Bijografija
Naqdi b’Qalbi Kollha Minkejja l-Provi
KIF RAKKONTATA MINN RODOLFO LOZANO
Twelidt il-Messiku, fil-belt taʼ Gómez Palacio, fl-Istat taʼ Durango, fis-17 taʼ Settembru, 1917. Ir-Rivoluzzjoni Messikana kienet fl-aqwa tagħha. Għalkemm ir-rivoluzzjoni spiċċat fl-1920, l-inkwiet kompla għal snin sħaħ fl-inħawi fejn konna noqogħdu, u l-ħajja matul dan iż-żmien ma kinitx faċli.
DARBA, meta ommi saret taf li kien se jkun hemm il-ġlied bejn il-forzi ribelli u l-armata, żammet lili u lit-tliet ħuti subien u żewġt ibniet maqfulin id-dar għal diversi ġranet. Ftit li xejn kellna x’nieklu, u jien niftakarni ninħeba m’oħti ż-żgħira taħt is-sodda. Wara li għadda kollox, ommi ddeċidiet li tieħu lilna t-tfal ġewwa l-Istati Uniti, fejn missieri kellu jingħaqad magħna iżjed tard.
Wasalna Kalifornja fl-1926, ftit qabel ma d-Dipressjoni l-Kbira laqtet l-Istati Uniti. Konna mmorru kulfejn stajna nsibu x-xogħol, f’postijiet bħal San Joaquin Valley, Santa Klara, Salinas, u King City. Tgħallimna naħdmu l-għelieqi u naħsdu kull xorta taʼ frott u ħaxix. Għalkemm żgħożiti kienet mimlija xogħol iebes, dan xorta kien żmien sabiħ għalija.
Niltaqaʼ mal-Verità tal-Bibbja
F’Marzu taʼ l-1928 ġie jżurna Student tal-Bibbja, kif kienu jissejħu x-Xhieda taʼ Jehovah dak iż-żmien. Dan kien raġel imdaħħal fiż-żmien u kellimna bl-Ispanjol. Kien jismu Esteban Rivera. Bqajt impressjonat kemm bit-titlu tal-ktejjeb li ħalla, “Where Are the Dead?” (Fejn Huma l-Mejtin?), kif ukoll bil-kontenut tiegħu. Għalkemm kont għadni żgħir, komplejt nistudja l-Bibbja u nassoċja maʼ l-Istudenti tal-Bibbja. Maż-żmien, ommi u oħti Aurora saru wkoll uħud żelużi li jfaħħru lil Jehovah.
F’nofs is-snin tletin, inbniet Sala tas-Saltna f’San Jose għall-kongregazzjoni taʼ dawk li kienu jitkellmu bl-Ingliż. Ladarba kien hemm ħafna Spanjoli jaħdmu f’dawk l-inħawi, bdejna nippridkawlhom u nagħmlu l-Istudju tat-Torri taʼ l-Għassa. Dan konna nagħmluh bl-għajnuna taʼ xi Xhieda Spanjoli minn San Francisco, li kienu jgħixu madwar 80 kilometru ’l bogħod. Maż-żmien kellna madwar 60 ruħ jattendu għal-laqgħat bil-lingwa Spanjola fis-Sala tas-Saltna f’San Jose.
Fl-aħħar, fit-28 taʼ Frar, 1940, issimbolizzajt id-dedikazzjoni tiegħi lil Jehovah permezz tal-magħmudija fl-ilma waqt assemblea f’San Jose. Is-sena taʼ wara ġejt maħtur pijunier, ministru full-time tax-Xhieda taʼ Jehovah. Imbagħad f’April taʼ l-1943, ġejt mistieden biex immur Stockton, belt madwar 130 kilometru ’l bogħod, biex nifforma kongregazzjoni tal-lingwa Spanjola. Dak iż-żmien kont naqdi bħala l-indokratur li jippresiedi fil-kongregazzjoni taʼ dawk li jitkellmu bl-Ingliż f’San Jose, u kont nieħu ħsieb ukoll lix-Xhieda Spanjoli t’hemmhekk. Wara li għamilt l-arranġamenti meħtieġa biex oħrajn jibdew jieħdu ħsieb dawn ir-responsabbiltajiet, mort Stockton.
L-Integrità taħt Prova
Fl-1940, bdejt niġi msejjaħ għal darba wara l-oħra quddiem il-bord inkarigat mill-ingaġġâr tan-nies bil-lieva, imma kull darba kienu jirrispettaw il-pożizzjoni tiegħi bħala wieħed li joġġezzjona minħabba l-kuxjenza. Hekk kif l-Istati Uniti daħlet fit-tieni gwerra dinjija f’Diċembru taʼ l-1941, iktar bdiet tiżdied il-pressjoni mill-bord. Fl-aħħar, fl-1944, ġejt mitfugħ il-ħabs. Sakemm kont qed nistenna s-sentenza ġejt miżmum f’kantina mal-kriminali. Meta saru jafu li kont wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah, ħafna minnhom bdew jistaqsuni mistoqsijiet dwar kif ir-reati li kienu wettqu kienu se jeffettwaw il-waqfa tagħhom quddiem Alla.
Xi Xhieda f’San Jose ħallsuli l-pleġġ biex inkun nistaʼ ninħeles mill-ħabs sakemm ngħaddi ġuri. Wieħed avukat f’Los Angeles, li kien jirrappreżenta l-akkużati f’każi tad-drittijiet ċivili, aċċetta li jiddefendini bla ħlas. L-imħallef iddeċieda li joħroġni liberat bil-kundizzjoni li ma nibqax pijunier, insib xogħol sekulari, u nirrapporta kull xahar għand l-awtoritajiet federali. Jien m’aċċettajthiex din id-deċiżjoni, u għalhekk weħilt sentejn fil-ħabs taʼ McNeil Island fl-Istat taʼ Washington. Meta kont hemmhekk użajt il-ħin biex nagħmel studju tal-Bibbja intensiv. Tgħallimt ukoll nittajpja. F’inqas minn sentejn, ġejt meħlus minħabba kondotta tajba. Minnufih għamilt arranġamenti biex inkompli fil-ministeru taʼ pijunier.
Attività Miżjuda
Fix-xitwa taʼ l-1947, ngħatajt l-inkarigu flimkien maʼ ħu pijunier ieħor, biex naħdem fost in-nies li jitkellmu bl-Ispanjol fil-Belt taʼ Kolorado, Texas. Imma tant kien bard li morna San Antonio biex forsi nisħnu ftit. Madankollu hemmhekk, tant għamlet xita li kellna nieqfu milli nippridkaw minn dar għal dar. Il-flus ma damux ma spiċċawlna u għal ġimgħat sħaħ għexna fuq ħobż bil-kaboċċi nejjin u te taʼ l-alfalfa. Sieħbi reġaʼ lura d-dar, imma jien bqajt hemmhekk. Meta x-Xhieda li kienu jitkellmu bl-Ingliż saru jafu bil-bżonnijiet tiegħi, bdew jgħinuni.
Fir-rebbiegħa taʼ wara, erġajt lura fil-Belt taʼ Kolorado għall-inkarigu li kelli qabel, u bil-mod il-mod ġiet ifformata kongregazzjoni żgħira tal-lingwa Spanjola. Imbagħad mort Sweetwater, Texas, fejn tajt l-għajnuna tiegħi biex tiġi fformata kongregazzjoni oħra tal-lingwa Spanjola. Meta kont Sweetwater, irċivejt ittra fejn ġejt mistieden biex nattendi għall-ħmistax-il klassi taʼ l-Iskola taʼ Gilgħad (Watchtower Bible School of Gilead) għal taħriġ missjunarju. Din kellha tibda fit-22 taʼ Frar, 1950. Dak is-sajf, wara l-gradwazzjoni li saret fil-konvenzjoni internazzjonali ġewwa l-Yankee Stadium fil-Belt taʼ New York, jien bqajt fil-kwartieri ġenerali tax-Xhieda taʼ Jehovah fi Brooklyn. Hemmhekk irċivejt taħriġ għall-inkarigu tiegħi fl-uffiċċju tal-fergħa fil-Messiku.
Ix-Xogħol fil-Messiku
Wasalt fil-Belt tal-Messiku fl-20 t’Ottubru, 1950. Madwar ġimagħtejn wara, ġejt maħtur indokratur tal-fergħa, inkarigu li żammejt għal erbaʼ snin u nofs. L-esperjenza li ksibt fis-servizz taʼ pijunier, fil-ħabs, f’Gilgħad u fi Brooklyn, swietli ħafna. Meta wasalt il-Messiku, malajr ħassejt il-bżonn biex ngħin lil ħutna rġiel u nisa Messikani jibnu l-ispiritwalità tagħhom. Kien hemm il-bżonn speċjali li ngħinuhom iżommu mal-livelli morali għoljin tal-Kelma t’Alla.
Fil-pajjiżi taʼ l-Amerika Latina, inkluż il-Messiku, kellhom id-drawwa li l-koppji jgħixu flimkien mingħajr ma jkunu miżżewġin legalment. Ir-reliġjonijiet tal-Kristjaneżmu, b’mod partikulari l-Knisja Kattolika Rumana, kienet ħallietha għaddejja din id-drawwa, avolja kienet tmur kontra t-tagħlim Bibliku. (Lhud 13:4) B’hekk, xi wħud kienu saru membri tal-kongregazzjonijiet tax-Xhieda taʼ Jehovah avolja ma kinux miżżewġin legalment. Għalhekk sar arranġament biex uħud bħal dawn jingħataw sitt xhur ċans biex jirranġaw is-sitwazzjoni. Jekk ma jagħmlux hekk, ma kinux se jitqiesu iżjed bħala Xhieda taʼ Jehovah.
Għal ħafna minnhom kien faċli li jagħmlu dan. Kellhom biss jillegalizzaw ir-relazzjoni li kienu fiha billi jiżżewġu. Imma oħrajn kellhom sitwazzjonijiet iżjed komplikati. Per eżempju, xi wħud kienu diġà miżżewġin darbtejn oħra, u saħansitra tliet darbiet, u f’kull każ qatt ma kienu ħadu d-divorzju legalment. Meta fl-aħħar is-sitwazzjonijiet fiż-żwieġ tal-poplu taʼ Jehovah ġew fi qbil mat-tagħlim tal-Kelma t’Alla, imbagħad il-kongregazzjonijiet bdew igawdu barkiet spiritwali kbar.—1 Korintin 6:9-11.
Dak iż-żmien, il-livell taʼ l-edukazzjoni sekulari fil-Messiku kien ġeneralment baxx. Anki qabel wasalt jien fl-1950, l-uffiċċju tal-fergħa kien beda jorganizza klassijiet fil-kongregazzjonijiet biex jitgħallmu jiktbu u jaqraw. Issa dawn il-klassijiet kienu reġgħu ġew organizzati u saru arranġamenti biex jiġu reġistrati mal-gvern. Fl-1946 bdew jitniżżlu r-rekords, u minn dakinhar ’l hawn iktar minn 143,000 persuna fil-Messiku ġew mgħallmin jiktbu u jaqraw fil-klassijiet immexxija mix-Xhieda.
Fejn tidħol ir-reliġjon, il-liġijiet fil-Messiku kienu restrittivi ħafna. Madankollu, fis-snin reċenti, kien hemm bidliet importanti f’dan ir-rigward. Fl-1992 għaddiet liġi ġdida fuq kwistjonijiet reliġjużi. Għalhekk, fl-1993 ix-Xhieda taʼ Jehovah fil-Messiku ġew reġistrati bħala organizzazzjoni reliġjuża.
Għalija dawn kienu bidliet li ġabuli ferħ kbir, u qatt qabel ma kont noħlom li xi darba għad jitwettqu. Kont ili s-snin immur f’uffiċċji tal-gvern u kemm-il darba kont niġi trattat b’mod suspettuż. Madankollu, huwa taʼ ferħ li tara l-mod kif dawn il-kwistjonijiet ġew trattati permezz tad-Dipartiment Legali fl-uffiċċju tal-fergħa tagħna. Bis-saħħa t’hekk aħna issa qed niltaqgħu maʼ ferm inqas tfixkil fix-xogħol taʼ l-ippridkar.
Naqdi maʼ Missjunarja Bħali
Meta wasalt il-Messiku, fil-pajjiż diġà kien hemm ħafna li kienu ggradwaw minn klassijiet iktar bikrin taʼ Gilgħad. Waħda minn dawn kienet Esther Vartanian, Xhud Armenjana li kienet bdiet is-servizz taʼ pijunier ġewwa Vallejo, Kalifornja, fl-1942. Iżżewwiġna fit-30 taʼ Lulju, 1955, u minn hemm bqajna fl-inkarigu tagħna fil-Messiku. Esther baqgħet taqdi bħala missjunarja fil-Belt tal-Messiku, u konna ngħixu fil-fergħa, għax jien bqajt naqdi hemmhekk.
Fl-1947, Esther kienet waslet Monterrey, fi Nuevo León, il-Messiku, għall-ewwel inkarigu tagħha. Sabet biss kongregazzjoni waħda taʼ 40 Xhud f’Monterrey, imma sakemm ġiet mibgħuta taqdi fil-Belt tal-Messiku fl-1950, kien hemm erbaʼ kongregazzjonijiet. Fil-fergħa tagħna qrib il-Belt tal-Messiku, bħalissa hemm żewġ aħwa żgħażagħ li jiġu minn familji li Esther kienet tistudja l-Bibbja magħhom meta kienet għadha taqdi f’Monterrey.
Lura fl-1950, it-territorju taʼ l-ippridkar tal-missjunarji fil-Belt tal-Messiku kien jinkludi l-biċċa l-kbira tal-belt. Biex iwettqu l-inkarigu tagħhom kienu jmorru kullimkien jew bil-mixi jew b’karozzi tal-linja antiki ferm li kienu jkunu mimlijin daqs bajda bin-nies. Meta mort hemm jien fl-aħħar tas-snin ħamsin, kien hemm sebaʼ kongregazzjonijiet. Issa dawn żdiedu għal madwar 1,600, b’iktar minn 90,000 pubblikatur tas-Saltna fil-Belt tal-Messiku, u s-sena l-oħra kien hemm iktar minn 250,000 ruħ li attendew għall-Mafkar tal-mewt taʼ Kristu! Tul is-snin, jien u Esther kellna l-privileġġ li naqdu f’ħafna minn dawn il-kongregazzjonijiet.
Meta jien u Esther nibdew studju tal-Bibbja, dejjem nipprovaw niġbdu l-interess tal-kap tal-familja sabiex il-familja kollha tkun involuta. B’dan il-mod rajna ħafna familji kbar jibdew jaqdu lil Jehovah. Jien nemmen li waħda mir-raġunijiet fit-tkattir mgħaġġel tal-qima vera fil-Messiku hija, li familji sħaħ taʼ spiss jingħaqdu flimkien fil-qima vera.
Jehovah Bierek ix-Xogħol
Mill-1950 ’l hawn, il-progress tax-xogħol fil-Messiku kien notevoli ħafna, kemm fejn tidħol iż-żjieda fin-numru u anki fil-bidliet fl-organizzazzjoni. Inħossuna verament ferħanin li stajna nagħtu s-sehem żgħir tagħna biex isseħħ din iż-żjieda, billi ħdimna maʼ nies daqshekk ospitabbli u ferħana.
Kark Klein, li jaqdi bħala membru tal-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Jehovah, u martu Margaret, żaruna xi ftit tas-snin ilu waqt li kienu fuq btala. Ħuna Klein xtaq jara kif inhu sejjer ix-xogħol fit-territorju Messikan tagħna, għalhekk hu u Margaret ġew fil-Kongregazzjoni taʼ San Juan Tezontla, qrib il-Belt tal-Messiku, fejn konna qed naqdu aħna dak iż-żmien. Is-sala tagħna kienet żgħira, madwar 4.5 metri wiesgħa, u twila 5.5 metri. Meta wasalna hemmhekk, diġà kien hemm xi 70 ruħ preżenti, u bilkemm stajna noqogħdu kollha. Dawk li kienu iktar anzjani poġġew fuq is-siġġijiet, dawk iżgħar poġġew fuq il-bankijiet, u t-tfal iż-żgħar fuq il-briks jew fl-art.
Ħuna Klein baqaʼ impressjonat ħafna għax it-tfal kollha kienu lesti bil-Bibbji tagħhom, ifittxu l-iskritturi flimkien mal-kelliemi. Wara t-taħdita pubblika, Ħuna Klein tkellem fuq Mattew 13:19-23, u qal li fil-Messiku kien hemm ħafna “art tajba” bħal dik li semma Ġesù. Fil-preżent, sebgħa minn dawk it-tfal li attendew għal dik il-laqgħa qed jaħdmu fuq il-proġett enormi biex inkabbru l-faċilitajiet tal-fergħa tagħna li tinsab ħdejn il-Belt tal-Messiku. Żagħżugħ ieħor qed jaqdi f’Betel, u numru t’oħrajn qed jaqdu bħala pijunieri.
Meta ġejt fil-Belt tal-Messiku, kien hemm biss 11-il membru fil-fergħa tagħna. Issa għandna xi 1,350 ruħ li qed jaħdmu fil-post, u xi 250 minnhom qed jieħdu sehem fil-bini tal-fergħa l-ġdida. Meta jitlesta x-xogħol kollu, forsi fl-2002, se nkunu nistgħu nakkomodaw madwar 1,200 ruħ iżjed fil-faċilitajiet miżjuda tagħna. Lanqas temmen li fl-1950 kellna inqas minn 7,000 pubblikatur tas-Saltna fil-pajjiż kollu, imma issa għandna iżjed minn 500,000! Qalbi tfur bil-ferħ meta nara l-mod kif Jehovah bierek l-isforzi taʼ ħutna umlin fil-Messiku, li jaħdmu daqshekk iebes biex jagħtuh tifħir.
Niffaċċjaw Sfida Kbira
Dan l-aħħar waħda mill-akbar sfidi għalija kienet il-mard. Jien minn dejjem kont f’saħħti, imma f’Novembru taʼ l-1988, tatni puplesija u effettwatli ħafna partijiet minn ġismi. Issa grazzi għal Jehovah, għaddieli ftit permezz taʼ l-eżerċizzju u terapiji oħrajn, imma xi partijiet minn ġismi xorta għadhom m’humiex jaħdmu kif nixtieqhom jien. Għadni s’issa taħt il-kura u nieħu l-mediċini biex ma jkollix dak l-uġigħ taʼ ras qawwi u l-konsegwenzi l-oħrajn li għadni nbati minnhom.
Għalkemm m’għadnix nistaʼ nagħmel xogħol kemm nixtieq, xorta ferħan għax naf li għent lil ħafna jitgħallmu dwar l-iskopijiet taʼ Jehovah u jsiru qaddejja leali tiegħu. Nieħu pjaċir ukoll nitkellem maʼ ħafna mill-aħwa Kristjani meta dawn iżuru l-fergħa tagħna, u nħoss li dejjem qed ninkuraġġixxu lil xulxin.
Il-fatt li naf li Jehovah japprezza s-servizz li nagħtuh, u li dak kollu li għamilna ma kienx għalxejn isaħħaħni ferm. (1 Korintin 15:58) Minkejja l-limitazzjonijiet u l-mard tiegħi, dejjem żammejt f’qalbi l-kliem li nsibu f’Kolossin 3:23, 24: “Kull ma tagħmlu, agħmluh minn qalbkom bħallikieku lill-Mulej u mhux lill-bnedmin; għax tafu li għad tieħdu l-ħlas li ħejja b’wirt għalikom il-Mulej.” Fi qbil maʼ din it-twissija, tgħallimt naqdi lil Jehovah b’qalbi kollha minkejja l-provi.
[Stampa f’paġna 24]
Fl-1942 meta kont pijunier
[Stampa f’paġna 24]
Marti bdiet l-inkarigu missjunarju tagħha fil-Messiku fl-1947
[Stampa f’paġna 24]
M’Esther illum
[Stampi f’paġna 26]
Xellug fuq: Il-familja Betel tagħna fil-Messiku fl-1952, jien fuq quddiem
Fuq: ’II fuq minn 109,000 ruħ iltaqgħu f’dan l-istejdjum fil-Belt tal-Messiku, għal konvenzjoni distrettwali fl-1999
Xellug taħt: Il-faċilitajiet tal-fergħa l-ġdida tagħna, li dalwaqt tkun lesta