Tistaʼ Int Taqdi Fejn il-Bżonn Għal Proklamaturi tas-Saltna Hu Akbar?
“Kellna ħajja komda fl-Istati Uniti imma konna konċernati għax l-ambjent materjalistiku t’hemmhekk eventwalment setaʼ jkollu influwenza negattiva fuqna u fuq iż-żewġ subien tagħna. Jien u marti qabel konna naqdu bħala missjunarji, u xtaqna nerġgħu ngawdu dik il-ħajja sempliċi imma ferħana.”
IMQANQLIN minn din ix-xewqa, fl-1991, Ralph u Pam iddeċidew li jiktbu lil diversi uffiċċji tal-fergħa sabiex jesprimu x-xewqa tagħhom li jaqdu fejn il-bżonn għal proklamaturi tas-Saltna hu akbar. L-uffiċċju tal-fergħa fil-Messiku wiġibhom li kien hemm bżonn urġenti għal pubblikaturi tas-Saltna li setgħu jippridkaw lill-popolazzjoni li jitkellmu bl-Ingliż f’dak il-pajjiż. Fil-fatt, il-fergħa qalet li dak il-qasam kien ‘abjad għall-ħsad.’ (Ġw. 4:35) Ftit wara, Ralph u Pam, flimkien maż-żewġ subien tagħhom, li dakinhar kellhom 8 snin u 12-il sena, aċċettaw l-istedina u bdew iħejju biex jitilqu.
Territorju Vast
Ralph jirrakkonta: “Qabel ma tlaqna mill-Istati Uniti, xi aħwa b’intenzjoni tajba qalulna: ‘Huwa perikoluż wisq li tmur tgħix barra!’ ‘X’jiġri jekk timirdu?’ ‘Għala se tmorru tippridkaw f’territorju fejn jitkellmu bl-Ingliż? Dawk li jitkellmu bl-Ingliż hemmhekk mhux se jkunu interessati fil-verità!’ Madankollu, konna deċiżi li mmorru. Wara kollox, id-deċiżjoni tagħna li mmorru noqogħdu hemmhekk ma kinitx waħda impulsiva. Konna ilna nippjanaw għaliha snin sħaħ. Konna evitajna li nidħlu f’dejn li jdum biex jitħallas, ġemmajna l-flus, u kellna ħafna diskussjonijiet bħala familja dwar id-diffikultajiet li stajna niltaqgħu magħhom.”
L-ewwel, Ralph u l-familja tiegħu żaru l-fergħa tal-Messiku. Hemmhekk, l-aħwa wrewhom mappa tal-pajjiż kollu u qalu lil dawn li kienu għadhom kif waslu, “Dan huwa t-territorju tagħkom!” Il-familja ssetiljat f’San Miguel de Allende, belt żgħira li ħafna min-nies fiha kienu barranin u li qiegħda 240 kilometru lejn il-majjistral taʼ Mexico City. Tliet snin wara li waslu, f’dik il-belt żgħira ġiet ifformata kongregazzjoni tal-lingwa Ingliża li kien fiha 19-il pubblikatur. Din kienet l-ewwel kongregazzjoni tal-lingwa Ingliża fil-Messiku—imma kien hemm iktar xogħol xi jsir.
Huwa stmat li hemm madwar miljun ċittadin mill-Istati Uniti jgħixu l-Messiku. Barra minn hekk, hemm ħafna professjonisti u studenti Messikani li jitkellmu bl-Ingliż bħala t-tieni lingwa tagħhom. Ralph jispjega: “Tlabna għal iktar ħaddiema. Dejjem konna nżommu kamra tas-sodda żejda disponibbli fid-dar tagħna għall-aħwa li jiġu fl-inħawi tagħna sabiex ‘jitkixxfu l-art,’ biex ngħidu hekk.”—Num. 13:2.
Issimplifikaw Ħajjithom Sabiex Ikabbru l-Ministeru Tagħhom
Ma damux ma waslu aħwa li xtaqu jkabbru l-ministeru tagħhom. Fosthom kien hemm Bill u Kathy mill-Istati Uniti. Huma kienu diġà qdew għal 25 sena f’territorji fejn il-bżonn għal pubblikaturi kien kbir. Huma kienu qed jaħsbu biex jitgħallmu l-Ispanjol, imma l-pjanijiet tagħhom inbidlu wara li marru joqogħdu fil-belt żgħira t’Ajijic max-xtut taʼ Lake Chapala, li hija menqa għal dawk li jirtiraw mill-Istati Uniti. Bill jispjega, “F’Ajijic sirna iktar u iktar involuti f’li nfittxu lil dawk li jitkellmu bl-Ingliż u li riedu jitgħallmu l-verità.” Fi żmien sentejn mindu waslu f’dik il-belt żgħira, Bill u Kathy kellhom il-ferħ li jaraw kongregazzjoni tifforma—it-tieni kongregazzjoni tal-lingwa Ingliża fil-Messiku.
Ken u Joanne mill-Kanada riedu jissimplifikaw ħajjithom u jiddedikaw iktar ħin għall-attivitajiet tas-Saltna. Huma wkoll marru joqogħdu l-Messiku. Ken jirrakkonta, “Kien jirrikjedi ż-żmien biex tidra tgħix fi nħawi fejn għal jiem sħaħ ma kienx ikollna misħun, elettriku, jew servizz tat-telefon.” Madankollu, il-fatt li kienu jieħdu sehem fix-xogħol taʼ l-ippridkar kien sors taʼ ferħ. Ken ma damx ma nħatar bħala qaddej ministerjali u sentejn wara bħala anzjan. Għall-ewwel kienet taʼ sfida għal binthom Britanny biex tkun parti minn kongregazzjoni żgħira tal-lingwa Ingliża fejn kien hemm biss ftit żgħażagħ. Madankollu, wara li bdiet tieħu sehem fil-proġetti tal-bini tas-Swali tas-Saltna, hi għamlet ħafna ħbieb tajbin minn madwar il-pajjiż kollu.
Patrick u Roxanne, mill-istat taʼ Texas fl-Istati Uniti, kienu verament ferħanin meta semgħu dwar qasam missjunarju li ma kienx ’il bogħod minnhom u fejn in-nies jitkellmu bl-Ingliż. “Wara li żorna Monterrey, belt żgħira fil-grigal tal-Messiku, aħna ħassejna li Ġeħova kien qed jidderiġina biex ngħinu hemmhekk,” jgħid Patrick. Fi żmien ħamest ijiem irnexxielhom ibigħu d-dar tagħhom f’Texas u bħallikieku ‘jgħaddu l-Maċedonja.’ (Atti 16:9) Ma kienx faċli jaqilgħu l-flus biex imantnu lilhom infushom fil-Messiku, imma f’sentejn biss, huma kienu ferħanin jaraw il-grupp żgħir taʼ 17-il Xhud jikber f’kongregazzjoni t’40 pubblikatur.
Jeff u Deb huma koppja oħra li ssimplifikaw ħajjithom biex ikabbru l-ministeru tagħhom. Huma biegħu d-dar kbira li kellhom fl-Istati Uniti u marru joqogħdu f’appartament żgħir f’Cancún, belt mal-kosta tal-lvant tal-Messiku. Fil-passat, kellhom id-drawwa jattendu assembleat bl-arja kundizzjonata viċin id-dar tagħhom. Issa kellhom jivvjaġġaw tmien sigħat biex jattendu l-eqreb assemblea bl-Ingliż, li kienet issir f’faċilità mingħajr saqaf. Imma huma kellhom sodisfazzjon kbir li jaraw kongregazzjoni taʼ madwar 50 pubblikatur tiġi fformata f’Cancún.
Xi aħwa mill-Messiku wkoll bdew jgħinu fix-xogħol taʼ l-ippridkar bil-lingwa Ingliża. Per eżempju, meta Rubén u l-familja tiegħu semgħu li kienet ġiet ifformata l-ewwel kongregazzjoni bil-lingwa Ingliża f’San Miguel de Allende u li t-territorju taʼ dik il-kongregazzjoni kien il-Messiku kollu, mill-ewwel iddeċidew li jmorru hemmhekk biex jgħinu. Dan kien ifisser li kellhom jitgħallmu l-Ingliż, jidraw kultura differenti, u jivvjaġġaw distanzi twal—800 kilometru kull ġimgħa—sabiex jattendu l-laqgħat. Rubén jirrakkonta: “Kellna l-ferħ li nagħtu xiehda lil uħud barranin li kienu ilhom jgħixu l-Messiku għal snin sħaħ imma li semgħu l-messaġġ taʼ l-aħbar tajba bil-lingwa tagħhom għall-ewwel darba. Xi wħud minnhom esprimew l-apprezzament tagħhom bid-dmugħ f’għajnejhom.” Wara li għenu lill-kongregazzjoni taʼ San Miguel de Allende, Rubén u l-familja tiegħu qdew bħala pijunieri fil-belt żgħira taʼ Guanajuato, fiċ-ċentru tal-Messiku, fejn għenu biex tifforma kongregazzjoni tal-lingwa Ingliża taʼ iktar minn 30 pubblikatur. Illum, huma qed jaqdu fi grupp taʼ l-Ingliż f’Irapuato, belt żgħira viċin Guanajuato.
Jintlaħqu Dawk li Huma Diffiċli Biex Jintlaħqu
Minbarra l-barranin, hemm ħafna Messikani li jitkellmu bl-Ingliż. Ħafna drabi jkun diffiċli biex taqsam il-messaġġ tas-Saltna magħhom minħabba li jgħixu fi nħawi sinjuri fejn is-sefturi jiġu jiftħu l-bieb. Jew jekk l-inkwilini jiġu jiftħu l-bieb, għandhom mnejn ma jkunux iridu jisimgħu l-messaġġ tagħna minħabba li jaħsbu li x-Xhieda taʼ Ġeħova huma setta żgħira lokali. Madankollu, meta inkwilini bħal dawn jintlaħqu minn Xhieda barranin, xi wħud jirreaġixxu b’mod favorevoli.
Ikkunsidra l-eżempju taʼ Gloria fil-belt taʼ Querétaro, fiċ-ċentru tal-Messiku. Hi tispjega: “Kont ġejt kuntattjata qabel minn Xhieda li kienu jitkellmu bl-Ispanjol imma ma kontx qgħadt nismagħhom. Madankollu, meta l-familja tiegħi u l-ħbieb beda jinqalgħalhom l-inkwiet, qabduni dwejjaq kbar u bdejt nitlob lil Alla, nitolbu bil-ħniena biex jgħinni nsib soluzzjoni. Ftit wara ġiet tħabbatli l-bieb mara li kienet titkellem bl-Ingliż. Hi staqsiet jekk kienx hemm xi ħadd li jitkellem bl-Ingliż. Minħabba li kienet barranija qanqlitli l-kurżità dwarha, u għedtilha li kont nitkellem bl-Ingliż. Hekk kif kienet qed tagħmel il-preżentazzjoni tagħha bdejt naħseb, ‘Din l-Amerikana x’qed tagħmel hawn f’dawn l-inħawi?’ Imma kont tlabt lil Alla għal sinjal. Allura forsi din il-barranija kienet it-tweġiba għat-talba tiegħi.” Gloria aċċettat studju tal-Bibbja u għamlet progress mgħaġġel lejn il-magħmudija, minkejja l-oppożizzjoni tal-familja. Illum, Gloria taqdi bħala pijuniera regulari, u r-raġel u t-tifel tagħha wkoll jaqdu lil Ġeħova.
Premjijiet Għal Dawk li Jkabbru l-Ministeru Tagħhom
Il-fatt li taqdi fejn il-bżonn għal proklamaturi hu akbar għandu l-isfidi tiegħu, imma l-premjijiet huma ħafna. Ralph, li ssemma fil-bidu, jgħid: “Ikkonduċejna studji tal-Bibbja maʼ nies mill-Britannja, miċ-Ċina, mill-Ġamajka, mill-Isvezja, u saħansitra maʼ membri tal-familja rjali tal-Gana. Xi wħud minn dawn l-istudenti tal-Bibbja daħlu fis-servizz full-time huma stess. Matul is-snin li għaddew, il-familja tagħna rat sebaʼ kongregazzjonijiet tal-lingwa Ingliża jiġu fformati. Iż-żewġ subien tagħna bdew jaqdu magħna bħala pijunieri, u issa qed jaqdu fil-Betel taʼ l-Istati Uniti.”
Illum il-ġurnata hemm madwar 88 kongregazzjoni taʼ l-Ingliż fil-Messiku u għadd taʼ gruppi. X’kien dak li għen biex ikun hemm tkabbir mgħaġġel bħal dan? Ħafna nies li jitkellmu bl-Ingliż fil-Messiku qatt ma ġew kuntattjati qabel mix-Xhieda. Oħrajn wieġbu b’mod favorevoli minħabba li ma kellhomx pressjoni minn dawk taʼ madwarhom li setgħet iżżommhom lura li kieku kienu għadhom f’pajjiżhom. Jerġaʼ oħrajn aċċettaw l-offerta taʼ studju tal-Bibbja minħabba li kienu rtiraw u kellhom iktar ħin biex ifittxu l-interessi spiritwali. Barra minn hekk, iktar minn terz tal-pubblikaturi fil-kongregazzjonijiet tal-lingwa Ingliża jaqdu bħala pijunieri, u dan jikkontribwixxi ħafna għaż-żelu u t-tkabbir f’dawk il-kongregazzjonijiet.
Hemm Barkiet Jistennewk
Bla dubju iktar u iktar nies madwar id-dinja se jwieġbu b’mod favorevoli hekk kif jisimgħu l-messaġġ tas-Saltna li jiġi pridkat lilhom bil-lingwa tagħhom stess. Għalhekk, huwa inkuraġġanti li tinnota li ħafna aħwa spiritwali—żgħar u kbar, miżżewġin u m’humiex—huma lesti li jmorru jgħixu fi nħawi fejn il-bżonn għal proklamaturi tas-Saltna huwa kbir. Veru, huma forsi jkollhom ikampaw maʼ diffikultajiet, imma dawn m’huma xejn meta jiġu mqabblin mal-ferħ li jħossu meta jsibu wħud taʼ qalb onesta li jaċċettaw il-veritajiet tal-Bibbja. Tistaʼ int tagħmel aġġustamenti li jistgħu jgħinuk tmur toqgħod f’territorju f’pajjiżek stess jew f’pajjiż barrani fejn il-bżonn għal predikaturi tas-Saltna huwa akbar?a (Lq. 14:28-30; 1 Kor. 16:9) Jekk inhu hekk, tistaʼ tibqaʼ ċert li hemm barkiet kbar jistennewk.
[Nota taʼ taħt]
a Għal iktar informazzjoni dwar li taqdi fejn il-bżonn huwa akbar, ara l-Organizzati biex Nagħmlu r-Rieda taʼ Ġeħova, paġni 111-112.
[Kaxxa f’paġna 21]
Jispikka l-Ferħ taʼ Wħud li Rtiraw
Beryl emigrat mill-Britannja għall-Kanada. Hemmhekk hi ħadmet bħala maniġer f’diversi kumpaniji internazzjonali. Ukoll, hi kienet rikkieba professjonali taż-żwiemel li jaqbżu l-ostakli u kienet saħansitra magħżula biex tirrappreżenta lill-Kanada fl-Olimpijadi taʼ l-1980. Wara li rtiraw f’Chapala, il-Messiku, Beryl u żewġha spiss kienu jmorru jieklu fir-restoranti lokali. Meta kienet tinnota nies irtirati li kienu jitkellmu bl-Ingliż u li kienu jidhru ferħanin, hi kienet tintroduċi ruħha u tistaqsihom x’kien li ġew il-Messiku. L-uħud li kienu jkunu qed jieklu hemmhekk u li kienu jidhru ferħanin ħafna drabi kienu jkunu Xhieda taʼ Ġeħova. Beryl u żewġha rraġunaw li jekk il-ferħ u l-iskop fil-ħajja jiġu mill-fatt li tkun taf lil Alla, allura huma wkoll riedu jkunu jafuh. Wara li attendew il-laqgħat Kristjani għal diversi xhur, Beryl aċċettat studju tal-Bibbja u saret Xhud. Għal diversi snin, Beryl setgħet taqdi bħala pijuniera regulari.
[Kaxxa f’paġna 22]
“Hija Barka li Jkollna Lilhom Magħna”
Dawk li jmorru joqogħdu f’pajjiżi fejn il-bżonn għal pubblikaturi tas-Saltna huwa akbar huma apprezzati ħafna mill-aħwa lokali. Uffiċċju tal-fergħa fil-Karibew kiteb: “Li kieku l-mijiet taʼ barranin li jaqdu hawn kellhom jitilqu, l-istabbilità tal-kongregazzjonijiet tiġi effettwata. Hija barka li jkollna lilhom magħna.”
Il-Kelma t’Alla tgħid li “n-nisa li qed ixandru l-aħbar tajba huma armata kbira.” (Salm 68:11) B’hekk, m’huwiex sorprendenti li hemm ħafna aħwa nisa mhux miżżewġin fost dawk li jaqdu barra pajjiżhom. Aħwa nisa bħal dawn li jagħmlu sagrifiċċju persunali huma t’għajnuna kbira. Uffiċċju tal-fergħa fl-Ewropa tal-Lvant osserva: “F’ħafna mill-kongregazzjonijiet tagħna, hemm persentaġġ għoli t’aħwa nisa, kultant sa 70 fil-mija. Ħafna minnhom huma ġodda fil-verità, imma l-aħwa nisa pijunieri li m’humiex miżżewġin u li ġew minn pajjiżi oħrajn jipprovdu għajnuna imprezzabbli billi jħarrġu lil dawn l-uħud ġodda. Dawn l-aħwa nisa li jiġu minn barra huma verament rigal għalina!”
Aħwa nisa bħal dawn kif iħossuhom dwar li jaqdu f’pajjiżi barranin? “L-isfidi huma ħafna,” tgħid Angelica, oħt li għandha madwar 35 sena u li qdiet għal diversi snin barra minn pajjiżha bħala pijuniera mhux miżżewġa. “F’inkarigu minnhom, ġurnata wara l-oħra, kont ngħaddi b’diffikultà kbira minn toroq kollhom tajn u rajt ħafna nies li kienu qed ibatu, u dan kien taʼ dwejjaq. Imma kont inħoss sodisfazzjon meta ngħin lin-nies fil-ministeru. Kont imqanqla wkoll mill-ħafna espressjonijiet taʼ gratitudni mill-aħwa nisa lokali li kienu jirringrazzjawni talli kont mort ngħinhom. Waħda oħt qaltli li l-eżempju tiegħi li ġejt minn tant ’il bogħod biex niġi f’pajjiżha ħalli naqdi bħala pijuniera qanqalha tibda taqdi fis-servizz full-time.”
Sue, pijuniera li għandha ’l fuq minn 50 sena tgħid: “Tabilħaqq tiffaċċja sfidi, imma dawn ma jistgħux jitqabblu mal-barkiet li tirċievi. Il-ministeru huwa eċċitanti! Peress li nqattaʼ ħafna ħin fis-servizz m’aħwa nisa iżgħar, naqsam magħhom dak li tgħallimt mill-Bibbja u mill-pubblikazzjonijiet tagħna dwar kif jiffaċċjaw l-ostakli. Huma spiss jgħiduli li l-eżempju tiegħi kif kampajt mal-problemi waqt li qdejt bħala pijuniera mhux miżżewġa għal ħafna snin jgħinhom jaraw li huma wkoll jistgħu jegħlbu l-isfidi fil-ħajja tagħhom. Il-fatt li ngħin lil dawn l-aħwa nisa jġibli sodisfazzjon kbir.”
[Mappa f’paġna 20]
(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara l-pubblikazzjoni)
MESSIKU
Monterrey
Guanajuato
Irapuato
Ajijic
Chapala
Lake Chapala
San Miguel de Allende
Querétaro
MEXICO CITY
Cancún
[Stampa f’paġna 23]
Xi wħud għandhom il-ferħ li jagħtu xiehda lil uħud barranin li qed jisimgħu l-aħbar tajba għall-ewwel darba