Ix-Xhieda taʼ Jehovah Jimxu ’l Quddiem b’Konvinzjoni Soda!
Rapport tal-Laqgħa Annwali
F’DAN iż-żmien taʼ xettiċiżmu u dubji, ix-Xhieda taʼ Jehovah jispikkaw bħala Kristjani li għandhom konvinzjoni soda. Dan ħareġ ċar fil-laqgħa annwali tal-Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania. Din il-laqgħa saret is-Sibt, 7 t’Ottubru, 2000, fis-Sala taʼ l-Assemblea tax-Xhieda taʼ Jehovah f’Jersey City, New Jersey.a
Iċ-chairman kien John E. Barr, membru tal-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Jehovah. Fir-rimarki tal-ftuħ, hu stqarr: “Mill-eluf taʼ miljuni li jgħixu fid-dinja, aħna nafu u nemmnu li l-Iben għażiż taʼ Jehovah, Kristu Ġesù, issa qiegħed fuq it-tron fis-smewwiet, jaħkem fost l-għedewwa tiegħu.” Evidenza taʼ din il-konvinzjoni soda kienet preżentata f’sitt rapporti kommoventi minn madwar id-dinja.
Jegħlbu l-Ispiritiżmu fil-Ħaiti bil-Verità tal-Bibbja
L-ispiritiżmu huwa mifrux sew fil-Ħaiti. “Ħafna drabi,” qal John Norman, il-koordinatur tal-Kumitat tal-Fergħa, “in-nies jipprattikaw il-vudu biex jipproteġu lilhom infushom.” Wieħed saħħâr bdew jidħlulu d-dubji meta tilef riġlu f’inċident. ‘Jekk għandi l-protezzjoni taʼ l-ispirti, kif setgħet tiġrili ħaġa bħal din?’ ħaseb bejnu u bejn ruħu. Bħal ħafna oħrajn, dan ir-raġel tgħallem il-verità mingħand ix-Xhieda taʼ Jehovah u ġie megħjun jeħles mill-ispiritiżmu. Il-possibbiltà li jkun hemm żjieda fil-Ħaiti tidher mill-fatt li fid-19 t’April, 2000, l-attendenza għall-Mafkar tal-mewt taʼ Kristu kienet erbaʼ darbiet iktar min-numru taʼ pubblikaturi tas-Saltna.
Żelu fit-Territorju Vast tal-Korea
Fil-Korea, 40 fil-mija tax-Xhieda taʼ Jehovah huma fis-servizz full-time. “B’din l-armata tassew kbira taʼ pubblikaturi, it-territorju tagħna taʼ ’l fuq minn 47 miljun ruħ jinħadem kważi darba fix-xahar,” qal Milton Hamilton, il-koordinatur tal-Kumitat tal-Fergħa. L-iktar żjieda li tispikka kienet dik fil-kongregazzjonijiet tal-lingwa bis-sinjali. F’wieħed mis-circuits tal-lingwa bis-sinjali qed jikkonduċu mat-800 studju tal-Bibbja fid-djar. Din hi medja taʼ studju għal kull pubblikatur. Sfortunatament, l-aħwa żgħażagħ irġiel għadhom qed jiġu mitfugħin il-ħabs minħabba n-newtralità tagħhom. Madankollu, dawn il-Kristjani leali jiġu trattati tajjeb u taʼ spiss iqabbduhom jagħmlu xogħol li jkun jirrikjedi fiduċja.
Ilaħħqu mal-Bżonnijiet taż-Żjieda fil-Messiku
F’Awissu tas-sena 2000, kien hemm quċċata taʼ 533,665 pubblikatur tas-Saltna li għamlu r-rapport tas-servizz taʼ l-għalqa fil-Messiku. Għall-Mafkar, l-attendenza kienet iktar mit-triplu taʼ dan in-numru. “Il-mira tagħna għal din is-sena hija li nibnu 240 Sala tas-Saltna oħra,” qal Robert Tracy, il-koordinatur tal-Kumitat tal-Fergħa. “Madankollu,” kompla hu, “għandna bżonn ħafna iktar.”
Iż-żgħażagħ fost ix-Xhieda taʼ Jehovah fil-Messiku huma eżemplari. Qassis Kattoliku qal hekk dwar ċertu żagħżugħ: “Nixtieq li jkolli mqar wieħed bħalu fost is-segwaċi tiegħi. Nammirahom lil dawn in-nies għar-rieda soda tagħhom u għal mod għaqli kif jużaw il-Bibbja. Huma jiddefendu lil Alla, saħansitra billi jirriskjaw li jitilfu ħajjithom.”
Iżommu l-Integrità Fost it-Taqlib fi Sierra Leone
Minn mindu faqqgħet il-gwerra ċivili fi Sierra Leone, f’April tas-sena 1991, eluf taʼ nies sfaw maqtulin, feruti, jew immankati. “Il-gwerra u t-tbatija ħallew effett profond fuq in-nies,” irrapporta Bill Cowan, il-koordinatur tal-Kumitat tal-Fergħa. “Ħafna li qabel kienu indifferenti għall-messaġġ tagħna issa jisimgħuna b’interess. M’hijiex xi ħaġa rari li jkun hemm xi ħadd li mingħajr ma jkun mistieden jaqbad u jidħol fis-Sala tas-Saltna għall-ewwel laqgħa tiegħu. Fit-triq, in-nies taʼ sikwit iwaqqfu lill-aħwa biex jitolbuhom studju tal-Bibbja.” Minkejja t-taqlib li għadu sejjer fil-pajjiż, ix-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna qed jagħti l-frott fi Sierra Leone.
Proġett Kbir taʼ Bini fl-Afrika t’Isfel
Bħalissa, hemm bżonn t’eluf taʼ Swali tas-Saltna fit-territorju li jaqaʼ taħt l-uffiċċju tal-fergħa fl-Afrika t’Isfel. Diġà nbnew mijiet taʼ swali. “Minflok ma jiltaqgħu f’xi gabuba taʼ l-injam jew taħt xi siġra, bħalma kienu jagħmlu qabel, ħutna jistgħu jiltaqgħu f’post xieraq fejn jistgħu joqogħdu bil-qegħda komdi,” qal John Kikot, wieħed mill-membri tal-Kumitat tal-Fergħa. “Għalkemm ħafna minn dawn is-Swali tas-Saltna huma sempliċi ħafna, ġeneralment jispikkaw bħala l-iktar impressjonanti meta mqabblin mal-bqija tal-bini fil-lokal tagħhom. F’xi żoni ġie rapportat li wara li tinbena Sala tas-Saltna, il-kongregazzjoni tiżdied iktar mid-doppju fis-sena taʼ wara.”
Ġenerazzjoni Ġdida taʼ Xhieda fl-Ukraina
Matul is-sena taʼ servizz 2000, dan il-pajjiż kellu quċċata taʼ 112,720 pubblikatur. Iktar minn 50,000 minnhom tgħallmu l-verità tal-Bibbja f’dawn l-aħħar ħames snin. “Tabilħaqq, Jehovah qajjem ġenerazzjoni ġdida u żagħżugħa taʼ Xhieda biex ixandru ismu!” qal John Didur, il-koordinatur tal-Kumitat tal-Fergħa. “F’dawn l-aħħar sentejn,” żied hu, “ħallejna iktar minn 50 miljun rivista. Dan l-ammont hu daqs il-popolazzjoni tal-pajjiż. Kull xahar, bħala medja, nirċievu maʼ l-elf ittra mingħand nies interessati fil-messaġġ u li jridu iktar informazzjoni.”
Partijiet Eċċitanti Oħrajn fil-Programm
Daniel Sydlik, membru tal-Ġemgħa li Tiggverna, ta taħdita interessanti ħafna. L-artiklu “Kif il-Ġemgħa li Tiggverna Hi Differenti minn Korporazzjoni Legali,” li jidher f’din ir-rivista, huwa bbażat fuq din il-preżentazzjoni informattiva.
Theodore Jaracz tal-Ġemgħa li Tiggverna ta taħdita li ġġagħlek taħseb bit-titlu “L-Indokraturi u l-Qaddejja Ministerjali Huma Maħturin b’Mod Teokratiku.” Wieħed mill-artikli f’din ir-rivista hu bbażat fuq dan is-suġġett.
Il-laqgħa annwali inkludiet ukoll taħdita minn David Splane, membru tal-Ġemgħa li Tiggverna. Din it-taħdita li tqanqal kienet dwar l-iskrittura għas-sena 2001. Din hi bbażata fuq il-kliem taʼ l-appostlu Pawlu: “Ieqfu sħaħ u b’konvinzjoni soda fir-rieda kollha t’Alla.” (Kolossin 4:12, NW) Madwar id-dinja, ix-Xhieda taʼ Jehovah huma determinati li jagħmlu dan waqt li jippridkaw lealment l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla maʼ l-art kollha.—Mattew 24:14.
[Noti taʼ taħt]
a B’kollox, kien hemm 13,082 ruħ jisimgħu l-programm permezz taʼ kollegament elettroniku maʼ diversi lokalitajiet.