LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w01 1/15 pp. 8-9
  • “Kapulavur mill-Aqwa”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Kapulavur mill-Aqwa”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Mod Ġdid Kif Tixxandar l-​Aħbar Tajba
  • Wara l-​Kwinti
  • Għodda Effettiva għall-​Ippridkar
  • Metodi taʼ ppritkar—Jintuża kull mezz biex jintlaħqu n-nies
    Is-Saltna t’Alla qed taħkem!
  • Il-Fidi Kristjana Trid Tiġi Mġarrba
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Nilħqu Kemm Jistaʼ Jkun Nies
    Il-Ministeru tas-Saltna—2005
  • The Kingdom—100 Years and Counting
    Fuljett għal-Laqgħa—Il-Ħajja u l-Ministeru Kristjan Tagħna—2016
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
w01 1/15 pp. 8-9

Ieqfu Sħaħ U b’Konvinzjoni Soda

“Kapulavur mill-​Aqwa”

SA MINN kmieni fl-​istorja moderna tagħhom, ix-​Xhieda taʼ Jehovah kienu interessati ferm f’waħda mill-​profeziji taʼ Ġesù Kristu: “Dan l-​Evanġelju tas-​Saltna jixxandar fid-​dinja kollha, biex il-​ġnus kollha jkollhom xhieda. Mbagħad jiġi t-​tmiem.” (Mattew 24:14) Hekk kif qorbot is-​sena 1914, il-​bidu taʼ l-​“aħħar jiem,” studenti sinċiera tal-​Bibbja daħlu b’konvinzjoni soda għal kampanja dinjija li qatt ma kien hawn bħalha qabel. Din kienet tinvolvi edukazzjoni bbażata fuq l-​Iskrittura Mqaddsa.—2 Timotju 3:​1, Saydon.

Sabiex jilħqu l-​għan tagħhom li jiddikjaraw l-​aħbar tajba mad-​dinja kollha, dawn il-​qaddejja taʼ Jehovah wżaw b’mod kuraġġuż metodu ġdid, qawwi u ħaj. Ejja mmorru lura fiż-​żmien, ħalli nitgħallmu iżjed dwar dan.

Mod Ġdid Kif Tixxandar l-​Aħbar Tajba

Ninsabu f’Jannar tas-​sena 1914. Immaġina li int wieħed mill-​5,000 ruħ bil-​qegħda f’awditorju mudlam fil-​Belt taʼ New York. Quddiemek hemm skrin kbir taċ-​ċinema. Fuq l-​iskrin jitfaċċa raġel b’xagħru abjad liebes ġlekk twil. S’issa l-​films li rajt kienu dejjem bla sawnd. Madankollu, dan ir-​raġel qed jitkellem, u int tistaʼ tismaʼ x’inhu jgħid. Int tinsab preżenti meta xi ħaġa ġdida u oriġinali fit-​teknika tagħha se tintwera għall-​ewwel darba; u l-​messaġġ huwa uniku. Il-​kelliemi hu Charles Taze Russell, l-​ewwel president tal-​Watch Tower Society, u l-​produzzjoni hija l-​“Photo-Drama of Creation.”

C. T. Russell għaraf kemm setaʼ jkun effettiv film bi stampi jiċċaqalqu biex jiġbed folol kbar taʼ nies. Għalhekk, fl-​1912 beda jipprepara l-​“Photo-Drama of Creation.” Ir-​riżultat aħħari kien film taʼ tmien sigħat bi slajds fotografiċi u stampi jiċċaqalqu. Din il-​produzzjoni kienet ukoll bil-​kulur u bis-​sawnd.

Il-“Photo-Drama” kienet imfassla biex tintwera f’erbaʼ partijiet. Din ħadet lill-​udjenza fi vjaġġ matul l-​istorja tal-​bniedem, mill-​ħolqien sal-​quċċata taʼ l-​iskop t’Alla Jehovah għall-​art u l-​umanità fit-​tmiem tar-​Renju Millennjali taʼ Kristu. Kellhom jgħaddu s-​snin qabel użu bħal dan mit-​teknoloġija jagħmel suċċess fil-​qasam kummerċjali. Madankollu, miljuni raw il-​“Photo-Drama of Creation” u ma ħallsu xejn!

Għall-“Photo-Drama” ntgħażlet mużika mill-​isbaħ u taʼ l-​aqwa kwalità. Ukoll ġew rekordjati 96 taħdita fuq diski biex jinstemgħu permezz taʼ fonografu. Is-​slajds fotografiċi kienu magħmulin fuq l-​aqwa xogħlijiet taʼ l-​arti li jiddeskrivu l-​istorja tad-​dinja. Kien hemm bżonn ukoll taʼ mijiet taʼ stampi mpittrin u disinji ġodda. Xi wħud mis-​slajds u l-​films tal-​kulur kienu mpinġijin bl-​idejn b’reqqa u paċenzja kbira. U dan kollu kellu jsir għal darba wara l-​oħra, biex b’hekk, sa ċertu żmien kien hemm lesti 20 kopja taʼ erbaʼ partijiet-il waħda. B’dan il-​mod kien possibbli li tintwera parti mill-​“Photo-Drama” fi 80 belt differenti f’ġurnata waħda!

Wara l-​Kwinti

X’kien jiġri wara l-​kwinti waqt li kienet tintwera l-​“Photo-Drama”? “Id-​Drama kienet tibda billi Ħuna Russell jidher fuq l-​iskrin,” qalet Alice Hoffman, Studenta tal-​Bibbja. “X’ħin xofftejh kienu jibdew jiċċaqalqu, kien jibda jinstemaʼ fonografu bir-​rikording . . . u aħna konna nieħdu pjaċir nisimgħu leħnu.”

Zola Hoffman ftakret kif kien intuża t-​tip taʼ fotografija li jagħti dehra mgħaġġla taʼ xi azzjoni li normalment issir bil-​mod ħafna: “Bqajt b’ħalqi miftuħ hekk kif rajna xeni taʼ żmien il-​ħolqien. Stajna naraw quddiem għajnejna stess il-​ġilji jiftħu bil-​mod il-​mod.”

Karl F. Klein, membru tal-​Ġemgħa li Tiggverna tax-​Xhieda taʼ Jehovah u li jħobb ħafna l-​mużika jżid: “Fl-​istess ħin li kienu jintwerew dawn l-​istampi, kienet tindaqq mużika mill-​isbaħ, ġojjelli mużikali bħal Narcissus u Humoreske.”

Ġraw ukoll ħafna affarijiet li mhux taʼ min jinsiehom. “Xi kultant kienu jiġru affarijiet tad-​daħq,” ftakar Clayton J. Woodworth, Jr. “Darba minnhom kienet qed tindaqq ‘Flee as a Bird to Your Mountain’ (Aħrab bħal Għasfur Lejn il-​Muntanja Tiegħek), u fuq l-​iskrin ġiet l-​istampa taʼ dinosawru ġgantesk, annimal enormi taʼ qabel id-​Dilluvju”!

Fi żmien qasir, barra mill-​kopja normali tal-​“Photo-Drama of Creation,” kien hemm ukoll is-​settijiet taʼ l-​“Eureka Drama.” (Ara l-​kaxxa.) Sett minnhom kellu r-​rikordings tat-​taħditiet kif ukoll tal-​mużika. L-​ieħor kien fih kemm ir-​rikordings kif ukoll is-​slajds. Għalkemm l-​“Eureka Drama” ma kellhiex stampi jiċċaqalqu, din irnexxiet ħafna meta ntweriet f’postijiet fejn joqogħdu ftit nies.

Għodda Effettiva għall-​Ippridkar

Sa tmiem is-​sena 1914, il-​“Photo-Drama” kienu rawha iktar minn 9,000,000 ruħ fl-​Amerika taʼ Fuq, fl-​Ewropa, u fl-​Awstralja. Għalkemm ftit fin-​numru, l-​Istudenti tal-​Bibbja ma kinux neqsin mill-​konvinzjoni soda meħtieġa biex jiddikjaraw l-​aħbar tajba b’dan il-​mezz ġdid. Huma minn qalbhom ħarġu l-​flus li kien hemm bżonn biex jikru postijiet xierqa għal dawn il-​wirjiet. U hekk il-​“Photo-Drama of Creation” wettqet biċċa xogħol kbira biex tgħin lill-​udjenza tkun iktar familjari mal-​Kelma t’Alla u maʼ l-​iskopijiet tiegħu.

F’ittra lil C. T. Russell, wieħed żagħżugħ kiteb: “Meta ġejt nara d-​Drama tiegħek għall-​ewwel darba saret bidla kbira f’ħajti; jew, irrid ngħid, bidla kbira fl-​għarfien tiegħi dwar il-​Bibbja.” Individwu ieħor qal: “Kont kważi nqbadt fin-​nassa li nitlef il-​fidi tiegħi u nħoss li ġejt salvat permezz tal-​‘Photo-Drama of Creation’ li ntweriet hawnhekk is-​sajf li għadda. . . . Issa għandi dik il-​paċi li ma tistax issibha fid-​dinja u li m’iniex lest nibdilha lanqas maʼ l-​għana kollu tagħha.”

Demetrius Papageorge, li ilu żmien twil jaqdi bħala wieħed mill-​istaff fil-​kwartieri ġenerali tas-​Soċjetà, qal: “Il-​‘Photo-Dramaʼ kienet kapulavur mill-​aqwa, meta tikkunsidra n-​numru żgħir taʼ Studenti tal-​Bibbja u l-​ftit finanzi li kellna f’idejna. L-​ispirtu taʼ Jehovah tassew li kien qiegħed jappoġġaha!”

[Kaxxa/Stampi f’paġna 8, 9]

L-​“Eureka Drama”

Tmien xhur wara li l-​“Photo-Drama” ntweriet għall-​ewwel darba, is-​Soċjetà rat il-​bżonn li toħroġ verżjoni oħra tagħha msejħa l-​“Eureka Drama.” Filwaqt li l-​“Photo-Drama” kompliet tintwera sħiħa fil-​bliet il-​kbar, is-​settijiet taʼ l-​“Eureka” ppreżentaw l-​istess messaġġ bażiku fl-​irħula u f’postijiet fil-​kampanja. Waħda mill-​verżjonijiet taʼ l-​“Eureka Drama” ġiet deskritta bħala li tagħti “opportunità unika lill-​aħwa nisa” biex jippridkaw. Dan għala? Għax il-kaxxa fejn kienu jinżammu r-​rikordings tal-​fonografu kienet tiżen biss 14-il kilogramma. Imbagħad biex turi d-​Drama, ovvjament kien hemm bżonn ukoll li ġġorr fonografu.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja