LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w13 4/15 pp. 3-6
  • Offrew Lilhom Infushom Minn Rajhom—Fil-Messiku

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Offrew Lilhom Infushom Minn Rajhom—Fil-Messiku
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • “KELLNA NAGĦMLU BIDLA”
  • “L-​AQWA ĦAĠA LI QATT ĠRATILNA”
  • ELUF JAĦDMU MINN RAJHOM —X’JIMMOTIVAHOM?
  • KIF TKAMPA MAL-​ISFIDI
  • KIF TĦEJJI RUĦEK
  • Tistaʼ Int Taqdi Fejn il-Bżonn Għal Proklamaturi tas-Saltna Hu Akbar?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • Naqdi b’Qalbi Kollha Minkejja l-Provi
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Offrew lilhom infushom minn rajhom—Fit-Tajwan
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Offrew Lilhom Infushom Minn Rajhom—Fil-Filippini
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
w13 4/15 pp. 3-6

Offrew Lilhom Infushom Minn Rajhom​—Fil-​Messiku

QALBNA timtela bil-​ferħ meta naraw li għadd li dejjem jiżdied taʼ Xhieda żgħażagħ qed jissimplifikaw ħajjithom biex ikunu jistgħu jagħmlu iktar fil-​ministeru Kristjan. (Mt. 6:22) Liema bidliet jagħmlu? Maʼ liema ostakli jħabbtu wiċċhom? Biex insiru nafu, ejja niltaqgħu maʼ xi wħud li bħalissa qed jaqdu fil-​Messiku.

“KELLNA NAGĦMLU BIDLA”

Dustin u Jassa

Dustin u Jassa mill-​Istati Uniti xtaqu jixtru dgħajsa bil-​qlugħ u jgħixu fuqha b’mod permanenti. Ftit wara li żżewġu f’Jannar tal-​2007, din il-​ħolma, wara ħafna żmien, fl-​aħħar saret realtà. Id-​dgħajsa tagħhom kienet marbuta maʼ moll ħdejn Astoria, f’Oregon, l-​Istati Uniti tal-​Amerika, raħal pittoresk imdawwar b’għoljiet kollhom siġar u muntanji bis-​silġ fuq il-​quċċata—tefgħa taʼ ġebla ’l bogħod mill-​Oċean Paċifiku. Dustin jgħid: “Kull fejn tħares tara veduti mill-​isbaħ li jħalluk bla kliem!” Il-​koppja ħassew li kienu qed jgħixu ħajja sempliċi u jistrieħu fuq Ġeħova. Bejnhom u bejn ruħhom qalu: ‘Wara kollox aħna ngħixu fuq dgħajsa b’tul taʼ 7.9 metri, naħdmu part-​time, nattendu kongregazzjoni taʼ lingwa barranija, u kultant naqdu bħala pijunieri awżiljarji.’ Imma wara ftit waslu għall-​konklużjoni li kienu qed jidħqu bihom infushom. Dustin jgħid: “Minflok ma nappoġġaw il-​kongregazzjoni, ħafna mill-​ħin konna nqattgħuh insewwu d-​dgħajsa. Konna nafu li jekk verament ridna npoġġu lil Ġeħova l-​ewwel f’ħajjitna, kellna nagħmlu bidla.”

Jassa żżid tgħid: “Qabel ma żżewwiġt, kont ngħix il-​Messiku fejn kont nagħmel parti minn kongregazzjoni tal-​Ingliż. Kienet l-​għaxqa tiegħi naqdi hemmhekk, u kont ħerqana li nerġaʼ mmur lura.” Sabiex ikattru x-​xewqa tagħhom li jaqdu f’pajjiż barrani, matul il-​qima tal-​familja, Dustin u Jassa bdew jaqraw bijografiji taʼ aħwa li marru jgħixu f’pajjiżi fejn l-​għelieqi kienu lesti għall-​ħsad. (Ġw. 4:35) Dustin jgħid: “Ridna nesperjenzaw dan l-​istess ferħ.” Meta l-​ħbieb tagħhom fil-​Messiku qalulhom li grupp ġdid li kien għadu kif ġie fformat kellu bżonn l-​għajnuna, Dustin u Jassa qatgħuha li jitilqu l-​impjieg tagħhom, ibigħu d-​dgħajsa, u jmorru jgħixu l-​Messiku—u hekk għamlu.

“L-​AQWA ĦAĠA LI QATT ĠRATILNA”

Dustin u Jassa marru joqogħdu fil-​belt taʼ Tecomán, li wkoll tinsab viċin l-​Oċean Paċifiku, iżda madwar 4,400 kilometru lejn in-​Nofsinhar taʼ Astoria. “Minflok żiffa ħelwa u veduti tal-​muntanji, hawnhekk sibna xemx tisreġ u siġar tal-​lumi kemm tagħtik il-​vista t’għajnejk,” jgħid Dustin. Għall-​ewwel, ma setgħux isibu xogħol. Peress li kellhom inqas flus, setgħu jaffordjaw biss li jieklu ross u fażola darbtejn kuljum, ġimgħa wara ġimgħa. Jassa tgħid: “Imma appena bdejna nixbgħu mill-​istess ikel, l-​istudenti tagħna tal-​Bibbja bdew jagħtuna mangoes, bananas, papayas, u ovvjament, basktijiet mimlijin lumi!” Maż-​żmien, il-​koppja sabu xogħol maʼ skola tal-​lingwi onlajn li għandha l-​bażi tagħha fit-​Tajwan. Issa l-​flus li jaqilgħu minn dan l-​impjieg jgħinuhom ilaħħqu sew mal-​bżonnijiet tagħhom taʼ kuljum.

Dustin u Jassa kif iħossuhom dwar l-​istil ġdid taʼ ħajja li qed jgħixu? “Id-​deċiżjoni li niġu ngħixu hawnhekk hi l-​aqwa ħaġa li qatt ġratilna,” jgħidu huma. “Ir-​relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova u maʼ xulxin hi iktar b’saħħitha milli qatt stajna nimmaġinaw. Kuljum nagħmlu ħafna affarijiet flimkien—noħorġu fis-​servizz tal-​għalqa, niddiskutu kif nistgħu ngħinu lill-​istudenti tagħna tal-​Bibbja, u nippreparaw għal-​laqgħat. Ukoll, aħna ħelsin mit-​tip taʼ pressjonijiet li kellna fil-​passat.” Huma jżidu jgħidu: “Issa nifhmu dak li qatt ma fhimna bis-​sħiħ qabel—kemm hi vera l-​wegħda li nsibu f’Salm 34:8, ‘Duqu u araw li Ġeħova hu tajjeb.’”

ELUF JAĦDMU MINN RAJHOM —X’JIMMOTIVAHOM?

Iktar minn 2,900 ħu u oħt—uħud miżżewġin u wħud mhumiex, li ħafna minnhom għandhom fuq l-​20 u t-​30 sena—marru jgħixu fi nħawi fil-​Messiku biex jaqdu fejn għad hemm bżonn kbir taʼ predikaturi tas-​Saltna. Dawn ix-​Xhieda kollha għala daħlu għal din il-​biċċa xogħol taʼ sfida? Meta grupp minnhom ġew mistoqsijin din il-​mistoqsija, huma taw tliet raġunijiet prinċipali. Liema huma?

Leticia u Hermilo

Biex juru mħabba lejn Ġeħova u lejn il-​proxxmu. Leticia tgħammdet fl-​età taʼ 18-​il sena. Hi tgħid: “Meta ddedikajt lili nnifsi lil Ġeħova, kont naf li dan kien ifisser li naqdih b’qalbi u b’ruħi kollha. Għalhekk, biex nuri mħabbti b’qalb sħiħa lejn Ġeħova, ridt nuża iktar mill-​ħin u l-​enerġija li għandi fis-​servizz tiegħu.” (Mk. 12:30) Hermilo, li issa hu miżżewweġ lil Leticia, kellu madwar 23 sena meta mar jaqdi fejn il-​bżonn taʼ predikaturi tas-​Saltna kien ikbar. Hu jgħid: “Irrealizzajt li l-​aqwa mod kif nuri mħabbti lejn il-​proxxmu huwa billi ngħin lin-​nies jissodisfaw il-​bżonn spiritwali tagħhom.” (Mk. 12:31) Għalhekk, hu ħalla l-​belt sinjura taʼ Monterrey fejn kien jaħdem f’bank u kien igawdi ħajja komda, u mar joqgħod f’raħal.

Essly

Biex jesperjenzaw ferħ veru u dejjiemi. Ftit wara li tgħammdet, Leticia akkumpanjat pijuniera tal-​esperjenza f’belt iżolata fejn ippritkaw għal xahar sħiħ. Leticia tiftakar: “Bqajt miblugħa meta rajt kemm in-​nies irreaġixxew tajjeb għall-​messaġġ tas-​Saltna li qsamna magħhom. Dan tassew ferraħni. Fl-​aħħar tax-​xahar għedt bejni u bejn ruħi, ‘Hekk irrid nagħmel b’ħajti!’” B’mod simili, għal Essly, oħt mhix miżżewġa li issa għandha ftit iktar minn 20 sena, kien il-​ferħ li rat li ġegħelha tinġibed lejn dan it-​tip taʼ servizz. Meta kienet għadha tmur l-​iskola sekondarja, hi ltaqgħet maʼ diversi Xhieda żelużi li qdew fejn il-​bżonn kien ikbar. Hi tgħid, “Meta kont nara l-​wiċċ daħqan tal-​aħwa kont nixxennaq għat-​tip taʼ ħajja li kellhom huma.” Ħafna aħwa nisa għamlu bħal Essly. Fil-​fatt, fil-​Messiku iktar minn 680 oħt mhix miżżewġa jaqdu fejn il-​bżonn hu akbar. X’eżempju mill-​aqwa jħallu kemm għall-​kbar u kemm għaż-​żgħar!

Biex jgħixu ħajja mimlija skop u sodisfaċenti. Meta spiċċat l-​iskola sekondarja, Essly ġiet offruta borża taʼ studju fl-​università. Dawk tamparha ħeġġewha biex taċċettaha u tgħix “ħajja normali”—iġġib lawrja, ikollha karriera, tixtri karozza, u toqgħod tivvjaġġa. Madankollu, hi ma mxietx fuq il-​parir tagħhom. Essly tgħid: “Xi wħud mill-​ħbieb Kristjani tiegħi ġrew wara dawn l-​affarijiet, u nnotajt li ma baqgħux jagħtu l-​ogħla prijorità lil miri spiritwali. Innotajt ukoll li spiċċaw frustrati minħabba l-​problemi li ffaċċjaw peress li baqgħu jinvolvu ruħhom iktar u iktar fl-​affarijiet tad-​dinja. Ridt nuża żgħożiti biex naqdi lil Ġeħova bis-​sħiħ.”

Racquel u Phillip

Essly ħadet xi korsijiet edukattivi oħrajn li ppermettewlha ssib xogħol biex tmantni lilha nfisha hi u taqdi bħala pijuniera. Imbagħad marret toqgħod fi nħawi fejn kien hemm bżonn urġenti taʼ pubblikaturi tas-​Saltna. Hi saħansitra ddeċidiet li titgħallem il-​lingwi indiġeni mitkellma mill-​ġnus Otomi u Tlapaneco. Issa meta tħares lura lejn it-​tliet snin li qattgħet tipprietka fi nħawi iżolati, hi tgħid: “Il-​fatt li naqdi fejn il-​bżonn hu ikbar iġibli sodisfazzjon u skop veru f’ħajti. Iktar importanti minn hekk, ir-​relazzjoni tiegħi maʼ Ġeħova ssaħħet.” Phillip u Racquel, koppja mill-​Istati Uniti li għandhom madwar 33 sena, jaqblu maʼ dan. “Id-​dinja qed tinbidel b’rata tant mgħaġġla li ħafna nies iħossu li ħajjithom mhix stabbli. Iżda li naqdu fejn għadna nsibu tant nies li jagħtu widen għall-​messaġġ tal-​Bibbja tassew jagħtina skop fil-​ħajja. Huwa sodisfaċenti ferm!”

KIF TKAMPA MAL-​ISFIDI

Verónica

M’għandniex xi ngħidu, meta taqdi f’post fejn il-​bżonn taʼ pubblikaturi tas-​Saltna jkun ikbar se tiltaqaʼ mal-​isfidi. Sfida minnhom hi kif tmantni lilek innifsek. Sabiex tagħmel dan jeħtieġ li tkun lest li tadatta ruħek għaċ-​ċirkustanzi lokali. Verónica, pijuniera tal-​esperjenza, tispjega: “F’post minnhom fejn kont naqdi, kont inħejji u nbigħ fast food li ma jqumx ħafna flus. F’post ieħor kont inbigħ il-​ħwejjeġ u naqtaʼ x-​xagħar. Bħalissa, qed nieħu ħsieb it-​tindif taʼ dar u anki nikkonduċi klassi għal ġenituri ġodda, u ngħallimhom jikkomunikaw maʼ wliedhom.”

Jistaʼ jkun speċjalment taʼ sfida li tadatta ruħek għal kultura u drawwiet oħrajn meta tgħix fost nies indiġeni fi nħawi iżolati. Hekk ġara fil-​każ taʼ Phillip u Racquel meta kienu jaqdu fit-​territorju tal-​lingwa Nahuatl. Phillip jgħid: “Kien hemm baħar jaqsam fejn jidħlu d-​differenzi kulturali.” X’għenhom jadattaw ruħhom? “Konna niffokaw fuq l-​affarijiet pożittivi li nosservaw fost in-​nies Nahuatl—kemm għandhom familji magħqudin, is-​sinċerità li juru maʼ xulxin, u l-​ġenerożità tagħhom.” Racquel tkompli tgħid: “Tgħallimna ħafna kemm domna ngħixu hemmhekk, naqdu spalla maʼ spalla maʼ ħutna f’dik il-​komunità indiġena.”

KIF TĦEJJI RUĦEK

Jekk tixtieq taqdi fi nħawi iżolati fejn hemm bżonn l-​għajnuna, x’tistaʼ tagħmel issa biex tħejji ruħek? Aħwa li huma tal-​esperjenza f’dan it-​tip taʼ servizz jgħidu: Qabel ma tmur tgħix xi mkien, l-​ewwel issimplifika ħajtek u tgħallem kun kuntent b’dak li għandek. (Flp. 4:11, 12) X’tistaʼ tagħmel iktar? Leticia tirrakkonta u tgħid: “Kont nevita li naċċetta xogħlijiet sekulari li jirrikjedu li nikkommetti ruħi għal żmien twil biex nibqaʼ f’post wieħed. Ridt inkun libera li nitlaq meta rrid—kull meta u kull fejn ikun meħtieġ.” Hermilo jgħid: “Tgħallimt insajjar u naħsel il-​ħwejjeġ u ngħaddihom.” Verónica tirrakkonta u tgħid: “Meta kont għadni ngħix id-​dar mal-​ġenituri tiegħi u ħuti, kont ngħin fil-​faċendi u tgħallimt insajjar ikel nutrittiv li ma jiswiex ħafna flus. Tgħallimt ukoll infaddal xi ħaġa tal-​flus.”

Amelia u Levi

Levi u Amelia mill-​Istati Uniti li ilhom tmien snin miżżewġin jirrakkontaw kif it-​talb speċifiku għenhom iħejju ruħhom biex jaqdu fil-​Messiku. Levi jgħid: “Ikkalkulajna kemm kien se jkollna bżonn flus biex naqdu barra minn pajjiżna għal sena sħiħa. Imbagħad tlabna lil Ġeħova jgħinna naqilgħu eżatt l-​istess ammont taʼ flus.” Fi ftit xhur, irnexxielhom ifaddlu l-​ammont li kienu semmew fit-​talba tagħhom u telqu bla dewmien. Levi jgħid: “Ġeħova kien wieġeb it-​talba speċifika tagħna. Issa kien imiss lilna nieħdu l-​pass meħtieġ.” Amelia żżid tgħid: “Il-​ħsieb kien li nagħmlu sena waħda biss, imma issa ilna hawnhekk sebaʼ snin, u m’aħniex beħsiebna nitilqu! Il-​ħajja f’dan il-​pajjiż tippermettilna nesperjenzaw l-​għajnuna taʼ Ġeħova b’mod personali. Kuljum naraw evidenza taʼ tjubitu.”

Adam u Jennifer

It-​talb kellu rwol importanti anki għal Adam u Jennifer, koppja mill-​Istati Uniti li qed jaqdu fit-​territorju tal-​Ingliż fil-​Messiku. Huma jagħtu dan il-​parir: “Toqgħodx tistenna li jkollok iċ-​ċirkustanzi ideali. Itlob dwar ix-​xewqa li taqdi f’pajjiż ieħor, u mbagħad aġixxi fi qbil mat-​talb tiegħek. Issimplifika ħajtek, ikteb lill-​uffiċċju tal-​fergħa fil-​pajjiż fejn tixtieq tmur taqdi, u wara li tgħodd in-​nefqa, aqbad u mur!”a Jekk tagħmel hekk, quddiemek ikollok ħajja eċċitanti u rikka spiritwalment.

a Għal iktar informazzjoni, ara l-​artiklu “Tistaʼ Int ‘Tgħaddi l-​Maċedonja’?” fil-​ħarġa tal-​Ministeru tas-​Saltna t’Awwissu 2011.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja