LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w15 11/15 pp. 21-26
  • ‘Tħobb lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek’?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • ‘Tħobb lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek’?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • ĦOBB LIS-​SIEĦEB JEW IS-​SIEĦBA TIEGĦEK FIŻ-​ŻWIEĠ
  • ĦOBB LIL ĦUTEK IRĠIEL U NISA
  • TINĠABAR “FOLLA KBIRA”
  • DEJJEM ĦOBB LIL OĦRAJN
  • Xi Jfisser li Nħobbu lill-Proxxmu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • “Ħobb lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Kemm Hija Kbira u Mifruxa Mħabbtek?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Ħobb lill-Alla li Jħobbok
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
w15 11/15 pp. 21-26
Irġiel jaħdmu flimkien biex jaqilgħu karozza mit-tajn

‘Tħobb lill-​proxxmu tiegħek bħalek innifsek’?

“Ħobb lill-​proxxmu tiegħek bħalek innifsek.”—MATTEW 22:39.

GĦANJIET: 73, 36

TAF TWIEĠEB?

  • Għala għandna nimitaw l-​imħabba taʼ Ġeħova?

  • L-​imħabba kemm hi importanti fiż-​żwieġ?

  • In-​nies t’Alla kif urew l-​imħabba għall-​proxxmu?

1, 2. L-​Iskrittura kif turi l-​importanza tal-​imħabba?

L-​IMĦABBA hi l-​kwalità prinċipali t’Alla Ġeħova. (1 Ġwanni 4:16) L-​ewwel ħolqien tiegħu, Ġesù Kristu, qattaʼ biljuni taʼ snin fis-​sema maʼ Missieru u sar jaf kemm Ġeħova hu Alla taʼ mħabba. (Kolossin 1:15) Ġesù wera l-​istess tip taʼ mħabba matul ħajtu kollha, kemm fis-​sema u kemm fuq l-​art. Allura, nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova u Ġesù dejjem se jmexxu bi mħabba.

2 Meta xi ħadd saqsa lil Ġesù x’kien l-​akbar kmandament, Ġesù qal: “‘Ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha u b’moħħok kollu.’ Dan hu l-​akbar u l-​ewwel kmandament. It-​tieni jixbhu u hu dan, ‘Ħobb lill-​proxxmu tiegħek bħalek innifsek.’”—Mattew 22:37-​39.

3. Min hu “l-​proxxmu” tagħna?

3 Huwa importanti li nuru l-​imħabba fir-​relazzjonijiet kollha tagħna. Ġesù qal li għandna nħobbu lil Ġeħova u anki lill-​proxxmu tagħna. Imma min hu “l-​proxxmu” tagħna? Jekk aħna miżżewġin, il-​mara jew ir-​raġel hu l-​iktar proxxmu li hu qrib tagħna. L-​aħwa rġiel u nisa fil-​kongregazzjoni huma l-​proxxmu tagħna wkoll, u anki n-​nies li niltaqgħu magħhom fil-​ministeru. F’dan l-​artiklu, se nitgħallmu dwar kif nistgħu nuru l-​imħabba lejn il-​proxxmu tagħna.

ĦOBB LIS-​SIEĦEB JEW IS-​SIEĦBA TIEGĦEK FIŻ-​ŻWIEĠ

4. Żwieġ kif jistaʼ jkun taʼ suċċess minkejja l-​imperfezzjoni umana?

4 Ġeħova ħalaq lil Adam u Eva u għaqqadhom flimkien. Dan kien l-​ewwel żwieġ. Alla ried li jkollhom żwieġ ferħan u jimlew l-​art bit-​tfal tagħhom. (Ġenesi 1:27, 28) Madanakollu, iż-​żwieġ tagħhom ħa daqqa taʼ ħarta meta m’obdewx lil Ġeħova u ġabu d-​dnub u l-​mewt fuqna lkoll. (Rumani 5:12) Minkejja dan, żwieġ jistaʼ jkun taʼ suċċess illum il-​ġurnata. Fil-​Bibbja, Ġeħova, il-​Ħallieq taż-​żwieġ, ta l-​aqwa pariri possibbli għall-​irġiel u n-​nisa miżżewġin.—Aqra t-​2 Timotju 3:16, 17.

Ġeħova jistenna li r-​raġel ikun kap kollu mħabba

5. L-​imħabba kemm hi importanti fiż-​żwieġ?

5 Il-​Bibbja turi li l-​imħabba mill-​qalb u tenera hi essenzjali biex ikollna relazzjonijiet ferħanin. Dan ċertament hu minnu fil-​każ taż-​żwieġ. L-​appostlu Pawlu ddeskriva l-​imħabba ġenwina meta qal: “L-​imħabba tistabar fit-​tul u qalbha tajba. L-​imħabba ma tgħirx, ma tiftaħarx, ma tintefaħx, ma ġġibx ruħha b’mod indeċenti, ma tfittixx l-​interessi tagħha, ma tiġix provokata. Ma żżommx kont tal-​ħsara. Ma tithenniex bl-​inġustizzja, imma tithenna bil-​verità. Kollox tiflaħ, kollox temmen, kollox tittama, kollox tissaporti. L-​imħabba ma tbatti qatt.” (1 Korintin 13:4-​8) Meta naħsbu dwar kliem Pawlu u napplikawh, ikun jistaʼ jkollna żwieġ hieni.

Billi juża barmil bl-ilma, raġel jgħin lil martu taħsel il-ħwejjeġ

Il-Bibbja turina kif ikollna żwieġ taʼ suċċess (Ara paragrafi 6, 7)

6, 7. (a) Il-​Bibbja x’tgħid dwar il-​kapijiet tal-​familja? (b) Raġel Kristjan kif għandu jittratta lil martu?

6 Ġeħova ddeċieda min għandu jkun il-​kap tal-​familja. Pawlu spjega: “Irridkom tkunu tafu li l-​kap taʼ kull raġel hu l-​Kristu; u l-​kap tal-​mara hu r-​raġel; u l-​kap tal-​Kristu hu Alla.” (1 Korintin 11:3) Imma Ġeħova jistenna li r-​raġel ikun kap kollu mħabba, u qatt ma jkun kattiv jew krudil. Ġeħova nnifsu hu Kap qalbu tajba u mhux egoist. Għalhekk, Ġesù jirrispetta l-​awtorità kollha mħabba t’Alla. Hu qal: “Inħobb lill-​Missier.” (Ġwanni 14:31) Ġesù ma kienx se jħossu hekk li kieku Ġeħova kien aħrax miegħu.

7 Veru li r-​raġel hu l-​kap taʼ martu, imma l-​Bibbja xorta waħda tgħidlu li għandu jonoraha. (1 Pietru 3:7) Raġel miżżewweġ kif jistaʼ jagħmel dan? Jistaʼ jikkunsidra x’għandha bżonn u jirrispetta l-​preferenzi tagħha. Il-​Bibbja tgħid: “Irġiel, komplu ħobbu lin-​nisa tagħkom, bħalma l-​Kristu wkoll ħabb lill-​kongregazzjoni u ta lilu nnifsu għaliha.” (Efesin 5:25) Iva, Ġesù saħansitra ta ħajtu għas-​segwaċi tiegħu. Meta raġel miżżewweġ ikun kap kollu mħabba bħal Ġesù, ikun iktar faċli għal martu biex tħobbu, tirrispettah, u tonora d-​deċiżjonijiet tiegħu.—Aqra Titu 2:3-​5.

ĦOBB LIL ĦUTEK IRĠIEL U NISA

8. Kif għandna nħossuna dwar ħutna rġiel u nisa?

8 Illum il-​ġurnata, miljuni taʼ nies madwar id-​dinja jqimu lil Ġeħova. Dawn huma ħutna rġiel u nisa. Kif għandna nħossuna dwarhom? Il-​Bibbja tgħid: “Ħa nagħmlu t-​tajjeb maʼ kulħadd, imma speċjalment maʼ min jiġi minna fil-​fidi.” (Galatin 6:10; aqra Rumani 12:10.) L-​appostlu Pietru kiteb li ‘l-​ubbidjenza tagħna lejn il-​verità’ għandha twassal għal “affezzjoni [ġenwina] lejn l-​aħwa.” Ukoll, Pietru qal lill-​Kristjani sħabu: “Fuq kollox, ħa jkollkom imħabba profonda lejn xulxin.”—1 Pietru 1:22; 4:8.

9, 10. In-​nies t’Alla għala huma magħqudin?

9 L-​organizzazzjoni globali tagħna hi unika. Għala? Għax għandna mħabba profonda u ġenwina għal ħutna rġiel u nisa. Iktar importanti minn hekk, peress li nħobbu lil Ġeħova u nobdu l-​liġijiet tiegħu, hu jappoġġana bl-​iktar forza setgħana fl-​univers, l-​ispirtu qaddis tiegħu. L-​ispirtu t’Alla jgħinna nkunu fratellanza globali li tassew hi magħquda.—Aqra l-​1 Ġwanni 4:20, 21.

10 Pawlu enfasizza l-​bżonn tal-​imħabba fost il-​Kristjani meta kiteb: “Ilbsu sentimenti profondi taʼ mogħdrija, u qalb tajba, umiltà, ħlewwa, u sabar fit-​tul. Komplu ssaportu lil xulxin u aħfru lil xulxin mill-​qalb jekk xi ħadd għandu għalxiex jilmenta kontra ħaddieħor. Bħalma Ġeħova ħafrilkom mill-​qalb, agħmlu hekk intom ukoll. Imma, minbarra dawn l-​affarijiet kollha, ilbsu l-​imħabba, għax hi rabta perfetta li tgħaqqad.” (Kolossin 3:12-​14) Kemm aħna grati li l-​imħabba, li hi “rabta perfetta li tgħaqqad,” teżisti fostna, ġejjin minn liema pajjiż ġejjin.

L-​imħabba u l-​unità jidentifikaw lix-​Xhieda taʼ Ġeħova bħala s-​segwaċi veri taʼ Ġesù, in-​nies li Alla qed juża biex jippritkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna mad-​dinja kollha

11. X’jidentifika lill-​organizzazzjoni t’Alla?

11 L-​imħabba u l-​unità ġenwina tal-​qaddejja taʼ Ġeħova jidentifikawhom bħala dawk l-​uħud li jipprattikaw ir-​reliġjon vera. Ġesù qal: “B’dan ikun jaf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jekk ikollkom l-​imħabba bejnietkom.” (Ġwanni 13:34, 35) U l-​appostlu Ġwanni kiteb: “Ulied Alla u wlied ix-​Xitan jidhru ċar minn dan il-​fatt: Kulmin ma jipprattikax il-​ġustizzja ma joriġinax minn Alla, lanqas min ma jħobbx lil ħuh. Għax dan hu l-​messaġġ li smajtu sa mill-​bidu, li għandna nħobbu lil xulxin.” (1 Ġwanni 3:10, 11) L-​imħabba u l-​unità jidentifikaw lix-​Xhieda taʼ Ġeħova bħala s-​segwaċi veri taʼ Ġesù, in-​nies li Alla qed juża biex jippritkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna mad-​dinja kollha.—Mattew 24:14.

TINĠABAR “FOLLA KBIRA”

12, 13. Dawk tal-​“folla kbira” x’qed jagħmlu llum, u x’se jesperjenzaw dalwaqt?

12 Il-​biċċa l-​kbira tal-​qaddejja taʼ Ġeħova llum jagħmlu parti mill-​“folla kbira” li ġejja minn ħafna partijiet differenti tal-​art, u dawn juru li jappoġġaw is-​Saltna. “Dawn huma l-​uħud li ħarġu mit-​tribulazzjoni l-​kbira, għax ħaslu l-​ilbiesi tagħhom u għamluhom bojod fid-​demm tal-​Ħaruf” billi wrew fidi fis-​sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa. Dawk tal-​“folla kbira” jħobbu lil Ġeħova u lil Ibnu, u jqimu lil Ġeħova “lejl u nhar.”—Rivelazzjoni 7:9, 14, 15.

13 Alla dalwaqt se jeqred lil din id-​dinja mill-​agħar fit-​“tribulazzjoni kbira.” (Mattew 24:21; aqra Ġeremija 25:32, 33.) Imma Ġeħova se jipproteġi u jiggwida lill-​qaddejja tiegħu għal ġod-​dinja l-​ġdida tiegħu għax iħobbhom. Bħalma wiegħed kważi 2,000 sena ilu, hu se “jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom, u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ.” Tħares int ’il quddiem biex tgħix fil-​Ġenna tal-​art wara li l-​ħażen, it-​tbatija, u l-​mewt jinġiebu fix-​xejn?—Rivelazzjoni 21:4.

14. Kemm saret kbira l-​folla kbira?

14 Fil-​bidu tal-​aħħar jiem fl-​1914, kien hemm biss madwar 5,000 qaddej t’Alla. Imqanqal mill-​imħabba għall-​proxxmu u bl-​għajnuna tal-​ispirtu qaddis t’Alla, dan il-​grupp żgħir t’aħwa midlukin ippritkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna minkejja l-​isfidi. X’kien ir-​riżultat? Illum, folla kbira taʼ nies bit-​tama li jgħixu għal dejjem fuq l-​art qed tinġabar. Hemm madwar 8,000,000 Xhud f’iktar minn 115,400 kongregazzjoni madwar id-​dinja, u n-​numru dejjem qed jiżdied. Pereżempju, iktar minn 275,500 Xhud ġdid tgħammdu fis-​sena taʼ servizz 2014, jew fi kliem ieħor kull ġimgħa tgħammdu 5,300.

15. Ħafna nies kif semgħu bl-​aħbar tajba llum?

15 Hu tal-​għaġeb li ssir taf kif ħafna nies semgħu bl-​aħbar tajba tas-​Saltna. Illum, il-​pubblikazzjonijiet tagħna huma disponibbli f’iktar minn 700 lingwa. It-​Torri tal-​Għassa hi l-​iktar rivista li titqassam man-​nies madwar id-​dinja. Kull xahar jiġu stampati iktar minn 52,000,000 kopja taʼ din ir-​rivista f’247 lingwa. U l-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament?, li nużaw biex nikkonduċu studji tal-​Bibbja, ġie tradott f’iktar minn 250 lingwa. S’issa, ġew stampati iktar minn 200,000,000 kopja.

16. L-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova għala tkompli tikber?

16 L-​organizzazzjoni tagħna tibqaʼ tikber għax għandna fidi f’Alla u naċċettaw il-​Bibbja bħala l-​Kelma mnebbħa tiegħu. (1 Tessalonikin 2:13) Inkomplu ngawdu l-​barka taʼ Ġeħova minkejja l-​mibegħda u l-​oppożizzjoni taʼ Satana.—2 Korintin 4:4.

DEJJEM ĦOBB LIL OĦRAJN

17, 18. Ġeħova kif jistenna li nħossuna lejn dawk li ma jqimuhx?

17 In-​nies jirreaġixxu b’ħafna modi differenti għall-​ippritkar tagħna. Xi wħud jagħtuna widen, filwaqt li oħrajn jobogħdu l-​messaġġ tagħna. Ġeħova kif jistenna li nħossuna lejn dawk li ma jqimuhx? Jirreaġixxu kif jirreaġixxu għall-messaġġ tagħna, aħna nsegwu l-​parir li nsibu fil-​Bibbja: “Ħa jkun kliemkom dejjem kollu ħlewwa, imħawwar bil-​melħ, sabiex tkunu tafu kif għandkom twieġbu lil kulħadd.” (Kolossin 4:6) Kull meta niddefendu t-​twemmin tagħna, irridu nagħmlu dan “bil-​ħlewwa u b’rispett profond” għax inħobbu lill-​proxxmu.—1 Pietru 3:15.

18 Anki meta n-​nies jirrabjaw u jiċħdu l-​messaġġ tagħna, aħna nuru mħabba għall-​proxxmu u nimitaw l-​eżempju taʼ Ġesù. Meta Ġesù “kien mgħajjar, m’għajjarx lura. Meta kien qed isofri, m’heddidx.” Minflok, Ġesù fada f’Ġeħova. (1 Pietru 2:23) Għalhekk, dejjem għandna nuru l-​umiltà u napplikaw il-​parir: “Tpattux ħsara bi ħsara jew tgħajjir b’tgħajjir, imma, għall-​kuntrarju, bierku.”—1 Pietru 3:8, 9.

Aħna għandna nħobbu lill-​għedewwa tagħna, jittrattawna kif jittrattawna

19. Kif għandna nittrattaw lill-​għedewwa tagħna?

19 L-​umiltà tgħinna nobdu prinċipju importanti li ta Ġesù. Hu spjega: “Smajtu li ntqal, ‘Ħobb lill-​proxxmu tiegħek u obgħod lill-​għadu tiegħek.’ Madankollu, jien ngħidilkom: Komplu ħobbu lill-​għedewwa tagħkom u itolbu għal dawk li qed jippersegwitawkom; sabiex turu li intom ulied Missierkom li hu fis-​smewwiet, għax hu jtellaʼ x-​xemx tiegħu fuq il-​ħżiena u fuq it-​tajbin u jniżżel ix-​xita fuq in-​nies sewwa u fuq dawk li m’humiex.” (Mattew 5:43-​45) Bħala l-​qaddejja t’Alla, aħna għandna nħobbu lill-​għedewwa tagħna, jittrattawna kif jittrattawna.

20. Kif nafu li l-​art kollha se tkun mimlija bi mħabba għal Alla u għall-​proxxmu? (Ara l-​ewwel stampa.)

20 Dejjem għandna nuru li nħobbu lil Ġeħova u lill-​proxxmu tagħna. Anki jekk in-​nies jopponu lilna u l-​messaġġ tagħna, aħna ngħinuhom meta jkunu fil-​bżonn. L-​appostlu Pawlu kiteb: “Ħa ma jkollkom tagħtu xejn lil ħadd, ħlief li tħobbu lil xulxin; għax min iħobb lill-​proxxmu tiegħu jwettaq il-​liġi. Għax il-​kodiċi tal-​liġi, ‘Tagħmilx adulterju, Toqtolx, Tisraqx, Tixxennaqx b’għira,’ u kwalunkwe kmandament ieħor, tinġabar f’dan il-​kliem, jiġifieri, ‘Ħobb lill-​proxxmu tiegħek bħalek innifsek.’ L-​imħabba ma tagħmilx ħsara lill-​proxxmu; għalhekk, l-​imħabba hi t-​twettiq tal-​liġi.” (Rumani 13:8-​10) Din id-​dinja maħkuma minn Satana hi vjolenti, mill-​agħar, u mhix magħquda. Minkejja dan, il-​qaddejja t’Alla juru mħabba ġenwina lejn il-​proxxmu. (1 Ġwanni 5:19) Wara li Ġeħova jeqred lil Satana, lid-​demonji tiegħu, u lil din id-​dinja mill-​agħar, l-​art se tkun mimlija bi mħabba. X’barka se tkun meta dawk kollha fuq l-​art ikunu jħobbu kemm lil Ġeħova kif ukoll il-​proxxmu!

XI ESPRESSJONIJIET SPJEGATI

  • Il-​proxxmu tagħna: Il-​bnedmin sħabna. Fosthom hemm is-​sieħeb jew is-​sieħba fiż-​żwieġ, l-​aħwa rġiel u nisa fil-​kongregazzjoni, u l-​individwi li niltaqgħu magħhom fil-​ministeru. Ġesù għallimna li rridu nħobbu lill-​proxxmu tagħna

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja