Proklamaturi tas-Saltna Jirrapportaw
Reazzjoni Favorevoli għall-Aħbar Tajba fil-Latvja
IL-BIBBJA turi biċ-ċar li Alla jrid li “l-bnedmin kollha [“kull xorta taʼ bnedmin,” NW] jsalvaw u jaslu biex jagħrfu l-verità.” (1 Timotju 2:4) Nies li għal ħafna snin ma setgħux jisimgħu l-aħbar tajba issa qegħdin jisimgħuha! Fil-Latvja, bħal f’postijiet oħrajn fid-dinja, nies taʼ kull età li ġejjin minn ambjenti differenti qegħdin iwieġbu b’mod favorevoli għall-messaġġ, bħalma juru l-esperjenzi li ġejjin.
• Ġewwa l-belt taʼ Rēzekne, li tinsab fil-lvant tal-Latvja, waħda mara u bintha żagħżugħa talbu xi informazzjoni lil mara oħra li kienet għaddejja fit-triq. Wara li tathom l-informazzjoni li kellhom bżonn, il-mara, li nzertat kienet waħda mix-Xhieda taʼ Jehovah, stidnithom jattendu l-laqgħat tax-Xhieda.
Peress li kemm il-mara u kemm bintha kienu nies reliġjużi, iddeċidew li jmorru l-laqgħa. Huma u sejrin, ftehmu li jekk ikun hemm xi ħaġa ħażina joħorġu ’l barra mill-ewwel. Madankollu, il-laqgħa tant kienet interessanti li lanqas biss għaddielhom minn rashom li jitilqu. Huma aċċettaw li jistudjaw il-Bibbja, u bdew jattendu l-laqgħat regolarment. F’temp taʼ tliet xhur, huma kienu diġà wrew ix-xewqa li jibdew jieħdu sehem fix-xogħol taʼ l-ippridkar u kienu qed iħarsu ’l quddiem lejn il-magħmudija.
• Ġewwa belt fil-punent tal-Latvja, wieħed Xhud iltaqaʼ maʼ mara taʼ 85 sena jisimha Anna, li wriet interess ġenwin u aċċettat studju tal-Bibbja. It-tifla tagħha u membri oħrajn tal-familja bdew jagħmlulha ħafna oppożizzjoni. Imma Anna ma ħallietx dan l-aġir jew l-età avanzata u s-saħħa dgħajfa tagħha jwaqqfuha milli tkompli tistudja l-Bibbja.
Jum wieħed, Anna qalet lil bintha li kienet se titgħammed. “Jekk titgħammed, naqflek f’dar tax-xjuħ,” wieġbet it-tifla t’Anna. Imma din it-theddida ma qatgħetilhiex qalbha lil Anna. Minħabba l-kundizzjoni taʼ saħħitha, hi tgħammdet fid-dar tagħha stess.
It-tifla t’Anna kif irreaġixxiet għal dan? Hi biddlet l-attitudni tagħha, u ppreparat ikla speċjali għal ommha wara li tgħammdet. Imbagħad staqsiet lil ommha, “Kif tħossok issa li tgħammidt?” X’wieġbet Anna? “Inħossni qisni twelidt mill-ġdid!”
• F’Diċembru taʼ l-1998, żewġ Xhieda ltaqgħu maʼ uffiċjal irtirat li qabel kien jaqdi fl-armata taʼ dik li kienet l-Unjoni Sovjetika. Billi kien jemmen li jeżisti Ħallieq, hu aċċetta studju tal-Bibbja, u martu bdiet tistudja ftit iktar tard. F’qasir żmien, huma għamlu ħafna progress u malajr saru pubblikaturi mhux mgħammdin. Sas-sajf taʼ wara, dan ir-raġel kien tgħammed. L-imħabba kbira li kellhom din il-koppja għall-affarijiet spiritwali kienet u għadha sservi taʼ inkuraġġiment għall-kongregazzjoni kollha. Barra minn hekk, huma taw sehemhom fix-xogħol biex dar fil-lokal fejn joqogħdu tiġi mibdula f’Sala tas-Saltna mill-isbaħ.