Kemm Hija Kbira u Mifruxa Mħabbtek?
“Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.”—MATTEW 22:39.
1. Jekk inħobbu lil Jehovah, għala rridu wkoll inħobbu lil għajrna?
META Ġesù ġie mistoqsi liema hu l-akbar kmandament, hu wieġeb: “Ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu.” Imbagħad ikkwota t-tieni kmandament li jixbah lil dak taʼ l-ewwel: “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.” (Mattew 22:37, 39) Iva, l-imħabba tal-proxxmu hija marka li tidentifika lil Kristjan. Tabilħaqq, jekk inħobbu lil Jehovah rridu nħobbu lil għajrna. Għala? Għaliex nuru li nħobbu lil Alla billi nobdu l-Kelma tiegħu, u l-Kelma tiegħu tikkmandana biex inħobbu lil għajrna. Għaldaqstant, jekk ma nħobbux lil ħutna, l-imħabba tagħna lejn Alla ma tistax tkun ġenwina.—Rumani 13:8; 1 Ġwann 2:5; 4:20, 21.
2. Liema tip taʼ mħabba għandu jkollna għal għajrna?
2 Meta Ġesù qal li għandna nħobbu lil għajrna, hu ma kienx qed jitkellem dwar sempliċi ħbiberija. Kien qed jirreferi għal tip taʼ mħabba li hija differenti mill-imħabba naturali li teżisti ġewwa l-familja jew bejn raġel u mara. Hu kien qed jitkellem dwar it-tip taʼ mħabba li Jehovah għandu għall-qaddejja dedikati tiegħu u li huma għandhom lejh. (Ġwann 17:26; 1 Ġwann 4:11, 19) Wieħed skriba Lhudi, li skond Ġesù tkellem b’mod intelliġenti, qabel maʼ Ġesù dwar li wieħed għandu jħobb lil Alla ‘b’qalbu kollha, b’ruħu kollha, b’moħħu kollu, u bil-qawwa tiegħu kollha.’ (Mark 12:28-34) Dak l-iskriba tkellem sewwa. L-imħabba li Kristjan jikkultiva ġewwa fih għal Alla u għal għajru tinvolvi l-emozzjonijiet u r-raġuni. Tinħass fil-qalb u hija gwidata mill-moħħ.
3. (a) Lil “wieħed għaref fil-Liġi” Ġesù kif għallmu li għandu jkollu ħarsa mifruxa dwar min kien il-proxxmu tiegħu? (b) It-tixbieha taʼ Ġesù kif tapplika għall-Kristjani llum?
3 Skond ir-rakkont taʼ Luqa, meta Ġesù qal li għandna nħobbu lill-proxxmu, “wieħed għaref fil-Liġi” staqsieh: “Il-proxxmu tiegħi min hu?” Ġesù wieġbu b’parabbola. Wieħed raġel safa msawwat, misruq u mħolli nofsu mejjet mal-ġenb tat-triq. L-ewwel għadda qassis, imbagħad Levita. It-tnejn li huma injorawh. Fl-aħħar, għadda Samaritan, ra lir-raġel ferut, u aġixxa b’qalb tajba li ma bħalha lejh. Liema mit-tlieta kien qed jaġixxi taʼ proxxmu mar-raġel ferut? It-tweġiba kienet ovvja. (Luqa 10:25-37) Ir-raġel li kien għaref fil-Liġi għandu mnejn baqaʼ ċċassat meta semaʼ lil Ġesù jgħid li Samaritan kien proxxmu aħjar minn qassis u Levita. Jidher ċar li Ġesù kien qed jgħin lil dan ir-raġel biex iħobb lill-għajru b’imħabba akbar u iktar mifruxa. Il-Kristjani wkoll iħobbu b’dan il-mod. Ikkunsidra lil dawk kollha li huma jħobbu.
Imħabba fil-Familja
4. Il-Kristjan fejn juriha l-ewwel l-imħabba?
4 Il-Kristjani jħobbu lill-membri tal-familja tagħhom. In-nisa jħobbu lil żwieġhom, l-irġiel iħobbu lin-nisa tagħhom u l-ġenituri jħobbu lil uliedhom. (Koħèlet 9:9; Efesin 5:33; Titu 2:4) Huwa minnu li r-rabta taʼ l-imħabba naturali teżisti fil-biċċa l-kbira tal-familji. Madankollu, rapporti dwar żwiġijiet imkissrin, abbużi fuq is-sieħeb jew sieħba fiż-żwieġ, u tfal abbużati jew li jiġu traskurati, juru kemm il-familja għaddejja minn pressjonijiet illum. Minħabba f’hekk, għandu mnejn li s-sentimenti naturali li l-membri tal-familja jkollhom lejn xulxin ma jkunux biżżejjed biex iżommuha magħquda. (2 Timotju 3:1-3) Biex il-Kristjani jkollhom suċċess veru fil-ħajja tal-familja jeħtieġ li jeżerċitaw it-tip taʼ mħabba li għandhom Jehovah u Ġesù.—Efesin 5:21-27.
5. Il-ġenituri lejn min iduru biex jgħinhom irabbu lil uliedhom, u liema riżultati kellhom ħafna minnhom?
5 Ġenituri Kristjani jqisu lil uliedhom bħala xi ħaġa prezzjuża li Jehovah fdalhom f’idejhom. Huma jfittxu l-għajnuna tiegħu biex irabbuhom. (Salm 127:3-5; Proverbji 22:6) B’dan il-mod huma jikkultivaw ġewwa fihom l-imħabba Kristjana, li tgħinhom iħarsu lil uliedhom mill-influwenzi ħżiena li ż-żgħażagħ jistgħu jaqgħu vittmi tagħhom. B’riżultat taʼ dan, ħafna ġenituri Kristjani esperjenzaw ferħ bħal dak taʼ omm mill-Olanda. Wara li rat lil binha jitgħammed, li kien wieħed mill-575 persuna li tgħammdu fl-Olanda s-sena l-oħra, hi kitbet dan li ġej: “F’dan il-mument, l-investiment li għamilt f’dawn l-aħħar 20 sena qed irendi l-frott. Il-ħin u l-enerġija kollha, kif ukoll l-uġigħ, l-isforzi, u n-niket, issa nsejthom.” Kemm hi ferħana li binha minn jeddu għażel li jaqdi lil Jehovah. Il-quċċata taʼ 31,089 pubblikatur li rrapportaw fl-Olanda s-sena l-oħra tinkludi lil ħafna li tgħallmu jħobbu lil Jehovah mingħand il-ġenituri tagħhom.
6. L-imħabba Kristjana kif tistaʼ tkun t’għajnuna biex tissaħħaħ ir-rabta taż-żwieġ?
6 Pawlu l-imħabba sejħilha “rabta perfetta li tgħaqqad,” u din tistaʼ żżomm l-għaqda taż-żwieġ sħiħa saħansitra meta ż-żwieġ ikun għaddej minn xi kriżi. (Kolossin 3:14, 18, 19, NW; 1 Pietru 3:1-7) Meta raġel fil-gżira taʼ Rurutu, madwar 700 kilometru ’l bogħod minn Taħiti, beda jistudja l-Bibbja max-Xhieda taʼ Jehovah, il-mara tiegħu tgħidx kemm opponietlu. Wara ftit telqitu, ħadet it-tfal magħha u marret toqgħod f’Taħiti. Xorta waħda hu baqaʼ juri l-imħabba tiegħu billi kien jibgħatilha l-flus regolarment u jċemplilha biex jara jekk hi jew it-tfal kellhomx bżonn xi ħaġa. B’hekk kien jagħmel kulma jistaʼ biex iwettaq l-obbligi tiegħu taʼ Kristjan. (1 Timotju 5:8) Kien il-ħin kollu jitlob lil Alla biex il-familja tiegħu terġaʼ tingħaqad flimkien, u wara ftit taż-żmien martu reġgħet lura d-dar. Meta marret lura ttrattaha ‘bl-imħabba, bis-sabar, u bil-ħlewwa.’ (1 Timotju 6:11) Hu tgħammed fl-1998 u iktar tard meta martu aċċettat li tistudja l-Bibbja tgħidx kemm feraħ. Dan kien wieħed mill-1,351 studju li saru s-sena l-oħra fit-territorju li jaqaʼ taħt il-fergħa taʼ Taħiti.
7. Raġel fil-Ġermanja, x’qal li saħħaħlu ż-żwieġ tiegħu?
7 Fil-Ġermanja wieħed raġel ma tantx ħa gost bl-interess li martu wriet fil-verità tal-Bibbja għax kien konvint li x-Xhieda taʼ Jehovah riedu jqarrqu biha. Madankollu, ftit żmien wara, lil dik ix-Xhud li kkuntattjat lil martu l-ewwel darba kitbilha: “Grazzi talli permezz tiegħek marti saret taf lix-Xhieda taʼ Jehovah. Għall-ewwel ħassejtni inkwetat għax smajt ħafna affarijiet koroh fuqkom. Imma issa li attendejt għal-laqgħat maʼ marti rrealizzajt kemm kont żbaljat. Issa naf li qed nismaʼ l-verità, u din tant saħħitilna ż-żwieġ tagħna.” Il-162,932 Xhud taʼ Jehovah fil-Ġermanja, kif ukoll l-1,773 Xhud fil-gżejjer li jaqgħu taħt il-fergħa taʼ Taħiti, jinkludu ħafna familji magħqudin fl-imħabba lejn Alla.
Imħabba għal Ħutna l-Kristjani
8, 9. (a) Min jgħallimna nħobbu lil ħutna, u l-imħabba xi tqanqalna nagħmlu? (b) Agħti eżempju taʼ kif l-imħabba tistaʼ tgħin lill-aħwa jappoġġaw lil xulxin.
8 Pawlu qal lill-Kristjani f’Tessalonika: “Intom stess tgħallimtu mingħand Alla kif għandkom tħobbu lil xulxin.” (1 Tessalonikin 4:9) Iva, dawk li huma “mgħallma mill-Mulej” iħobbu lil xulxin. (Isaija 54:13) L-imħabba tagħhom tintwera bil-fatti, bħalma wera Pawlu meta qal: “Aqdu lil xulxin fl-imħabba.” (Galatin 5:13; 1 Ġwann 3:18) Per eżempju, dan jagħmluh meta jżuru lil ħuthom morda, jinkuraġġixxu lil dawk dipressi, u jgħinu lid-dgħajfin. (1 Tessalonikin 5:14) L-imħabba Kristjana ġenwina tagħna twassal biex il-ġenna spiritwali tagħna tkompli tikber.
9 Fil-Kongregazzjoni taʼ Ancón, li hi waħda mill-544 kongregazzjoni fl-Ekwador, l-aħwa wrew l-imħabba b’mod prattiku. Minħabba kriżi finanzjarja, huma spiċċaw bla xogħol u bla flus. Għalhekk, il-pubblikaturi ddeċidew li jaqilgħu xi ħaġa tal-flus billi jbigħu l-ikel lis-sajjieda tal-post meta dawn jidħlu lura wara lejl sħiħ jistadu. Kulħadd ikkoopera, anki t-tfal. Kellhom jibdew fis-siegħa taʼ fil-għodu biex jilħqu jippreparaw l-ikel sa l-erbgħa taʼ fil-għodu, il-ħin li kienu jidħlu lura s-sajjieda. Il-flus li kienu jdaħħlu dawn l-aħwa kienu jinqasmu bejniethom skond il-bżonn. Din l-għajnuna li taw lil xulxin kienet turija taʼ mħabba Kristjana ġenwina.
10, 11. Kif nistgħu nuru mħabba lejn aħwa li ma nafuhomx personalment?
10 Madankollu, l-imħabba tagħna ma nuruhiex biss lill-Kristjani li nafuhom personalment. L-appostlu Pietru qal: “Ħobbu lill-aħwa [kollha].” (1 Pietru 2:17) Aħna nħobbu lil ħutna kollha għaliex huma kollha adoraturi t’Alla Jehovah bħalna. Żmien taʼ kriżi għandu mnejn jippreżentalna opportunità biex nuru din l-imħabba. Per eżempju, matul is-sena taʼ servizz 2000, minħabba l-għargħar kbir li għamel fil-Możambik u l-gwerra ċivili li ma taqtaʼ xejn ġewwa l-Angola, ħafna aħwa ftaqru. Numru kbir taʼ aħwa mill-31,725 li hemm fil-Możambik, u l-41,222 li hemm f’Angola ġew effettwati minn dawn il-ġrajjiet. Minħabba f’hekk ix-Xhieda mill-Afrika t’Isfel, pajjiż ġirien tagħhom, bagħtu kwantitajiet kbar taʼ provvisti biex itaffu n-niket taʼ ħuthom f’dawn il-pajjiżi. Il-fatt li minn jeddhom taw miż-“żejjed” tagħhom lil ħuthom fil-bżonn kien turija taʼ l-imħabba tagħhom.—2 Korintin 8:8, 13-15, 24.
11 L-imħabba tidher ukoll meta l-aħwa f’ħafna pajjiżi jagħtu kontribuzzjonijiet biex jinbnew Swali tas-Saltna u Swali taʼ l-Assembleat f’pajjiżi fil-bżonn. Eżempju wieħed hu l-Gżejjer Solomon. Minkejja taqlib kbir, is-sena l-oħra l-Gżejjer Solomon kellhom żjieda taʼ 6 fil-mija fil-pubblikaturi, b’quċċata taʼ 1,697. Għalhekk huma ppjanaw li jibnu Sala taʼ l-Assemblea. Għalkemm ħafna min-nies tal-gżira kienu qed jaħarbu mill-pajjiż, ġew volontieri mill-Awstralja biex jgħinu fil-bini. Wara ftit, il-volontieri kellhom jitilqu, imma mhux qabel ma kienu laħqu ħarrġu lill-aħwa tal-post biex ilestu l-pedament. Il-qafas taʼ l-azzar għas-sala, maħdum u lest, wasal bil-baħar mill-Awstralja. Il-fatt li dan il-bini għall-qima tlesta fi żmien meta x-xogħol tal-bini kien kważi waqaf għalkollox huwa l-aqwa xiehda għall-isem taʼ Jehovah u għall-imħabba taʼ l-aħwa.
Bħal Alla, Aħna Nħobbu lid-Dinja
12. Kif nistgħu nimitaw lil Jehovah fl-attitudni tagħna lejn dawk li m’humiex taʼ l-istess twemmin tagħna?
12 Hija l-imħabba tagħna limitata għall-familja tagħna u għal ħutna spiritwali? Le, mhux jekk aħna ‘nixbhu lil Alla.’ Ġesù qal: “Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja taʼ dejjem.” (Efesin 5:1; Ġwann 3:16, korsiv tagħna.) Aħna, bħal Alla Jehovah, naġixxu b’imħabba lejn kulħadd, inkluż dawk li m’humiex taʼ l-istess twemmin tagħna. (Luqa 6:35, 36; Galatin 6:10) Hu speċjalment minħabba f’hekk li aħna nxandru l-aħbar tajba tas-Saltna u ngħidu lill-oħrajn dwar l-att kbir taʼ mħabba li Alla għamel għalihom. Dan jistaʼ jirriżulta fis-salvazzjoni taʼ dawk li jisimgħu.—Mark 13:10; 1 Timotju 4:16.
13, 14. Liema esperjenzi jissemmew taʼ aħwa li wrew imħabba lejn uħud li m’humiex Xhieda taʼ Jehovah, saħansitra billi għamlu sagrifiċċji persunali kbar?
13 Ikkunsidra erbaʼ aħwa li jaqdu bħala pijunieri speċjali fin-Nepal, li ġew inkarigati biex jagħtu xiehda f’belt fil-lbiċ tal-pajjiż. Għal dawn l-aħħar ħames snin urew l-imħabba tagħhom billi taw xiehda bil-paċenzja kollha fil-belt u fl-irħula ’l bogħod. Biex ikopru t-territorju tagħhom, ikollhom spiss jivvjaġġaw għal ħafna sigħat bir-rota f’temperaturi taʼ iktar minn 40 grad Celsius. L-imħabba u ‘l-ipperseverar tagħhom fl-għemil it-tajjeb’ ipproduċew riżultati mill-aqwa meta fformaw grupp għall-istudju tal-ktieb f’wieħed mill-irħula. (Rumani 2:7) F’Marzu tas-sena 2000, kien hemm 32 ruħ biex jisimgħu t-taħdita pubblika li ngħatat mill-indokratur li jivvjaġġa. In-Nepal kellu quċċata taʼ 430 pubblikatur is-sena l-oħra, jiġifieri żjieda taʼ 9 fil-mija. Jidher ċar li Jehovah qed ibierek iż-żelu u l-imħabba taʼ l-aħwa f’dan il-pajjiż.
14 Fil-Kolumbja pijunieri speċjali temporanji marru jippridkaw fost l-Indjani tat-tribù tal-Wayuu. Biex jagħmlu dan kellhom jitgħallmu lingwa ġdida, imma l-interess li ħadu sforz l-imħabba tagħhom ġie premjat meta minkejja x-xita bil-qliel li niżlet, kien hemm 27 ruħ li attendew għat-taħdita pubblika. Iż-żelu kollu mħabba li ntwera minn dawn il-pijunieri wassal għal żjieda taʼ 5 fil-mija fil-Kolombja u quċċata taʼ 107,613-il pubblikatur. Fid-Danimarka oħt imdaħħla fiż-żmien riedet taqsam l-aħbar tajba m’oħrajn, imma ma kinitx tistaʼ minħabba diżabilità li għandha. Ma qatgħetx qalbha, imma kienet tikkuntattja lin-nies li juru interess billi tiktbilhom ittra. Fil-preżent, hi tinsab f’kuntatt maʼ 42 persuna u tikkonduċi 11-il studju tal-Bibbja. Hi tagħmel parti mill-quċċata taʼ 14,885 pubblikatur li rrapportaw fid-Danimarka s-sena l-oħra.
Ħobbu lill-Għedewwa Tagħkom
15, 16. (a) Ġesù kemm qal li kellha tkun kbira u mifruxa l-imħabba tagħna? (b) L-aħwa responsabbli kif ittrattaw b’imħabba maʼ individwu li għamel akkużi foloz kontra x-Xhieda taʼ Jehovah?
15 Ġesù qal lir-raġel li kien għaref fil-Liġi li Samaritan setaʼ jitqies bħala proxxmu. Fil-Priedka tiegħu taʼ fuq il-Muntanja, Ġesù saħansitra wasal biex qal: “Smajtu x’intqal, ‘Ħobb lil għajrek, u obgħod lill-għadu tiegħek.’ Imma jiena ngħidilkom: Ħobbu lill-għedewwa tagħkom, u itolbu għal dawk li jippersegwitawkom, biex tkunu wlied Missierkom li hu fis-smewwiet.” (Mattew 5:43-45) Anki meta xi ħadd jiħodha kontrina, aħna nipprovaw nibqgħu ‘nirbħu l-ħażen bit-tajjeb.’ (Rumani 12:19-21) Jekk jistaʼ jkun, naqsmu miegħu l-iktar ħaġa prezzjuża li għandna, il-verità.
16 Fl-Ukraina, artiklu fil-gazzetta Kremenchuk Herald, ittimbra lix-Xhieda taʼ Jehovah bħala setta perikoluża. Din kienet xi ħaġa serja għaliex fl-Ewropa xi wħud jagħtu dan it-timbru lix-Xhieda taʼ Jehovah sabiex jipperswadu lin-nies li l-attivitajiet tax-Xhieda għandhom jiġu ristretti jew projbiti. Għaldaqstant, l-aħwa avviċinaw lill-editur u talbuh biex joħroġ stqarrija biex tikkoreġi dan l-artiklu. Hu aċċetta, imma maʼ l-istqarrija stampa wkoll stqarrija oħra li tgħid li l-artiklu oriġinali kien ibbażat fuq il-fatti. Għalhekk aħwa responsabbli avviċinawh mill-ġdid b’iktar informazzjoni. Fl-aħħar, l-editur irrealizza li l-artiklu oriġinali kien żbaljat, u ppubblika stqarrija oħra biex jirtira dak li kien qal. Il-fatt li ttrattawh bl-onestà u b’qalb tajba kien il-mod kif titlob l-imħabba. Dan wassal biex ikollhom riżultati tajbin.
Kif Nistgħu Nikkultivaw l-Imħabba Ġewwa Fina?
17. Liema ħaġa tindika li jistaʼ ma jkunx dejjem faċli li naġixxu b’imħabba lejn ħaddieħor?
17 Meta titwieled tarbija, il-ġenituri tagħha jsiru jħobbuha mill-ewwel. Però li tittratta b’imħabba lil nies adulti m’hijiex daqshekk naturali. X’aktarx li hu għalhekk li l-Bibbja kemm-il darba tgħidilna biex inħobbu lil xulxin, għax din hi xi ħaġa li rridu naħdmu fuqha. (1 Pietru 1:22; 4:8; 1 Ġwann 3:11) Ġesù kien jaf li l-imħabba tagħna kellha tiġi taħt prova meta qal li għandna naħfru lil ħutna “sa sebgħa u sebgħin darba.” (Mattew 18:21, 22) Anki Pawlu ħeġġiġna biex ‘inkomplu nistabru b’xulxin.’ (Kolossin 3:12, 13) Mhux taʼ b’xejn li jintqalilna: “Fittxu l-imħabba!” (1 Korintin 14:1) Dan kif nistgħu nagħmluh?
18. X’se jgħinna nikkultivaw l-imħabba għal oħrajn ġewwa fina?
18 L-ewwel, nistgħu nżommu dejjem f’moħħna l-imħabba tagħna lejn Alla Jehovah. Din l-imħabba hija inċentiv qawwi biex inħobbu lill-proxxmu tagħna. Għala? Għaliex meta nagħmlu hekk, dan jirrifletti tajjeb fuq Missierna tas-sema u jġib glorja u tifħir lilu. (Ġwann 15:8-10; Filippin 1:9-11) It-tieni, nistgħu nipprovaw naraw l-affarijiet kif jarahom Jehovah. Kull darba li nidinbu, nidinbu kontra Jehovah; però hu għal darba wara l-oħra jaħfrilna u jkompli jħobbna. (Salm 86:5; 103:2, 3; 1 Ġwann 1:9; 4:18) Jekk nikkultivaw ġewwa fina l-ħarsa taʼ Jehovah, se nkunu lesti li nħobbu lil oħrajn u naħfrulhom meta jonqsuna. (Mattew 6:12) It-tielet, nistgħu nittrattaw lil oħrajn bħalma nixtiequ li huma jittrattaw lilna. (Mattew 7:12) Minħabba li aħna imperfetti, neħtieġu l-maħfra. Per eżempju, meta ngħidu xi ħaġa li biha nweġġgħu lil xi ħadd, aħna nittamaw li huma se jiftakru li kulħadd jidneb bl-ilsien xi kultant. (Ġakbu 3:2) Jekk irridu li oħrajn jittrattaw lilna bl-imħabba, aħna għandna nittrattaw lilhom bl-istess mod.
19. Kif nistgħu nfittxu l-għajnuna taʼ l-ispirtu qaddis biex nikkultivaw l-imħabba ġewwa fina?
19 Ir-rabaʼ, nistgħu nfittxu l-għajnuna taʼ l-ispirtu qaddis għaliex l-imħabba hija waħda mill-frott taʼ l-ispirtu. (Galatin 5:22, 23) Il-ħbiberija, is-sentimenti li l-membri tal-familja jkollhom lejn xulxin, u l-imħabba romantika huma taʼ spiss naturali. Imma neħtieġu l-għajnuna taʼ l-ispirtu taʼ Jehovah biex nikkultivaw ġewwa fina l-imħabba li għandu Hu, l-imħabba li hi rabta perfetta li tgħaqqad. Nistgħu nfittxu l-għajnuna taʼ l-ispirtu qaddis billi naqraw il-Bibbja ispirata. Per eżempju, jekk nistudjaw il-ħajja taʼ Ġesù naraw kif hu kien jittratta lin-nies, u nistgħu nitgħallmu kif nimitawh. (Ġwann 13:34, 35; 15:12) Iżjed minn hekk, nistgħu nitolbu lil Jehovah għall-ispirtu qaddis, speċjalment f’sitwazzjonijiet li jagħmluhielna diffiċli li naġixxu b’imħabba. (Luqa 11:13) Fl-aħħarnett, nistgħu nfittxu l-imħabba billi nibqgħu qrib tal-kongregazzjoni Kristjana. Jekk inkunu m’aħwa li jafu jħobbu, dan se jgħinna nikkultivaw l-imħabba ġewwa fina.—Proverbji 13:20.
20, 21. Ix-Xhieda taʼ Jehovah kif urew imħabba li tispikka matul is-sena taʼ servizz 2000?
20 Is-sena l-oħra, kien hemm quċċata taʼ 6,035,564 pubblikatur taʼ l-aħbar tajba madwar id-dinja. Ix-Xhieda taʼ Jehovah qattgħu total taʼ 1,171,270,425 siegħa jfittxu lil individwi biex jgħidulhom dwar din l-aħbar tajba. Kienet l-imħabba li għenithom jissaportu s-sħana, ix-xita u l-kesħa hekk kif huma wettqu dan ix-xogħol. Kienet l-imħabba li qanqlithom biex ikellmu lil sħabhom fl-iskola u fuq il-post tax-xogħol, u javviċinaw lil nies li ma jafuhomx fit-toroq u f’postijiet oħrajn. Ħafna minn dawk li ġew kuntattjati mix-Xhieda ma wrew ebda interess, ftit minnhom opponewhom. Madankollu, kien hemm min wera interess, tant li saru 433,454,049 żjara lura, u saru 4,766,631 studju tal-Bibbja.a
21 Dan kollu kemm juri l-imħabba li x-Xhieda taʼ Jehovah għandhom għal Alla u għall-proxxmu tagħhom! Din l-imħabba qatt ma tibred. Aħna fiduċjużi li fis-sena taʼ servizz 2001 se tingħata saħansitra xiehda akbar lill-umanità. Jalla l-barka taʼ Jehovah tkompli tkun maʼ l-adoraturi leali u żelużi tiegħu hekk kif huma ‘jagħmlu kollox fosthom bl-imħabba’!—1 Korintin 16:14.
[Noti taʼ taħt]
a Għad-dettalji kollha dwar ir-Rapport tas-Sena taʼ Servizz 2000, ara t-tabella f’paġni 18-21.
Tistaʼ Tispjega?
• Lil min inkunu qed nimitaw meta nħobbu lill-proxxmu tagħna?
• Kemm għandha tkun kbira u mifruxa l-imħabba tagħna?
• Liema esperjenzi jissemmew li juru l-imħabba Kristjana?
• Kif nistgħu nikkultivaw l-imħabba Kristjana ġewwa fina?
[Tabella f’paġna 18-21]
RAPPORT TAS-SENA TA’ SERVIZZ TAX-XHIEDA TA’ JEHOVAH MADWAR ID-DINJA
(Ara rivista)
[Stampi f’paġna 15]
L-imħabba Kristjana tistaʼ żżomm familja magħquda
[Stampi f’paġna 17]
L-imħabba tqanqalna biex naqsmu t-tama tagħna m’oħrajn