba t-tielet raġuni: Din tgħinna nibbilanċjaw aspetti differenti f’ħajjitna u dak li nagħmlu tgħinna nagħmluh b’motiv tajjeb. Per eżempju, hu vitali li nibqgħu nieħdu kontinwament l-għarfien tal-Kelma t’Alla. Għall-Kristjan dan l-għarfien hu bħal ikel. Jgħinu jsir iktar matur u jaġixxi fi qbil mar-rieda t’Alla. (Salm 119:105; Mattew 4:4; 2 Timotju 3:15, 16) Madankollu, Pawlu wissa: “L-għerf jonfoħna; l-imħabba tibnina.” (1 Korintin 8:1) Le, m’hemm xejn ħażin fl-għarfien eżatt. Il-problema hija aħna, minħabba li għandna tendenzi midinbin. (Ġenesi 8:21) Jekk ma jkunx hemm l-imħabba, li tgħin biex jinżamm il-bilanċ, l-għarfien jistaʼ jġiegħel lil dak li jkun jibda jintefaħ bih innifsu u jaħseb li hu aħjar minn ħaddieħor. Dan mhux se jiġri jekk ikun motivat prinċipalment mill-imħabba. “L-imħabba . . . ma tintefaħx biha nfisha, ma titkabbarx fuq l-oħrajn.” (1 Korintin 13:4) Kristjan li hu motivat mill-imħabba m’huwiex se jitkabbar avolja jikseb għarfien profond. L-imħabba żżommu umli u ma jfittixx li jikseb il-fama.—Salm 138:6, Saydon; Ġakbu 4:6.
7, 8. L-imħabba kif tgħinna niffokaw fuq l-affarijiet li huma l-iktar importanti?
7 Pawlu kiteb lill-Filippin: “Jien dan nitlob: li l-imħabba tagħkom tikber u toktor dejjem iżjed bl-għerf u b’kull dehen, biex tistgħu tagħrfu tagħżlu l-aħjar.” (Filippin 1:9, 10) L-imħabba Kristjana se tgħinna nieħdu l-parir taʼ dan il-kliem inkuraġġanti biex nagħrfu nagħżlu x’inhuma l-iktar affarijiet importanti. Bħala eżempju ejja nikkunsidraw il-kliem li l-appostlu Pawlu qal lil Timotju: “Min jixtieq ix-xogħol taʼ [indokratur] jixtieq xogħol sabiħ.” (1 Timotju 3:1) Matul is-sena taʼ servizz 2000, in-numru tal-kongregazzjonijiet madwar id-dinja żdied b’1,502, u dan iwassal għat-total ġdid taʼ 91,487. Għaldaqstant, hemm ħtieġa kbira għal iktar anzjani, u dawk li qed jistinkaw għal dan il-privileġġ ħaqqhom prosit.
8 Madankollu, jekk dawk li qed jistinkaw għal privileġġi taʼ indokrar iżommu f’moħħhom x’inhu l-iskop taʼ privileġġ bħal dan, huma se jżommu l-bilanċ xieraq. M’huwiex il-fatt li sempliċement ikollok awtorità jew li ssir iktar magħruf li hu importanti. Il-motiv taʼ l-anzjani li jogħġbu lil Jehovah hu l-imħabba għalih u għal ħuthom. M’humiex qed ifittxu l-prominenza jew li jkollhom xi poter. Wara li l-appostlu Pietru wissa lill-anzjani tal-kongregazzjoni biex ikollhom attitudni tajba, hu saħaq fuq il-bżonn taʼ l-“umiltà.” Wissa lil kulħadd fil-kongregazzjoni: “Kunu . . . umli taħt l-id setgħana taʼ Alla.” (1 Pietru 5:1-6) Min qed jistinka għal iktar responsabbiltà jagħmel tajjeb li jikkunsidra l-eżempju taʼ tant u tant anzjani mad-dinja kollha li huma barka għall-kongregazzjonijiet tagħhom minħabba l-fatt li huma ħabrieka u umli.—Lhud 13:7.
Motiv Tajjeb Jgħinna Nissaportu
9. Il-Kristjani għala jżommu quddiem għajnejhom il-barkiet li wegħedhom Jehovah?
9 L-importanza li l-motiv tagħna jkun l-imħabba nistgħu narawh b’mod ieħor. Lil dawk li mill-imħabba jistinkaw biex jgħixu b’devozzjoni lejn Alla, il-Bibbja twegħedhom barkiet kbar issa, u fil-futur barkiet meraviljużi li lanqas biss tistaʼ timmaġinahom. (1 Timotju 4:8) Kristjan li jemmen b’qalbu kollha f’dawn il-wegħdi u li hu konvint li Jehovah jsir dak li “jagħti l-ħlas xieraq lil dawk li jfittxuh” bis-serjetà, jiġi megħjun biex ikun sod fil-fidi. (Lhud 11:6) Il-biċċa l-kbira minna nixxennqu għat-twettiq tal-wegħdi t’Alla u nesprimu l-istess sentimenti taʼ l-appostlu Ġwanni: “Hekk ikun. Ejja, Mulej Ġesù!” (Apokalissi 22:20) Iva, meta nimmeditaw fuq il-barkiet li hemm lesti għalina jekk nibqgħu leali, aħna se nissaħħu biex inkunu nistgħu nissaportu sewwa sew bħal Ġesù, li ġie megħjun biex jissaporti għax żamm f’moħħu l-“hena li kellu quddiemu.”—Lhud 12:1, 2.
10, 11. Il-fatt li nkunu motivati mill-imħabba kif jgħinna nissaportu?
10 Iżda xi ngħidu jekk ix-xewqa li ngħixu fid-dinja l-ġdida hija l-uniku motiv li għalih qed naqdu lil Jehovah? Jekk inhu hekk, meta l-affarijiet isiru diffiċli jew ma jiġrux kif u meta nixtiquhom aħna, nistgħu faċilment nibdew nitilfu l-paċenzja jew niddejqu. Nistgħu nsibu ruħna fil-periklu serju li nitbegħdu mill-verità. (Lhud 2:1; 3:12) Pawlu semma lil Dema, wieħed li qabel kien ikun miegħu imma li abbandunah. Għala? Għaliex “ħabb aktar lid-dinja.” (2 Timotju 4:10) Kulmin jaqdi lil Alla sempliċement għal raġunijiet egoistiċi jkun fil-periklu li jagħmel l-istess ħaġa. Forsi jibdew jogħġbuh l-opportunitajiet immedjati li d-dinja tistaʼ toffrilu u ma jkunx irid li jagħmel sagrifiċċji issa bit-tama li jkollu barkiet fil-futur.
11 Filwaqt li hu xieraq u naturali li wieħed ikollu xewqa għall-barkiet futuri u għas-serħan tant mistenni mill-provi tal-ħajja, hija l-imħabba li tibnilna l-apprezzament għal dik li għandha tkun l-iktar ħaġa importanti f’ħajjitna. Hija r-rieda taʼ Jehovah l-iktar ħaġa importanti u mhux ir-rieda tagħna. (Luqa 22:41, 42) Iva, l-imħabba ssaħħaħna. Iġġagħalna nkunu kuntenti waqt li nistennew bil-paċenzja l-waqt t’Alla, sodisfatti bil-barkiet li hu jogħġbu jagħtina. Barra minn hekk, inkunu wkoll fiduċjużi li meta jasal il-waqt se nirċievu l-barkiet kollha li hu wegħedna, u mhux dawk biss imma ħafna iktar. (Salm 145:16; 2 Korintin 12:8, 9) Sadattant, l-imħabba tgħinna nkomplu naqdu mingħajr egoiżmu għaliex “l-imħabba . . . ma tfittixx dak li hu tagħha.”—1 Korintin 13:4, 5.
Il-Kristjani lil Min Għandhom Iħobbu?
12. Skond Ġesù lil min għandna nħobbu?
12 Ġesù tana regola ġenerali dwar lil min għandna nħobbu meta kkwota żewġ stqarrijiet mil-Liġi Mosajka. Hu qal: “Ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu,” u, “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.”—Mattew 22:37-39.
13. Kif nistgħu nsiru nħobbu lil Jehovah avolja ma nistgħux narawh?
13 Minn kliemu Ġesù wera ċar li l-ewwel u qabel kollox għandna nħobbu lil Jehovah. Madankollu, din l-imħabba sħiħa għal Jehovah ma nitwildux biha. Hija xi ħaġa li rridu nikkultivawha ġewwa fina. Meta smajna bih għall-ewwel darba, bdejna ninġibdu lejh minħabba f’dak li smajna. Ftit ftit, sirna nafu kif ħejja l-art għall-bnedmin. (Ġenesi 2:5-23) Tgħallimna kif ittratta mal-bnedmin u meta l-familja umana waqgħet fid-dnub mhux talli m’abbandunaniex imma talli ħa passi biex jifdina. (Ġenesi 3:1-5, 15) Hu wera qalb tajba maʼ dawk li kienu leali, u maż-żmien ipprovda lill-Iben uniġenitu tiegħu biex permezz tiegħu jkollna l-maħfra taʼ dnubietna. (Ġwann 3:16, 36) Iżjed ma bdejna nieħdu għarfien, iżjed beda jikber l-apprezzament tagħna lejn Jehovah. (Isaija 25:1) Is-sultan David qal li kien iħobb lil Jehovah għax Hu dejjem kien jieħu ħsiebu b’għożża kbira. (Salm 116:1-9) Illum Jehovah jieħu ħsiebna, jiggwidana, isaħħaħna, u jinkuraġġina. Iktar ma nitgħallmu dwaru, iktar insiru nħobbuh b’qalbna kollha.—Salm 31:24 [31:23, NW]; Sofonija 3:17; Rumani 8:28.
L-Imħabba Tagħna Kif Nistgħu Nuruha?
14. B’liema mod nistgħu nuru li l-imħabba tagħna lejn Alla hi ġenwina?
14 M’għandniex xi ngħidu, hemm ħafna nies madwar id-dinja li jgħidu li jħobbu lil Alla, imma l-mod kif jaġixxu jgiddeb dak li jgħidu. Kif nistgħu nkunu nafu jekk aħna nħobbuhx tassew lil Jehovah? Nistgħu nitkellmu miegħu permezz tat-talb u ngħidulu kif inħossuna. U nistgħu naġixxu b’mod li juri l-imħabba tagħna. L-appostlu Ġwanni qal: “Iżda kull min iżomm il-kelma tiegħu, fih hemm tassew l-imħabba taʼ Alla fil-milja tagħha. B’dan nagħrfu li aħna [“f’għaqda miegħu,” NW].” (1 Ġwann 2:5; 5:3) Fost affarijiet oħra, il-Kelma t’Alla tgħidilna biex nassoċjaw flimkien u ngħixu ħajjiet nodfa u morali. Irridu nevitaw l-ipokresija, nitkellmu s-sewwa, u nżommu l-ħsibijiet tagħna nodfa. (2 Korintin 7:1; Efesin 4:15, Karm Żammit; 1 Timotju 1:5; Lhud 10:23-25) L-imħabba nuruha billi nagħtu għajnuna materjali lil dawk fil-bżonn. (1 Ġwann 3:17, 18) U ma nżommux lura milli ngħidu lil oħrajn dwar Jehovah. Dan jinkludi li nieħdu sehem fl-ippridkar taʼ l-aħbar it-tajba tas-Saltna mad-dinja kollha. (Mattew 24:14; Rumani 10:10) L-ubbidjenza tagħna lejn il-Kelma t’Alla f’dawn l-affarijiet turi li l-imħabba tagħna għal Jehovah hi ġenwina.
15, 16. L-imħabba lejn Jehovah kif effettwat il-ħajjiet taʼ ħafna wħud is-sena l-oħra?
15 L-imħabba lejn Jehovah tgħin lin-nies jieħdu deċiżjonijiet tajbin. Is-sena l-oħra, din l-imħabba qanqlet lil 288,907 individwi biex jiddedikaw ħajjithom lil Jehovah u jissimbolizzaw din id-deċiżjoni bil-magħmudija taʼ l-ilma. (Mattew 28:19, 20) Id-dedikazzjoni taʼ dawn l-individwi kienet tfisser ħafna. Kienet sinjal taʼ bidla f’ħajjithom. Ejja nieħdu l-eżempju taʼ Gazmend, li kien wieħed mill-aqwa plejers tal-basketball fl-Albanija. Għal xi snin, hu u martu kienu jistudjaw il-Bibbja u minkejja l-ostakli li ffaċċjaw, wara ftit taż-żmien ikkwalifikaw bħala pubblikaturi tas-Saltna. Is-sena l-oħra, Gazmend tgħammed, u kien wieħed mit-366 ruħ li tgħammdu fl-Albanija fis-sena taʼ servizz 2000. Waħda mill-gazzetti ppubblikat artiklu dwaru u qalet: “Ħajtu għandha skop, u minħabba f’hekk, hu u l-familja tiegħu qatt ma kienu daqshekk ferħanin. Għalih, m’għadux iktar importanti li jara kemm jistaʼ jakkwista fil-ħajja imma, minflok, kemm jistaʼ jkun t’għajnuna għal nies oħra.”
16 Anki oħt li għadha kif tgħammdet u li taħdem maʼ kumpanija taż-żejt fi Gwam, kellha offerta li ma kinitx taʼ min jitlifha. Wara li kienet ilha għal snin sħaħ tistinka biex tavanza fl-impjieg tagħha, hi ġiet offruta l-opportunità biex tkun l-ewwel viċi president mara fl-istorja tal-kumpanija. Madankollu, issa kienet iddedikat ħajjitha lil Jehovah. Għalhekk, wara li ddiskutiet l-affarijiet maʼ żewġha, din l-oħt ġdida rrifjutat din l-offerta u minflok għamlet l-arranġamenti meħtieġa biex tkun tistaʼ taħdem part-time. Dan għamlitu ħalli tkun tistaʼ tagħmel progress u ssir ministru full-time, jiġifieri pijuniera. B’hekk, l-imħabba lejn Jehovah qanqlitha biex taqdih bħala pijuniera u mhux biex tkun ħsiebha kif tavanza finanzjarjament f’din id-dinja. Fil-fatt, madwar id-dinja din l-imħabba qanqlet lil 805,205 individwi biex jieħdu sehem f’aspetti differenti tal-ministeru taʼ pijunier matul is-sena taʼ servizz 2000. X’espressjoni taʼ mħabba u fidi wrew dawn il-pijunieri!
Imqanqlin biex Inħobbu lil Ġesù
17. Liema eżempju mill-aħjar taʼ l-imħabba naraw f’Ġesù?
17 Ġesù hu eżempju mill-aqwa taʼ wieħed li l-motiv tiegħu hu l-imħabba. Qabel ma sar bniedem, hu kien iħobb lil Missieru u lill-umanità. Bħala eżempju perfett taʼ l-għerf, hu qal: “Jien kont [maġenb Jehovah] bħala [“mgħallem,” Saydon], l-għaxqa tiegħu, jum wara ieħor, nitliegħeb il-ħin kollu quddiemu; nitliegħeb fuq l-art imħejjija għall-bnedmin, nitgħaxxaq b’ulied il-bnedmin.” (Proverbji 8:30, 31) L-imħabba qanqlet lil Ġesù biex iħalli l-post tiegħu fis-sema u jitwieled bħala daqsxejn taʼ tarbija. Kien jittratta lill-ġwejdin u lill-umlin bil-paċenzja u b’qalb tajba u bata taħt idejn l-għedewwa taʼ Jehovah. Fl-aħħarnett, miet għall-umanità kollha fuq iz-zokk tat-tortura. (Ġwann 3:35; 14:30, 31; 15:12, 13; Filippin 2:5-11) X’eżempju mill-aħjar taʼ motiv xieraq!
18. (a) Aħna kif nikkultivaw l-imħabba lejn Ġesù ġewwa fina? (b) Aħna b’liema mod nuru li nħobbu lil Ġesù?
18 Meta dawk li qalbhom tkun lesta li taċċetta l-verità jaqraw ir-rakkonti tal-ħajja taʼ Ġesù fl-Evanġelji u jimmeditaw fuq kemm barkiet ġabitilhom il-lealtà tiegħu, huma jħossu l-imħabba profonda lejh tikber ġewwa fihom. Aħna llum nixbhu lil dawk li Pietru indirizzahom bil-kliem: “Għalkemm ma rajtuhx [lil Ġesù], intom tħobbuh.” (1 Pietru 1:8) Imħabbitna nuruha meta neżerċitaw fidi fih u nimitaw il-ħajja tiegħu mimlija sagrifiċċji. (1 Korintin 11:1; 1 Tessalonikin 1:6; 1 Pietru 2:21-25) Fid-19 t’April, 2000, total taʼ 14,872,086 ruħ ġew imfakkrin dwar ir-raġunijiet għala għandna nħobbu lil Ġesù. Dan sar meta attendew għall-Mafkar taʼ mewtu li jsir kull sena. X’numru kbir kien dan! U kemm ġejna inkuraġġiti meta sirna nafu li hawn daqstant nies li huma interessati fis-salvazzjoni permezz tas-sagrifiċċju taʼ Ġesù! Verament inħossuna msaħħin mill-imħabba taʼ Jehovah u taʼ Ġesù lejna u mill-imħabba tagħna lejhom.
19. Liema mistoqsijiet dwar l-imħabba se jiġu diskussi fl-artiklu li jmiss?
19 Ġesù qal li għandna nħobbu lil Jehovah b’qalbna, b’ruħna, b’moħħna u bil-qawwa tagħna kollha. Imma hu qal ukoll li għandna nħobbu lill-proxxmu tagħna bħalna nfusna. (Mark 12:29-31) Dan lil min jinkludi? U l-imħabba għall-proxxmu kif tgħinna nżommu bilanċ tajjeb u motiv xieraq? Dawn il-mistoqsijiet se jiġu diskussi fl-artiklu li jmiss.
X’Tiftakar?
• L-imħabba għala hija kwalità vitali?
• Kif nistgħu nitgħallmu nħobbu lil Jehovah?
• Il-kondotta tagħna kif turi li nħobbu lil Jehovah?
• Kif nistgħu nuru l-imħabba tagħna lejn Ġesù?
[Stampi f’paġna 10]
L-imħabba tgħinna nistennew bil-paċenzja għas-serħan
[Stampa f’paġna 12]
Is-sagrifiċċju kbir taʼ Ġesù jqanqalna biex inħobbuh