Ibqgħu Mqajmin, Imxu ’l Quddiem b’Kuraġġ!
Rapport Dwar Laqgħat Speċjali
MIN jistaʼ sinċerament jiċħad li qed ngħixu fi “żmien iebes”? Bħala Xhieda taʼ Jehovah, m’aħniex skansati mill-pressjonijiet tal-ħajja f’dan iż-żmien taʼ “l-aħħar tad-dinja.” (2 Timotju 3:1-5) Iżda aħna nirrikonoxxu li n-nies għandhom bżonn l-għajnuna. Huma ma jafux xi jfissru l-ġrajjiet li qed iseħħu fid-dinja. Għandhom bżonn il-faraġ u t-tama. X’inhu l-irwol prinċipali tagħna f’li ngħinu lil għajrna?
Għandna inkarigu mogħti lilna minn Alla biex naqsmu l-aħbar tajba tas-Saltna stabbilità tiegħu. (Mattew 24:14) In-nies għandhom bżonn ikunu jafu li din is-Saltna tas-sema hija l-unika tama għall-bnedmin. Madankollu, il-messaġġ tagħna mhux dejjem jintlaqaʼ tajjeb. F’xi postijiet l-attività tagħna ġiet projbita u ħutna ġew persegwitati. Xorta waħda, ma naqtgħux qalbna. B’fiduċja sħiħa f’Jehovah, ninsabu determinati li nibqgħu mqajmin u mexjin ’il quddiem b’kuraġġ, waqt li niddikjaraw l-aħbar tajba bla waqfien.—Atti 5:42.
Din id-determinazzjoni soda kienet tidher ċara f’laqgħat speċjali li saru f’Ottubru taʼ l-2001. Nhar is-Sibt, 6 t’Ottubru, inżammet il-laqgħa annwali tal-Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania fis-Sala taʼ l-Assembleat tax-Xhieda taʼ Jehovah fil-Belt taʼ Jersey, New Jersey, ġewwa l-Istati Uniti.a Fil-jum taʼ wara, saru iżjed laqgħat f’erbaʼ postijiet, tlieta fl-Istati Uniti u waħda fil-Kanada.b
Fil-kummenti tal-ftuħ għal din il-laqgħa annwali, iċ-chairman, Samuel F. Herd, membru tal-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Jehovah, irrefera għal Salm 92:2, 5 (92:1, 4, NW) u mbagħad qal: “Għandna nuru li aħna grati.” Tabilħaqq, ġew provduti raġunijiet għala għandna nkunu grati f’ħames rapporti minn madwar id-dinja.
Rapporti minn Kull Parti tad-Dinja
Ħuna Alfred Kwakye tana rapport dwar il-progress tax-xogħol taʼ l-ippridkar fil-Gana, li qabel kienet magħrufa bħala l-Gold Coast. Ix-xogħol tagħna f’dan il-pajjiż kien projbit għal ammont taʼ snin. In-nies kienu jistaqsuna: “Għala ġejtu projbiti? X’għamiltu?” Dan kien jipprovdilna opportunitajiet biex nagħtu xiehda, spjega Ħuna Kwakye. Fl-1991, meta tneħħiet il-projbizzjoni, kien hemm 34,421 Xhud taʼ Jehovah fil-Gana. F’Awissu taʼ l-2001, it-total kien taʼ 68,152—żjieda taʼ 98 fil-mija. Bħalissa għaddejjin pjanijiet biex tinbena Sala taʼ l-Assembleat li tesaʼ 10,000 ruħ. Jidher ċar li ħutna spiritwali fil-Gana qed jużaw bl-aħjar mod il-libertà reliġjuża li kisbu.
Minkejja t-taqlib politiku, ħutna fl-Irlanda qed jieħdu sehem fil-ministeru b’mod attiv, u huma rispettati għan-newtralità tagħhom. Fl-Irlanda hemm 115-il kongregazzjoni f’6 circuits, qal il-koordinatur tal-Kumitat tal-Fergħa Peter Andrews. Ħuna Andrews tkellem dwar l-esperjenza taʼ Liam, tifel t’għaxar snin li ma jibżax jagħti xiehda l-iskola. Liam ħalla Il-Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-Bibbja, pubblikat mix-Xhieda taʼ Jehovah, maʼ 25 minn sħabu tal-klassi u maʼ l-għalliema tiegħu. Liam ried jitgħammed, iżda xi ħadd staqsieh jekk ma jaħsibx li għadu żgħir wisq. Liam wieġeb: “Mhux l-età tiegħi imma l-imħabba tiegħi għal Jehovah għandha tkun l-iktar ħaġa li tgħodd. Il-magħmudija tiegħi se turi kemm inħobbu.” Liam għandu l-mira li jsir missjunarju meta jikber.
Fl-1968 kien hemm 5,400 pubblikatur taʼ l-aħbar tajba fil-Venezwela. Imma issa hemm iktar minn 88,000 innota Stefan Johansson, il-koordinatur tal-Kumitat tal-Fergħa. U hemm il-potenzjal għal iktar żjieda peress li iktar minn 296,000 attendew il-Mafkar fis-sena 2001. F’Diċembru taʼ l-1999, xita bil-qliel kaxkret magħha ħafna ġebel u tajn li ġie stmat li qatel 50,000 ruħ, inkluż għadd taʼ Xhieda. Waħda mis-Swali tas-Saltna mtliet bit-tajn sa nofs metru ’l isfel mis-saqaf. Meta xi ħadd issuġġerixxa li l-bini jiġi abbandunat, l-aħwa wiġbuh: “Ma tarax! Din hija s-Sala tas-Saltna tagħna u żgur li mhux se nabbandunawha issa.” Huma bdew jaħdmu, u neħħew minnha tunnellati taʼ tajn, ġebel, u imbarazz ieħor. Is-sala ġiet irranġata, u l-aħwa jgħidu li issa hi isbaħ milli kienet qabel ma seħħ id-diżastru!
Fil-Filippini jitkellmu b’87 lingwa u djalett differenti, qal Ħuna Denton Hopkinson, il-koordinatur tal-Kumitat tal-Fergħa. Matul din l-aħħar sena taʼ servizz, in-New World Translation of the Holy Scriptures kompluta ġiet pubblikata fit-tliet lingwi prinċipali tal-pajjiż—is-Cebuano, l-Ilokon, u t-Tagalog. Ħuna Hopkinson tkellem dwar l-esperjenza taʼ tifel taʼ disaʼ snin li qara l-ktieb Good News—To Make You Happy, pubblikat mix-Xhieda taʼ Jehovah. Hu kiseb iktar pubblikazzjonijiet mill-fergħa, li qrahom ukoll, iżda l-familja tiegħu opponietlu. Snin wara meta kien qed jattendi l-iskola tal-mediċina, ikkuntattja lill-fergħa u talab għal studju tal-Bibbja. Tgħammed fl-1996 u ftit wara daħal fil-ministeru full-time. Issa qed jaqdi fl-uffiċċju tal-fergħa flimkien maʼ martu.
‘Puerto Rico tagħmel ix-xogħol taʼ l-“esportazzjoni tax-Xhieda,”’ spjega l-koordinatur tal-Kumitat tal-Fergħa Ronald Parkin. Hemm xi 25,000 pubblikatur fuq il-gżira, u n-numru baqaʼ l-istess għal snin sħaħ. Għala? Mela, huwa stmat li Puerto Rico “tesporta” lejn l-Istati Uniti xi 1,000 pubblikatur fis-sena, għax ħafna minnhom imorru joqogħdu hemmhekk minħabba raġunijiet ekonomiċi. Ħuna Parkin tkellem dwar deċiżjoni storika li ttieħdet mill-qorti u li tinvolvi lil Luis, Xhud taʼ 17-il sena li kellu l-lewkimja. Minħabba li Luis irrifjuta d-demm, il-każ tiegħu ttieħed il-qorti. L-imħallef riedet tkellmu direttament, u għalhekk żaritu l-isptar. Luis staqsieha: “X’inhi r-raġuni li kieku wettaqt att kriminali serju, kont tiġġudikani bħala adult, iżda għaliex irrid nobdi ’l Alla, tittrattani bħala minorenni?” L-imħallef ikkonvinċiet ruħha li hu kien minorenni matur u kapaċi jiddeċiedi għalih innifsu.
Wara r-rapporti mill-pajjiżi ’l bogħod, Harold Corkern, mill-Kumitat tal-Fergħa taʼ l-Istati Uniti, intervista lil erbaʼ aħwa li ilhom jaqdu lil Jehovah għal żmien twil. Arthur Bonno qattaʼ 51 sena fis-servizz full-time u issa qed jaqdi fil-Kumitat tal-Fergħa fl-Ekwador. Angelo Catanzaro qattaʼ 59 sena fis-servizz full-time, u f’ħafna minnhom qeda bħala indokratur li jivvjaġġa. Richard Abrahamson iggradwa mill-Iskola taʼ Gilgħad fl-1953, u kellu l-privileġġ li jindokra x-xogħol fid-Danimarka għal 26 sena qabel ma reġaʼ lura fil-Betel taʼ Brooklyn. Fl-aħħarnett, kulħadd ħa pjaċir jisma lil Carey W. Barber li għandu 96 sena. Ħuna Barber tgħammed fl-1921, qattaʼ 78 sena fil-ministeru full-time, u ilu jaqdi bħala membru tal-Ġemgħa li Tiggverna mill-1978.
Taħditiet li Jqanqlu
Il-laqgħa annwali kienet tinkludi serje taʼ taħditiet li jġagħluk taħseb. Ħuna Robert W. Wallen tkellem dwar is-suġġett “Poplu għal Ismu.” Aħna l-poplu li nġorru l-isem t’Alla, u ninsabu f’iktar minn 230 pajjiż. Jehovah tana “ġejjieni mimli tama.” (Ġeremija 29:11) Irridu nkomplu nxerrdu l-għarfien dwar is-Saltna t’Alla, billi naqsmu maʼ kulħadd il-messaġġ meraviljuż taʼ faraġ u serħan. (Isaija 61:1) “Jalla jum wara l-ieħor inkomplu ngħixu fi qbil maʼ dak l-isem li bih nissejħu, Xhieda taʼ Jehovah,” ikkonkluda Ħuna Wallen.—Isaija 43:10.
L-aħħar parti tal-programm kienet serje taʼ taħditiet li ngħataw minn tliet membri tal-Ġemgħa li Tiggverna. Kien jisimha “Issa Huwa ż-Żmien li Nibqgħu Mqajmin, Nieqfu Sodi, u Nsiru Setgħanin.”—1 Korintin 16:13.
L-ewwel, Ħuna Stephen Lett tkellem dwar is-suġġett “Ibqgħu Mqajmin f’Din is-Siegħa taʼ l-Aħħar.” L-irqad fiżiku huwa rigal, spjega Ħuna Lett. Jerġaʼ jagħtina s-saħħa. Madankollu, l-irqad spiritwali qatt m’hu tajjeb. (1 Tessalonikin 5:6) Mela, kif nistgħu nibqgħu mqajmin spiritwalment? Ħuna Lett semmaʼ tliet “pilloli” spiritwali: (1) Inħabirku dejjem fil-ħidma tal-Mulej. (1 Korintin 15:58) (2) Inkunu konxji tal-bżonn spiritwali tagħna. (Mattew 5:3, NW) (3) Inwieġbu b’mod pożittiv għall-pariri tal-Bibbja sabiex naġixxu bil-għaqal.—Proverbji 13:20.
Ħuna Theodore Jaracz ta taħdita li tqanqal jisimha “Żommu Sodi taħt Prova.” Filwaqt li rrefera għal Apokalissi 3:10, Ħuna Jaracz staqsa: “X’inhi ‘s-siegħa tat-tiġrib’?” Dan it-tiġrib jiġi “f’jum il-Mulej,” iż-żmien li qed ngħixu fih bħalissa. (Apokalissi 1:10) Il-prova hija marbuta mal-kwistjoni ewlenija—nappoġġaw aħna s-Saltna stabbilità t’Alla jew is-sistema t’affarijiet mill-agħar taʼ Satana? Sakemm tintemm din is-siegħa tat-tiġrib, żgur li se niffaċċjaw provi u diffikultajiet. Se nibqgħu leali lejn Jehovah u l-organizzazzjoni tiegħu? ‘Se jkollna nuru lealtà bħal din b’mod individwali,’ innota Ħuna Jaracz.
Fl-aħħar, Ħuna John E. Barr tkellem dwar it-tema “Sir Setgħani Bħala Bniedem Spiritwali.” Waqt li rrefera għal Luqa 13:23-25, hu nnota li rridu nitħabtu biex ‘nidħlu mill-bieb id-dejjaq.’ Ħafna ma jirnexxilhomx għax ma jħabirkux biżżejjed biex isiru setgħanin. Sabiex insiru Kristjani maturi, irridu nitgħallmu napplikaw il-prinċipji tal-Bibbja f’kull aspett taʼ ħajjitna. Ħuna Barr ħeġġeġ: “Żgur taqblu li issa huwa ż-żmien li (1) inżommu ’l Jehovah l-ewwel u qabel kollox; (2) insiru setgħanin; u (3) nitħabtu biex nagħmlu r-rieda tiegħu. B’dan il-mod se nkunu nistgħu ngħaddu mill-bieb id-dejjaq li jwassal għal ħajja meraviljuża u bla tmiem.”
Hekk kif il-laqgħa annwali waslet fl-aħħar, kien għad hemm mistoqsija li ma ġietx imwieġba: X’se tkun l-iskrittura għas-sena taʼ servizz 2002? Dik il-mistoqsija ġiet imwieġba l-għada.
Laqgħa Oħra
Kulħadd kien qed jistenna bil-ħerqa l-Ħadd fil-għodu hekk kif beda l-programm tal-laqgħa supplimentarja. Din bdiet b’reviżjoni fil-qosor tat-Torri taʼ l-Għassa għal dik il-ġimgħa, segwita minn preżentazzjoni qasira taʼ xi punti prinċipali tal-laqgħa annwali. Imbagħad, kulħadd ħa pjaċir jismaʼ taħdita bbażata fuq l-iskrittura tas-sena 2002: “Ejjew għandi, . . . u jiena nserraħkom.” (Mattew 11:28) It-taħdita kienet ibbażata fuq l-artikli taʼ studju li ħarġu iktar tard fit-Torri taʼ l-Għassa tal-15 taʼ Diċembru, 2001.
Wara dan, xi wħud li f’Awissu taʼ l-2001 kienu delegati tal-konvenzjonijiet speċjali “Għalliema tal-Kelma t’Alla” li saru fi Franza u l-Italja tkellmu dwar dak li laqathom.c Fl-aħħarnett, żewġ taħditiet taʼ interess speċjali fil-programm tal-jum ngħataw minn żewġ kelliema li kienu fuq żjara mill-Betel taʼ Brooklyn.
L-ewwel taħdita kien jisimha “Nafdaw f’Jehovah b’Kuraġġ Matul Dawn iż-Żminijiet Kritiċi.” Il-kelliemi żviluppa l-punti prinċipali li ġejjin: (1) Għall-poplu t’Alla dejjem kien vitali li jafda f’Jehovah b’kuraġġ. Il-Bibbja fiha ħafna eżempji taʼ nies li wrew kuraġġ u fidi meta ffaċċjaw l-oppożizzjoni. (Lhud 11:1—12:3) (2) Jehovah jipprovdilna bażi soda sabiex nafdawh b’għajnejna magħluqa. L-għemil u l-Kelma tiegħu huma garanzija li hu jieħu ħsieb il-qaddejja tiegħu u qatt m’hu se jinsiehom. (Lhud 6:10) (3) Il-kuraġġ u l-fiduċja huma speċjalment bżonnjużi llum. Kif bassar Ġesù, aħna ‘mibgħudin.’ (Mattew 24:9) Sabiex nissaportu għandna bżonn nistrieħu fuq il-Kelma t’Alla, ikollna fiduċja li l-ispirtu tiegħu qiegħed magħna, u nuru kuraġġ biex inkomplu niddikjaraw l-aħbar tajba. (4) L-eżempji juruna li anki bħalissa qed niffaċċjaw l-oppożizzjoni. Kulħadd tqanqal profondament meta l-kelliemi beda jirrakkonta minn xiex għaddew ħutna fl-Armenja, fi Franza, fil-Georgia, fil-Kazakstan, fir-Russja, u fit-Turkmenistan. Verament, issa huwa ż-żmien li nuru kuraġġ u fiduċja f’Jehovah!
L-aħħar kelliemi żvolġa t-tema “Nimxu ’l Quddiem Magħqudin maʼ l-Organizzazzjoni taʼ Jehovah.” It-taħdita ħarġet għadd taʼ punti li huma f’waqthom. (1) Il-progress kontinwu tal-poplu taʼ Jehovah qed ikun osservat minn ħafna. Ix-xogħol taʼ l-ippridkar u l-konvenzjonijiet tagħna jiġbdu l-attenzjoni tal-pubbliku fuqna. (2) Jehovah waqqaf organizzazzjoni li hi magħquda. Fis-sena 29 E.K., Ġesù ġie midluk bl-ispirtu qaddis bl-iskop li jġib “kollox”—kemm lil dawk li għandhom il-prospett għas-sema kif ukoll lil dawk bit-tama għall-ħajja fuq l-art—fil-familja magħquda t’Alla. (Efesin 1:8-10) (3) Il-konvenzjonijiet huma turija li tispikka taʼ għaqda internazzjonali. Dan kien jidher ċar fil-konvenzjonijiet speċjali li saru fi Franza u l-Italja f’Awissu li għadda. (4) Riżoluzzjoni inkuraġġanti ntlaqgħet fi Franza u l-Italja. Il-kelliemi kkwota xi siltiet minn din ir-riżoluzzjoni li tqanqlek. Il-kliem kollu tar-riżoluzzjoni jidher hawn taħt.
Fil-konklużjoni taʼ l-aħħar taħdita, il-kelliemi mistieden qara avviż li jmiss il-qalb imħejji mill-Ġemgħa li Tiggverna. Parti minnu kien jgħid: “Issa huwa ż-żmien biex nibqgħu mqajmin u għassa, filwaqt li nagħrfu kif qed jiżviluppaw il-ġrajjiet fix-xena dinjija. . . . Nixtiequ ngħaddulkom l-istima u l-imħabba li l-Ġemgħa li Tiggverna għandha lejkom u lejn il-kumplament tal-poplu t’Alla. Jalla jkompli jberikkom bil-kbir filwaqt li tagħmlu r-rieda tiegħu b’qalbkom kollha.” Il-poplu taʼ Jehovah maʼ kullimkien jinsab determinat li jibqaʼ mqajjem f’dawn iż-żminijiet ebsin u jibqaʼ miexi ’l quddiem b’kuraġġ maʼ l-organizzazzjoni magħquda taʼ Jehovah.
[Noti taʼ taħt]
a Il-programm tal-laqgħa annwali kien imqabbad b’mod dirett m’għadd taʼ postijiet, u b’hekk l-attendenza totali laħqet it-13,757.
b Il-laqgħat l-oħrajn saru f’Long Beach, Kalifornja; Pontiac, Michigan; Uniondale, New York; u Hamilton, Ontario. L-attendenza tagħhom kollha f’daqqa, inkluż dawk li kienu mqabbdin b’mod dirett, kienet taʼ 117,885.
c Kien hemm tliet konvenzjonijiet speċjali fi Franza—f’Pariġi, Bordeaux, u Lyons. Fl-Italja, id-delegati mill-Istati Uniti attendew il-konvenzjonijiet f’Ruma u f’Milan, għalkemm b’kollox f’dan il-pajjiż kien hemm disaʼ konvenzjonijiet li saru fl-istess żmien.
[Kaxxa/Stampi f’paġna 29-31]
Riżoluzzjoni
F’Awissu taʼ l-2001 inżammu konvenzjonijiet speċjali “Għalliema tal-Kelma t’Alla” fi Franza u l-Italja. F’dawn il-konvenzjonijiet, ġiet preżentata riżoluzzjoni inkuraġġanti. Fil-paragrafi li ġejjin hawn imniżżel il-kliem taʼ din ir-riżoluzzjoni.
“BĦALA XHIEDA TAʼ JEHOVAH, ilkoll kemm aħna miġburin flimkien f’din il-konvenzjoni ‘Għalliema tal-Kelma t’Alla’ ngħatajna tagħlim li hu ferm taʼ benefiċċju. Is-sors taʼ dan it-tagħlim ġie identifikat biċ-ċar. It-tagħlim mhux ġej mill-bniedem, iżda ġej mill-Wieħed deskritt mill-profeta Isaija bħala ‘l-Istruttur Grandjuż’ tagħna. (Isaija 30:20, NW) Innota t-tfakkira taʼ Jehovah li nsibu f’Isaija 48:17: ‘Jien hu l-Mulej, Alla tiegħek; jien ngħallmek għall-ġid tiegħek, u nqabbdek it-triq fejn għandek timxi.’ Kif iwettqu dan? Il-mod ewlieni hu permezz tal-Bibbja, l-iktar ktieb li ġie tradott u mifrux fid-dinja, li tgħidilna mingħajr tlaqliq: ‘L-Iskrittura kollha hija mnebbħa minn Alla u taʼ benefiċċju.’—2 Timotju 3:16, NW.
“Illum, l-umanità għandha bżonn urġenti taʼ dan it-tagħlim li hu tant taʼ benefiċċju. Għala nistgħu ngħidu hekk? X’jirrikonoxxu n-nies li għandhom id-dehen meta jaħsbu dwar ix-xena taʼ din id-dinja mħawda u li dejjem tinbidel? Sempliċement dan: Għalkemm miljuni ġew mgħallma permezz tas-sistemi t’edukazzjoni tad-dinja, hawn nuqqas kbir taʼ valuri tajbin u n-nies ma jafux jagħżlu bejn it-tajjeb u l-ħażin. (Isaija 5:20, 21) Hawn ħafna nies li ma jafu xejn dwar il-Bibbja. Filwaqt li t-teknoloġija tipprovdi aċċess għal informazzjoni bix-xabaʼ permezz tal-kompjuters, fejn huma t-tweġibiet għall-mistoqsijiet vitali bħal, X’inhu l-iskop tal-ħajja? Kif nistgħu nifhmu l-ġrajjiet li qed iseħħu fi żmienna? Hemm tama ċerta għall-futur? Il-paċi u s-sigurtà qatt se jsiru realtà? Minbarra dan, fuq l-ixkafef tal-libreriji ssib miljuni taʼ paġni b’xogħlijiet taʼ referenza li jitkellmu prattikament fuq kull suġġett. Xorta waħda, il-bniedem jerġaʼ jirrepeti l-istess żbalji tal-passat. Il-kriminalità qed tiżdied bl-addoċċ. Ċertu mard li kien maħsub li tneħħa għalkollox reġaʼ feġġ, filwaqt li mard ieħor, bħall-AIDS, qed jinfirex b’mod allarmanti. Il-ħajja tal-familja qed tispiċċa fix-xejn b’ħeffa tal-biżaʼ. It-tinġis qed iħassar l-ambjent. It-terroriżmu u l-armamenti li jeqirdu popolazzjonijiet sħaħ qed jheddu l-paċi u s-sigurtà. Problemi li m’hawnx soluzzjoni għalihom qed ikomplu jiżdiedu. X’inhu l-irwol xieraq tagħna f’li ngħinu lil għajrna f’dawn iż-żminijiet kritiċi? Hemm xi tagħlim li jispjega x’qed jikkaġuna l-inkwiet tal-bniedem u mhux biss juri kif tgħix ħajja aħjar issa iżda joffri tama sabiħa u ċerta għall-futur?
“L-inkarigu Skritturali tagħna hu li ‘mmorru nagħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, ngħallmuhom iħarsu dak kollu li Kristu ordnalna.’ (Mattew 28:19, 20) Dan l-inkarigu ġie mogħti minn Ġesù Kristu nnifsu wara li miet u ġie rxoxtat, meta ngħata l-awtorità kollha fis-sema u fl-art. Hija ferm superjuri mill-attivitajiet kollha li jinkuraġġixxi l-bniedem. Mill-ħarsa t’Alla, l-inkarigu tagħna, li jiffoka fuq il-bżonnijiet spiritwali taʼ dawk li huma bil-ġuħ għat-tjieba, hu l-iktar wieħed importanti u għandu jingħata l-prijorità. Għandna bażi Skritturali soda biex nieħdu dan l-inkarigu bis-serjetà.
“Għalhekk huwa meħtieġ li nżommu din l-attività l-ewwel f’ħajjitna. Bl-għajnuna u l-barka t’Alla, ix-xogħol se jsir. Dan minkejja l-ħafna distrazzjonijiet, ostakli, u oppożizzjoni mingħand gruppi reliġjużi u politiċi, li huma kollha mfasslin biex jipprovaw iwaqqfu l-progress taʼ dan il-programm globali taʼ tagħlim. Ninsabu kunfidenti u fiduċjużi li dan ix-xogħol se jkompli jirnexxi u se jitwettaq kompletament. Għala nistgħu nkunu daqshekk ċerti? Għaliex il-Mulej Ġesù Kristu wiegħed li se jkun magħna fil-ministeru mogħti lilna minn Alla sat-tmiem taʼ din is-sistema t’affarijiet.
“L-umanità mnikkta waslet fi tmiemha. L-inkarigu li għandna f’idejna jrid jitwettaq qabel jasal it-tmiem. Għalhekk, aħna bħala Xhieda taʼ Jehovah, ninsabu riżoluti li:
“L-ewwel: Bħala ministri dedikati, aħna determinati li nżommu l-interessi tas-Saltna l-ewwel f’ħajjitna u li nkomplu nikbru spiritwalment. Biex nagħmlu dan, it-talb tagħna jinsab fi qbil mal-kliem taʼ Salm 143:10: ‘Għallimni nagħmel ir-rieda tiegħek, għax int Alla tiegħi.’ Dan jirrikjedi li nkunu studenti ħabrieka, li nistinkaw biex naqraw il-Bibbja kuljum, u li nagħmlu studju u riċerka persunali. Sabiex nuru lil kulħadd li aħna mexjin ’il quddiem, se nagħmlu kull sforz raġunevoli biex nippreparaw u nibbenefikaw bis-sħiħ mill-edukazzjoni teokratika provduta fil-laqgħat tal-kongregazzjoni, fl-assembleat tas-circuit, u fil-konvenzjonijiet distrettwali, nazzjonali, u internazzjonali.—1 Timotju 4:15; Lhud 10:23-25.
“It-tieni: Sabiex niġu mgħallmin minn Alla, se nieklu biss mill-mejda tiegħu u noqogħdu attenti li nobdu t-twissija tal-Bibbja dwar it-tagħlim qarrieq tad-demonji. (1 Korintin 10:21; 1 Timotju 4:1) Se nieħdu prekawzjoni speċjali biex nevitaw kulma hu taʼ ħsara, inkluż il-gideb reliġjuż, l-argumenti vojta, il-perverżjonijiet sesswali taʼ mistħija, il-pjaga tal-pornografija, id-divertiment mhux dinjituż, u dak kollu li m’huwiex fi qbil mat-tagħlim li jibni. (Rumani 1:26, 27; 1 Korintin 3:20; 1 Timotju 6:3; 2 Timotju 1:13) B’apprezzament lejn l-għotjiet fi rġiel, li huma kwalifikati biex jgħallmu dak li jibni, se nuru rispett ġenwin lejn l-isforzi tagħhom u se nikkooperaw magħhom b’qalbna kollha biex inżommu l-indafa u t-tjieba f’dawk li huma livelli morali u spiritwali tal-Kelma t’Alla.—Efesin 4:7, 8, 11, 12; 1 Tessalonikin 5;12, 13; Titu 1:9.
“It-tielet: Bħala ġenituri Kristjani, se nagħmlu sforz b’qalbna kollha sabiex ngħallmu ’l uliedna mhux biss bil-kliem iżda wkoll bl-eżempju. It-tħassib ewlieni tagħna hu li ngħinuhom miċ-ċokon biex jitgħallmu ‘l-Kotba Mqaddsa’ ħalli jkollhom ‘l-għerf li jwassal għas-salvazzjoni.’ (2 Timotju 3:15) Se nżommu sew f’moħħna li jekk irrabbuhom fid-dixxiplina u t-twiddib taʼ Jehovah inkunu qed nagħtuhom l-aqwa opportunità biex jesperjenzaw il-wegħda divina li ‘jaħbtilhom tajjeb u jdumu żmien twil fuq l-art.’—Efesin 6:1-4, NW.
“Ir-rabaʼ: Meta niffaċċjaw ansjetajiet jew problemi serji, l-ewwel u qabel kollox, se ‘nuru ’l Alla xi jkollna bżonn,’ billi għandna ċ-ċertezza li ‘s-sliem taʼ Alla, sliem li jgħaddi kull ma l-moħħ jistaʼ jifhem,’ se jħarisna. (Filippin 4:6, 7) Peress li ġejna taħt il-madmad taʼ Kristu, se nsibu s-serħan. Għax nafu li Alla jieħu ħsiebna, mhux se noqogħdu lura milli nitfgħu l-ansjetajiet tagħna fuqu.—Mattew 11:28-30; 1 Pietru 5:6, 7.
Il-ħames: Biex nesprimu l-gratitudni tagħna lejn Jehovah għall-privileġġ li nkunu għalliema tal-Kelma tiegħu, se nġeddu l-isforzi tagħna biex ‘inxandru bir-reqqa l-kelma tal-verità’ u ‘naqdu sew il-ministeru tagħna.’ (2 Timotju 2:15; 4:5) Peress li aħna konxji ħafna taʼ dak li hu involut, nixtiequ minn qalbna nfittxu nies li jixirqilhom u nikkultivaw iż-żerriegħa li niżirgħu. Barra minn hekk, se ntejbu t-tagħlim tagħna billi nikkonduċu b’mod effettiv iktar studji tal-Bibbja fid-djar. Dan se jġibna iktar fi qbil mar-rieda t’Alla ‘li jrid li l-bnedmin kollha jsalvaw u jaslu biex jagħrfu l-verità.’—1 Timotju 2:3, 4.
“Is-sitta: Matul is-seklu li għadda u f’dan is-seklu, ix-Xhieda taʼ Jehovah f’ħafna pajjiżi għaddew minn diversi għamliet t’oppożizzjoni u persekuzzjoni. Iżda Jehovah dejjem wera li hu magħna. (Rumani 8:31) Il-Kelma tiegħu li ma tonqosx tiżgurana li l-‘ebda arma magħmula kontrina’ biex tfixkel, tnaqqas, jew twaqqaf l-ippridkar tagħna tas-Saltna u x-xogħol tat-tagħlim m’hi se tirnexxi. (Isaija 54:17) Fi staġun favorevoli jew taʼ inkwiet, ma nistgħux nieqfu nitkellmu l-verità. Aħna determinati li nwettqu l-inkarigu taʼ ppridkar u taʼ tagħlim li għandna b’urġenza. (2 Timotju 4:1, 2) Il-mira tagħna hi li nxerrdu l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla bl-iktar mod sħiħ possibbli u man-nies tal-ġnus kollha. B’hekk, dawn se jibqaʼ jkollhom l-opportunità jitgħallmu dwar il-provvediment li jiksbu ħajja taʼ dejjem f’dinja ġdida taʼ tjieba. Bħala folla magħquda taʼ għalliema tal-Kelma t’Alla, id-determinazzjoni tagħna hi li nkomplu nsegwu l-eżempju taʼ l-Għalliem il-Prim, Ġesù Kristu, u nirriflettu l-kwalitajiet qaddisa tiegħu. Dan kollu se nagħmluh biex nonoraw u nfaħħru lill-Istruttur Grandjuż u d-Donatur tal-Ħajja, Alla Jehovah.
“Dawk kollha li qed jattendu din il-konvenzjoni u li jridu jadottaw din ir-riżoluzzjoni, jekk jogħġobhom jgħidu IVA!”
Meta l-mistoqsija taʼ l-għeluq tar-riżoluzzjoni saret lill-160,000 miġburin fit-tliet konvenzjonijiet ġo Franza u lill-289,000 fid-disaʼ postijiet ġo l-Italja, kulħadd għajjat “Iva” b’leħen għoli bil-ħafna lingwi rappreżentati mid-delegati.