Qiegħed Int Tgħix fi Qbil mad-Dedikazzjoni Tiegħek?
“Kull ma tagħmlu, agħmluh minn qalbkom bħallikieku lill-Mulej u mhux lill-bnedmin.”—KOLOSSIN 3:23.
1. X’tifsira ġġorr il-kelma “dedikazzjoni” f’sens sekulari?
L-ATLETI kif jilħqu l-aqwa forma tagħhom? Fit-tennis, fil-futbol, fil-basketball, fil-baseball, fit-tlielaq, fil-golf, jew fi kwalunkwe sport ieħor, l-aqwa wieħed jilħaq il-quċċata biss jekk ikun dedikat għalkollox. L-ewwel u qabel kollox huwa essenzjali li jikkundizzjonaw lil ġisimhom u lil moħħhom. Dan jaqbel ħafna maʼ waħda mit-tifsiriet tal-kelma “dedikat” li hi “jintrabat totalment biex iwettaq xi ħsieb jew azzjoni partikulari.”
2. Xi tfisser il-kelma “dedikazzjoni” fil-Bibbja? Agħti eżempju.
2 Madankollu, xi tfisser il-kelma “dedikazzjoni” fis-sens Bibliku? Il-kelma “tiddedika” tittraduċi l-verb Ebrajk li jfisser “iżżomm separat; tinfired; twarrab.”a F’Iżrael tal-qedem, il-Qassis il-Kbir Aron kien jilbes fuq it-turbant tiegħu “s-sinjal qaddis tad-dedikazzjoni,” li kien pjanċa tleqq taʼ deheb pur bil-kliem Ebrajk imnaqqax fuqha li jfisser “Il-Qdusija tappartjeni lil Jehovah.” Dan serva biex ifakkar lill-qassis il-kbir li hu kellu jevita li jagħmel xi ħaġa li kienet tipprofana s-santwarju “għaliex is-sinjal taʼ dedikazzjoni, iż-żejt tad-dlik t’Alla tiegħu, [kien] fuqu.”—Eżodu 29:6; 39:30, NW; Levitiku 21:12, NW.
3. Id-dedikazzjoni kif teffettwa l-kondotta tagħna?
3 F’dan il-kuntest nistgħu naraw li d-dedikazzjoni hija xi ħaġa serja. Turi li wieħed jagħżel minn jeddu li jidentifika ruħu bħala li hu qaddej t’Alla, u dan ikun jeħtieġ kondotta nadifa minnu. Għalhekk, nistgħu napprezzaw għala l-appostlu Pietru kkwota dak li qal Jehovah: “Kunu qaddisin, għax qaddis jien.” (1 Pietru 1:15, 16) Bħala Kristjani dedikati aħna nġorru responsabbiltà kbira biex ngħixu fi qbil mad-dedikazzjoni tagħna, billi nuru l-fedeltà sat-tmiem. Imma x’hemm involut fid-dedikazzjoni Kristjana?—Levitiku 19:2; Mattew 24:13.
4. Kif naslu biex nagħmlu l-pass tad-dedikazzjoni, u dan maʼ liema ħaġa jistaʼ jiġi mxebbah?
4 Wara li ksibna għarfien eżatt dwar Alla Jehovah u l-iskopijiet tiegħu, kif ukoll dwar Ġesù Kristu u l-irwol tiegħu f’dawn l-iskopijiet, aħna għamilna deċiżjoni persunali li naqdu lil Alla b’qalbna kollha, b’moħħna kollu, u bil-qawwa tagħna kollha. (Mark 8:34; 12:30; Ġwann 17:3) Dan jistaʼ jitqies saħansitra bħala wegħda persunali, dedikazzjoni bla riżerva lil Alla. Id-dedikazzjoni tagħna ma kinitx minħabba xi kapriċċ emozzjonali. Aħna ħsibna fuqha bir-reqqa u bit-talb, billi wżajna l-qawwa tar-raġuni. B’hekk, ma kinitx xi deċiżjoni temporanja. Ma nistgħux inkunu bħal dak li jibda jaħrat għalqa u wara ftit iħalliha nofs leħja għax iħoss li x-xogħol huwa iebes wisq jew għax il-ħsad jidher li għad baqagħlu ħafna jew li forsi jistaʼ ma jirnexxix. Ikkunsidra xi eżempji taʼ wħud li ‘qegħdu idejhom fuq il-moħriet’ taʼ responsabbiltà teokratika u baqgħu sejrin, sew fil-bnazzi u sew fil-maltemp.—Luqa 9:62; Rumani 12:1, 2.
Ma Ċaħdux id-Dedikazzjoni Tagħhom
5. Ġeremija kif kien eżempju li jispikka taʼ qaddej dedikat t’Alla?
5 Il-ministeru profetiku taʼ Ġeremija kien mifrux fuq iktar minn 40 sena (647-607 Q.E.K.). Dan ma kienx xi inkarigu ħafif. Hu kien konxju ħafna tal-limitazzjonijiet tiegħu. (Ġeremija 1:2-6) Kellu bżonn il-kuraġġ u s-sabar biex kuljum jiffaċċja lill-poplu stinat taʼ Ġuda. (Ġeremija 18:18; 38:4-6) Madankollu, Ġeremija fada f’Alla Jehovah, li saħħu sabiex setaʼ juri li kien qaddej verament dedikat t’Alla.—Ġeremija 1:18, 19.
6. L-appostlu Ġwanni liema eżempju ħallielna?
6 Xi ngħidu dwar l-appostlu leali Ġwanni, li fi xjuħitu kien eżiljat lejn il-gżira inospitabbli taʼ Patmos talli tkellem dwar Alla u ta xiehda dwar Ġesù? (Apokalissi 1:9) Issaporta u baqaʼ jgħix fi qbil mar-responsabbiltà tiegħu bħala Kristjan dedikat għal madwar 60 sena. Kien għadu ħaj wara li l-armati Rumani kienu qerdu lil Ġerusalemm. Kellu l-privileġġ li jikteb wieħed mill-evanġelji, tliet ittri ispirati, u l-ktieb taʼ l-Apokalissi, li fih kellu dehra bil-quddiem tal-gwerra t’Armageddon. Qataʼ qalbu hu meta sar jaf li Armageddon ma kinitx se tiġi fi żmienu? Beda jieħu kollox bil-lajma u waqaʼ fl-apatija? Le, Ġwanni baqaʼ leali sal-mewt, billi kien jaf li, għalkemm ‘iż-żmien maħtur kien qorob,’ it-twettiq tad-dehriet tiegħu kienu iktar fil-futur.—Apokalissi 1:3; Danjel 12:4.
Eżempji taʼ Dedikazzjoni fi Żmienna
7. Wieħed ħu kif kien eżempju mill-aqwa taʼ dedikazzjoni Kristjana?
7 Fi żmienna, eluf taʼ Kristjani leali żammew sod b’mod żeluż mad-dedikazzjoni tagħhom minkejja li ma baqgħux ħajjin biex jaraw Armageddon. Wieħed minn dawn kien Ernest E. Beavor mill-Ingilterra li sar Xhud taʼ Jehovah fl-1939, fil-bidu tat-Tieni Gwerra Dinjija. Għalkemm kien sejjer tajjeb ħafna fin-negozju tiegħu tal-fotografija għall-istamperiji, hu neħħa kollox biex ikun jistaʼ jaqdi fil-ministeru full-time. Talli żamm in-newtralità Kristjana weħel sentejn ħabs. Hu kellu l-appoġġ tal-familja tiegħu, u fl-1950, it-tliet uliedu attendew l-Iskola taʼ Gilgħad (Watchtower Bible School of Gilead), fi New York. Ħuna Beavor tant kien żeluż fl-attività tiegħu taʼ l-ippridkar li ħbiebu kienu jsejħulu Armageddon Ernie. Hu wettaq lealment id-dedikazzjoni tiegħu, u kompla jiddikjara kemm kienet qrib il-gwerra t’Alla t’Armageddon sa ma miet fl-1986. Id-dedikazzjoni tiegħu ma kienx iqisha bħallikieku xi kuntratt li kien għamel m’Alla u li kellu jiskadi wara ċertu snin!b—1 Korintin 15:58.
8, 9. (a) Liema eżempju tawna l-irġiel żgħażagħ ġewwa Spanja fi żmien ir-reġim taʼ Franco? (b) Liema mistoqsijiet huma xierqa?
8 Eżempju ieħor taʼ wħud li ż-żelu tagħhom qatt ma naqas ġej minn Spanja. Matul ir-reġim taʼ Franco (1939-75), mijiet taʼ Xhieda żgħażagħ dedikati ħadu l-waqfa tagħhom bħala Kristjani newtrali. Bosta minnhom qattgħu għaxar snin jew iktar f’ħabsijiet militari. Wieħed minnhom kien Jesús Martín, li s-sentenzi li weħel kollha flimkien ammontaw għal 22 sena ħabs. Ġie msawwat bl-aħrax waqt li kien f’ħabs militari ġewwa l-Afrika taʼ Fuq. Xejn minn dan ma kien faċli, imma hu rrifjuta li jagħmel kompromess.
9 Fil-biċċa l-kbira tal-każi, dawn iż-żgħażagħ ma kellhom ebda idea meta jew jekk kinux se jinħelsu minħabba l-fatt li kienu jeħlu sentenza waħda wara l-oħra. Madankollu, huma żammew l-integrità u ż-żelu għall-ministeru saħansitra waqt li kienu maqfulin. Fl-1973, is-sitwazzjoni sa fl-aħħar bdiet titjib, u ħafna minn dawn ix-Xhieda li dakinhar kellhom 30 sena jew iktar bdew jinħelsu mill-ħabs. Malli nħelsu bdew mill-ewwel fil-ministeru full-time, u xi wħud minnhom saru pijunieri speċjali u indokraturi li jivvjaġġaw. Fil-ħabs huma għexu fi qbil mad-dedikazzjoni tagħhom, u ħafna minnhom komplew jagħmlu hekk wara li nħelsu mill-ħabs.c Xi ngħidu għalina llum? Qegħdin aħna nwettqu fedelment id-dedikazzjoni tagħna bħal dawn l-uħud leali?—Lhud 10:32-34; 13:3.
Inqisu Kif Jixraq id-Dedikazzjoni Tagħna
10. (a) Kif għandna nqisu d-dedikazzjoni tagħna? (b) Jehovah kif iqis is-servizz tagħna lejh?
10 Kif inqisuha d-dedikazzjoni tagħna lil Alla biex nagħmlu r-rieda tiegħu? Tiġi din l-ewwel f’ħajjitna? Huma x’inhuma ċ-ċirkustanzi tagħna, sew jekk żgħażagħ jew xjuħ, miżżewġin jew le, f’saħħitna jew morda, aħna għandna nistinkaw biex ngħixu fi qbil mad-dedikazzjoni tagħna skond iċ-ċirkustanzi li jkollna. Jistaʼ jkun hemm min li ċ-ċirkustanzi tiegħu jippermettulu li jaqdi fil-ministeru full-time forsi bħala pijunier, jew volontier f’xi uffiċċju tal-fergħa tal-Watch Tower Society, jew missjunarju jew indokratur li jivvjaġġa. Xi ġenituri, mill-banda l-oħra, jistgħu jkunu okkupati ferm f’li jieħdu ħsieb il-bżonnijiet fiżiċi u spiritwali tal-familja. Is-sigħat li jagħmlu fil-ministeru kull xahar għandu mnejn jidhru ftit ħdejn taʼ dawk li jaqdu full-time. Imma dawn jiswew inqas f’għajnejn Jehovah? Le. Alla qatt ma jistenna minna li nagħtuh dak li m’għandniex. L-appostlu Pawlu stqarr dan il-prinċipju: “Jekk il-qalb tkun hemm, dak li jkun jingħoġob skond ma għandu, u mhux skond li ma għandux.”—2 Korintin 8:12.
11. Is-salvazzjoni tagħna fuqiex tiddependi?
11 Ikun x’ikun il-każ, is-salvazzjoni ma tiddependix minn xi ħaġa li nistgħu nagħmlu aħna, imma mill-qalb tajba mhix mistħoqqa taʼ Jehovah permezz taʼ Ġesù Kristu, il-Mulej tagħna. “Il-bnedmin kollha dinbu u ċċaħħdu mill-glorja taʼ Alla; għalhekk issa huma jkunu ġġustifikati [“bil-qalb tajba mhix mistħoqqa,” NW] tiegħu . . . permezz tal-fidwa li hemm fi Kristu Ġesù.” Madankollu, l-għemejjel tagħna huma prova tal-fidi attiva tagħna fil-wegħdi t’Alla.—Rumani 3:23, 24; Ġakbu 2:17, 18, 24.
12. Għala m’għandniex noqogħdu nagħmlu paraguni?
12 M’hemmx għalfejn noqogħdu nqabblu m’oħrajn kemm għamilna ħin fis-servizz t’Alla, jew kemm ħallejna letteratura Biblika, jew kemm għandna studji tal-Bibbja. (Galatin 6:3, 4) Nagħmlu kemm nagħmlu fil-ministeru Kristjan irridu lkoll niftakru l-kliem taʼ Ġesù li jġagħalna numiljaw ruħna: “Hekk ukoll intom, meta tagħmlu kull ma tkunu ordnati, għidu, ‘Aħna qaddejja li ma niswew għal xejn: għamilna biss dak li kellna nagħmlu.’” (Luqa 17:10) Kemm-il darba nistgħu verament ngħidu li għamilna ‘kull ma konna ordnati’? Għalhekk il-mistoqsija hi, X’għandha tkun il-kwalità tas-servizz li nagħtu lil Alla?—2 Korintin 10:17, 18.
Kull Ġurnata Rridu Nużawha Tajjeb
13. Liema attitudni għandna bżonn biex inwettqu d-dedikazzjoni tagħna?
13 Wara li ta parir lin-nisa u lill-irġiel miżżewġin, lit-tfal, lill-ġenituri, u lill-ilsiera, Pawlu kiteb: “Kull ma tagħmlu, agħmluh minn qalbkom bħallikieku lill-Mulej u mhux lill-bnedmin; għax tafu li għad tieħdu l-ħlas li ħejja b’wirt għalikom il-Mulej. Aqdu lil Kristu Sidna.” (Kolossin 3:23, 24) M’aħniex naqdu biex nimpressjonaw lill-bnedmin b’dak li nwettqu fis-servizz taʼ Jehovah. Imma qed nipprovaw naqdu lil Alla billi nsegwu l-eżempju taʼ Ġesù Kristu. Hu wettaq il-ministeru tiegħu, li kien relattivament qasir, b’sens t’urġenza.—1 Pietru 2:21.
14. Liema twissija jagħti Pietru dwar l-aħħar jiem?
14 L-appostlu Pietru wkoll wera sens t’urġenza. Fit-tieni ittra tiegħu, hu wissa li fl-aħħar jiem se jkun hemm dawk li jwaqqgħu għaż-żuffjett, li jinkludu l-apostati u lil dawk li ma jemmnux, u dawn jibdew jaġixxu skond ix-xewqat tagħhom stess u kienu se jqajmu d-dubji dwar il-preżenza taʼ Kristu. Madankollu, Pietru qal: “Mhux għax jiddawwar il-Mulej li jtemm il-wegħdiet tiegħu, kif jaħsbu xi wħud, imma qiegħed jistabar bikom għax ma jridx li xi ħadd jintilef, imma li kulħadd jersaq għall-indiema. Jasal, tabilħaqq, jum il-Mulej bħal ħalliel.” Iva, il-jum taʼ Jehovah se jasal żgur. Għalhekk, irridu naraw kuljum kemm hija verament ċerta u soda l-fidi tagħna fil-wegħdi t’Alla.—2 Pietru 3:3, 4, 9, 10.
15. Kif għandna nqisuha kull ġurnata taʼ ħajjitna?
15 Biex inkunu nistgħu ngħixu fi qbil mad-dedikazzjoni tagħna b’mod kuxjenzjuż għandna nużaw kull ġurnata biex nagħtu tifħir lil Jehovah. Fit-tmiem taʼ kull ġurnata, nistgħu aħna nagħtu ħarsa lura u naraw jekk tajniex sehemna b’xi mod f’li nqaddsu l-isem t’Alla u nxandru l-aħbar tajba tas-Saltna? Forsi għamilna dan bil-kondotta nadifa tagħna, bil-konversazzjoni li tinkuraġġixxi tagħna, jew billi wrejna tħassib b’imħabba għall-familja jew għall-ħbieb. Użajna aħna l-opportunitajiet li kienu disponibbli għalina biex naqsmu t-tama Kristjana tagħna m’oħrajn? Għinna lil xi ħadd jibda jaħseb bis-serjetà dwar il-wegħdi t’Alla? Ejja nġemmgħu xi ħaġa pożittiva f’sens spiritwali kull ġurnata li tgħaddi, biex b’hekk inkunu qisna qed inġemmgħu fil-kont spiritwali tagħna.—Mattew 6:20; 1 Pietru 2:12; 3:15; Ġakbu 3:13.
Tħallix il-Vista Tiegħek Tiċċajpar
16. Satana b’liema modi jipprova jdgħajfilna d-dedikazzjoni tagħna lil Alla?
16 Qegħdin ngħixu fi żmien li qed isir iktar u iktar diffiċli għall-Kristjani. Satana u l-aġenti tiegħu jipprovaw iċajprulna l-vista biex ma narawx id-differenza bejn it-tajjeb u l-ħażin, bejn in-nadif u l-maħmuġ, bejn dak li hu morali u immorali, bejn dak li hu etiku u dak li m’huwiex. (Rumani 1:24-28; 16:17-19) Hu għamilhielna tant faċli biex inniġġsu qalbna u moħħna billi nagħfsu l-buttuni tar-remote control tat-TV jew dawk tal-kompjuter għall-Internet. Il-vista spiritwali tagħna tistaʼ ssir imċajpra, jew ma tibqax iffokata, u b’hekk ma nindunawx bil-makakkeriji tiegħu. Id-determinazzjoni tagħna li ngħixu fi qbil mad-dedikazzjoni tagħna tistaʼ tiddgħajjef u l-qabda li għandna fuq il-“moħriet” tistaʼ ma tibqax soda jekk nikkompromettu l-valuri spiritwali tagħna.—Luqa 9:62; Filippin 4:8.
17. Il-parir taʼ Pawlu kif jistaʼ jgħinna nżommu r-relazzjoni tagħna m’Alla?
17 Il-kliem taʼ Pawlu lill-kongregazzjoni f’Tessalonika huwa għalhekk verament f’waqtu: “Dan irid Alla minnkom: il-qdusija tagħkom, li titbiegħdu miż-żína, u li kull wieħed minnkom iżomm ’il ġismu fil-qdusija u l-ġieħ, u ma jħallix il-passjoni tegħelbu bħall-pagani li ma jagħrfux lil Alla.” (1 Tessalonikin 4:3-5) L-immoralità wasslet biex xi wħud jiġu maqtugħin mis-sħubija tal-kongregazzjoni Kristjana, għaliex ittraskuraw id-dedikazzjoni tagħhom lil Alla. Ħallew ir-relazzjoni li kellhom m’Alla tiddgħajjef, u b’hekk ma kienx għadu importanti f’ħajjithom. Madankollu, Pawlu qal: “Alla ma sejjħilniex biex ngħixu fiż-żína, imma fil-qdusija. Għalhekk min iwarrab dan it-tagħlim, ikun iwarrab mhux lill-bniedem, iżda lil Alla li takom l-Ispirtu qaddis tiegħu.”—1 Tessalonikin 4:7, 8.
X’Inhi d-Determinazzjoni Tagħna?
18. X’għandha tkun id-determinazzjoni tagħna?
18 Jekk napprezzaw kemm hi serja d-dedikazzjoni tagħna lil Alla Jehovah, x’għandna nkunu determinati li nagħmlu? Id-determinazzjoni soda tagħna għandha tkun li nżommu kuxjenza safja f’dik li hi kondotta u fil-ministeru tagħna. Pietru ħeġġeġ: “Żommu safja l-kuxjenza tagħkom biex, meta jgħidu fuqkom, dawk stess li jkasbru l-imġiba tajba tagħkom fi Kristu jkollhom għalxiex jistħu.” (1 Pietru 3:16) Forsi jkollna ngħaddu minn xi tbatija u jgħajruna minħabba l-kondotta Kristjana tagħna, imma Ġesù hekk ukoll ġralu minħabba l-fidi u l-lealtà tiegħu lejn Alla. Pietru qal: “Ladarba Kristu bata f’ġismu, intom ukoll armaw ruħkom bl-istess ħsieb, jiġifieri li kull min bata f’ġismu ma għandux x’jaqsam iżjed mad-dnub.”—1 Pietru 4:1.
19. X’irridu li jgħidu fuqna?
19 Tabilħaqq, id-determinazzjoni soda tagħna li ngħixu fi qbil mad-dedikazzjoni tagħna se tipproteġina mix-xinxilli li toffri d-dinja taʼ Satana li hi marida spiritwalment, moralment, u fiżikament. Mhux hekk biss, imma se niksbu fiduċja li għandna l-approvazzjoni t’Alla, li hi bil-wisq aħjar minn kwalunkwe ħaġa li Satana u l-aġenti tiegħu jistgħu joffrulna. Għalhekk, jalla qatt ħadd ma jgħid dwarna li m’għadx għandna dik l-imħabba li kellna fil-bidu meta sirna nafu l-verità. Minflok, jalla jgħidu dwarna kif qalu dwar dawk taʼ l-ewwel seklu li kienu fil-kongregazzjoni taʼ Tijatira: “Jiena naf l-opri tiegħek, l-imħabba u l-fidi tiegħek, is-servizz u s-sabar tiegħek, naf kemm l-opri tiegħek taʼ l-aħħar huma aħjar minn dawk tal-bidu.” (Apokalissi 2:4, 18, 19) Iva, ħalli ma nkunux berdin fejn tidħol id-dedikazzjoni tagħna, imma ħalli nkunu ‘mħeġġin bl-ispirtu,’ żelużi sat-tmiem li hu tant qrib.—Rumani 12:11; Apokalissi 3:15, 16.
[Noti taʼ taħt]
a Ara The Watchtower, tal-15 t’April, 1987, paġna 31.
b Ara r-rakkont dettaljat tal-ħajja taʼ Ernest Beavor f’The Watchtower tal-15 taʼ Marzu, 1980, paġni 8-11.
c Ara n-1978 Yearbook of Jehovah’s Witnesses, paġni 156-8, 201-18, pubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
Tiftakar Int?
• Id-dedikazzjoni x’tinvolvi?
• Liema eżempji taʼ qaddejja dedikati t’Alla fl-imgħoddi u fi żmienna tajjeb li nimitaw?
• Kif għandna nqisuh is-servizz tagħna lejn Alla?
• X’għandha tkun id-determinazzjoni tagħna f’konnessjoni mad-dedikazzjoni tagħna?
[Stampa f’paġna 15]
Ġeremija baqaʼ leali minkejja li ġie trattat b’mod kiefer
[Stampa f’paġna 16]
Ernest Beavor ta eżempju lil uliedu bħala Kristjan żeluż
[Stampa f’paġna 17]
Mijiet taʼ Xhieda żgħażagħ fil-ħabsijiet ġewwa Spanja żammew l-integrità tagħhom
[Stampi f’paġna 18]
Ejja nġemmgħu xi ħaġa pożittiva f’sens spiritwali kuljum