LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w01 3/1 pp. 8-11
  • X’Inhi l-Ġenna Spiritwali?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • X’Inhi l-Ġenna Spiritwali?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Insibu Fejn Qegħda l-​Ġenna Spiritwali
  • Poplu għal Isem Alla
  • X’Inhi l-​Ġenna Spiritwali?
  • L-​Irwol Vitali taʼ l-​Imħabba
  • Ġenna Fost Dawk li Jagħmlu r-​Rieda t’Alla
  • Nikkontribwixxu għall-​Ġenna Spiritwali
  • “Narawkom fil-Ġenna tal-art!”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2018
  • Ibqaʼ fil-Ġenna Spiritwali
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2024
  • Għandek Għalxiex Tittama f’Ġenna?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Il-Ġenna
    Stenbaħ!—2013
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
w01 3/1 pp. 8-11

X’Inhi l-​Ġenna Spiritwali?

GUSTAVO trabba ġewwa belt żgħira fil-​Brażil.a Kien mgħallem minn tfulitu li n-​nies tajbin imorru s-​sema wara li jmutu. Ma kien jaf xejn dwar l-​iskop t’Alla li n-​nies leali kellhom xi darba jgawdu ħajja perfetta f’ġenna taʼ l-​art. (Apokalissi 21:​3, 4) U kien hemm xi ħaġa oħra li ma kienx jafha. Ma rrealizzax li saħansitra issa hu setaʼ jkun f’ġenna spiritwali.

Qatt smajt biha l-​ġenna spiritwali? Taf x’inhi u x’hemm bżonn biex tkun parti minnha? Kulmin irid ikun verament ferħan jeħtieġ ikun jaf dwar dik il-​ġenna.

Insibu Fejn Qegħda l-​Ġenna Spiritwali

Meta tismaʼ lil xi ħadd jgħid li saħansitra llum jistaʼ jgħix f’ġenna forsi tgħid li qiegħed fil-​qamar. Din id-​dinja żgur li m’hijiex ġenna. Hemm wisq nies li għaddejjin minn dak li sultan Ebrew tal-​qedem iddeskrivieh b’dan il-​mod: “Rajt il-​maħqurin jibku bla ma għandhom min ifarraġhom; rajt il-​qawwa li biha jaħqruhom u li ma hemmx min ifarraġhom.” (Koħèlet 4:1) Mijiet taʼ miljuni taʼ nies qed ibatu taħt sistemi politiċi, reliġjużi, u ekonomiċi korrotti, u ma jistgħu jsibu ebda serħan, ħadd “min ifarraġhom.” Ħafna oħrajn jissieltu biex ilaħħqu mal-​ħajja, irabbu lil uliedhom, u jagħmlu mitt elf ħaġa oħra biex ikunu jistgħu jaqilgħu l-​għajxien. Dawn ukoll x’aktarx li jieħdu gost b’xi ħadd li jfarraġhom, xi ħadd li jħaffilhom ftit mit-​toqol li qed iġorru. Għal dawn in-​nies, il-​ħajja ma tantx qisha ġenna.

Allura, fejn hi din il-​ġenna spiritwali? Sewwa, il-​kelma Maltija “ġenna” għandha x’taqsam mal-​kelmiet bil-​Grieg, bil-​Persjan, u bl-​Ebrajk, li jġorru l-​ħsieb taʼ xi ġnien jew park sabiħ, post taʼ paċi u serħan il-​moħħ. Il-​Bibbja twiegħed li xi darba l-​art se tkun ġenna letterali, dar bħal ġnien għar-​razza umana mingħajr dnub. (Salm 37:​10, 11) B’dan f’moħħna, nistgħu nindunaw li l-​ġenna spiritwali hija ambjent li titgħaxxaq bih u tħossok trankwill. Dan jgħinek ukoll tgawdi l-​paċi m’għajrek u m’Alla. Bħalma skopra wkoll Gustavo, din il-​ġenna teżisti, u tħaddan fiha numru taʼ nies li dejjem jiżdied.

Meta kellu 12-il sena, Gustavo ddeċieda li ried isir qassis Kattoliku Ruman. Bil-​barka tal-​ġenituri tiegħu, hu daħal is-​seminarju. Hemmhekk beda jinvolvi ruħu fil-​mużika, fit-​teatru, u fil-​politika, affarijiet li l-​knisja inkuraġġiethom biex tiġbed liż-​żgħażagħ lejha. Kien jaf li qassis suppost kellu jiddedika lilu nnifsu għan-​nies u li ma setax jiżżewweġ. Minkejja dan, xi wħud mill-​qassisin u s-​seminaristi li kien jaf Gustavo kienu qed jinvolvu ruħhom fi prattiċi immorali. F’atmosfera bħal din, Gustavo malajr beda jagħtiha għax-​xorb. Jidher ċar li kien għadu ma sab ebda ġenna spiritwali.

Darba waħda, Gustavo qara fuljett ibbażat fuq il-​Bibbja li kien jitkellem dwar ġenna taʼ l-​art. Dan ġagħlu jaħseb dwar l-​iskop taʼ ħajtu. Hu jgħid: “Bdejt naqra l-​Bibbja spiss, imma ma stajtx nifhimha. Lanqas biss stajt nara li Alla kellu isem.” Hu telaq mis-​seminarju u avviċina lix-​Xhieda taʼ Jehovah biex jgħinuh jifhem il-​Bibbja. Minn dak in-​nhar ’il quddiem malajr għamel progress u ma damx ma ddedika ħajtu lil Alla. Gustavo kien qed jitgħallem dwar il-​ġenna spiritwali.

Poplu għal Isem Alla

Gustavo tgħallem li l-​isem t’Alla, Jehovah, ma kienx sempliċement xi punt li student tal-​Bibbja jsir jafu u daqshekk. (Eżodu 6:3) L-​isem t’Alla hu parti vitali mill-​qima vera. Ġesù għallem lis-​segwaċi tiegħu jitolbu: “Missierna, li inti fis-​smewwiet, jitqaddes ismek.” (Mattew 6:9) Meta kien qed jitkellem dwar il-​Ġentili li saru Kristjani, id-​dixxiplu Ġakbu qal: “Alla . . . ħaseb biex jieħu mill-​Ġnus poplu għal ismu.” (Atti 15:​14, Saydon) Fl-​ewwel seklu, il-​kongregazzjoni Kristjana kienet dak il-​“poplu għal ismu.” Hemm xi poplu għall-​isem t’Alla llum? Iva, u Gustavo beda jirrealizza li x-​Xhieda taʼ Jehovah huma dan il-​poplu.

Ix-Xhieda taʼ Jehovah huma attivi f’235 pajjiż u territorju. Hemm iktar minn sitt miljun ministru, u tmien miljuni oħra li juru interess attendew għal-​laqgħat tagħhom. Huma magħrufin għall-​ministeru pubbliku tagħhom, u dan bi twettiq għall-​kliem taʼ Ġesù: “Dan l-​Evanġelju tas-​Saltna jixxandar fid-​dinja kollha, biex il-​ġnus kollha jkollhom xhieda.” (Mattew 24:14) Iżda Gustavo għala ħass li kien sab il-​ġenna spiritwali meta ssieħeb max-​Xhieda taʼ Jehovah? Hu jgħid: “Qabbilt dak li kont rajt fid-​dinja, speċjalment dak li rajt fis-​seminarju, maʼ dak li sibt fost ix-​Xhieda taʼ Jehovah. L-​akbar differenza kienet l-​imħabba li hemm fost ix-​Xhieda.”

Nies oħra għamlu kummenti simili dwar ix-​Xhieda taʼ Jehovah. Miriam, żagħżugħa Brażiljana, qalet: “Ma kontx naf x’jiġifieri ferħ, lanqas saħansitra fil-​familja tiegħi. Kien fost ix-​Xhieda taʼ Jehovah li rajt verament xi tfisser l-​imħabba għall-​ewwel darba.” Raġel li jismu Christian qal: “Xi kultant kont ninvolvi ruħi fl-​ispiritiżmu, imma r-​reliġjon ma kinitx xi ħaġa importanti għalija. Il-​pożizzjoni soċjali tiegħi u x-​xogħol tiegħi bħala inġinier kienu l-​iktar affarijiet importanti f’ħajti. Minkejja dan, meta marti bdiet tistudja l-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Jehovah, stajt nara d-​differenza fiha. Bqajt impressjonat ukoll mill-​ferħ u ż-​żelu taʼ dawk li ġew iżuruha.” In-​nies għala jgħidu affarijiet bħal dawn dwar ix-​Xhieda taʼ Jehovah?

X’Inhi l-​Ġenna Spiritwali?

Xi ħaġa li ġġiegħel lix-​Xhieda taʼ Jehovah jispikkaw hi l-​apprezzament li għandhom għall-​għarfien tal-​Bibbja. Huma jemmnu li l-​Bibbja hija vera u li hija l-​Kelma t’Alla. Għalhekk, għalihom m’huwiex biżżejjed li sempliċement ikunu jafu l-​affarijiet bażiċi tar-​reliġjon tagħhom. Għandhom programm kontinwu taʼ studju persunali u qari tal-​Bibbja. Iktar ma wieħed jassoċja max-​Xhieda taʼ Jehovah, iktar jitgħallem dwar Alla u dwar ir-​rieda Tiegħu kif inhi rivelata fil-​Bibbja.

Għarfien bħal dan jeħles lix-​Xhieda taʼ Jehovah minn affarijiet bħal superstizzjonijiet u ideat taʼ ħsara, li jġagħlu lin-​nies jitilfu l-​ferħ. Ġesù qal: “Il-​verità teħliskom,” u x-​Xhieda taʼ Jehovah jafu kemm dan huwa minnu. (Ġwann 8:32) Fernando, li darba kien jipprattika l-​ispiritiżmu jgħid: “Meta tgħallimt dwar il-​ħajja taʼ dejjem, ħassejtni nistrieħ. Dejjem kont nibżaʼ li jien jew il-​ġenituri tiegħi konna se mmutu.” Il-​verità ħelset lil Fernando mill-​biżaʼ li kellu mid-​dinja taʼ l-​ispirti u mill-​hekk imsejħa ħajja wara l-​mewt.

Fil-Bibbja, l-​għarfien dwar Alla għandu x’jaqsam ħafna mal-​ġenna. Il-​profeta Isaija qal: “Ma jagħmlux aktar deni u anqas ħsara fuq il-​muntanja qaddisa kollha tiegħi, għax mimlija hi l-​art bl-​għarfien tal-​Mulej bħalma l-​baħar hu miksi bl-​ilmijiet.”—Isaija 11:9.

M’għandniex xi ngħidu, l-​għarfien waħdu m’huwiex biżżejjed biex iġib dik il-​paċi li bassar Isaija. Wieħed irid jaġixxi fuq dak li jitgħallem. Fernando għamel dan il-​kumment: “Meta xi ħadd jikkultiva l-​frott taʼ l-​ispirtu, hu jkun qed jikkontribwixxi għall-​ġenna spiritwali.” Fernando kien qed jirreferi għall-​kliem li uża Pawlu, li sejjaħ il-​kwalitajiet tajbin li Kristjan għandu jikkultiva bħala “l-​frott taʼ l-​Ispirtu.” Il-​lista li ta hi “l-​imħabba, l-​hena, is-​sliem, is-​sabar, il-​ħniena, it-​tjieba, il-​fidi, il-​ħlewwa, ir-​rażan.”—Galatin 5:​22, 23.

Tistaʼ tara int għala sħubija maʼ komunità taʼ nies li qed jagħmlu ħilithom biex jikkultivaw kwalitajiet bħal dawn se tkun tassew bħallikieku qiegħed f’ġenna? Il-​ġenna spiritwali mbassra mill-​profeta Sofonija kellha teżisti fost nies bħal dawn. Hu qal: “Ma jagħmlux ħażen, ma jgħidux kliem b’ieħor, u lsien qarrieq ma jibqax iżjed f’fommhom, hekk li joqogħdu jirgħu u jistrieħu bla ma jbeżżagħhom ħadd.”—Sofonija 3:13.

L-​Irwol Vitali taʼ l-​Imħabba

Forsi nnotajt li Pawlu l-​imħabba jsemmiha l-​ewwel fost il-​frott taʼ l-​ispirtu. Din hija kwalità li l-​Bibbja titkellem ħafna dwarha. Ġesù qal: “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-​imħabba bejnietkom.” (Ġwann 13:35) Veru, ix-​Xhieda taʼ Jehovah m’humiex perfetti. Xi kultant ikollhom problemi bejniethom bħalma kellhom l-​appostli taʼ Ġesù. Imma huma verament iħobbu lil xulxin, u jitolbu għall-​appoġġ taʼ l-​ispirtu qaddis hekk kif jikkultivaw din il-​kwalità.

B’hekk, is-​sħubija tagħhom hija unika. M’hemm ebda firdiet fosthom minħabba tribujiet jew nazzjonaliżmu. Fil-​fatt, ħafna Xhieda li sabu ruħhom qalb it-​tindif etniku u l-​ġenoċidju razzjali matul l-​aħħar snin tas-​seklu għoxrin ipproteġew lil xulxin saħansitra b’riskju għal ħajjithom stess. Għalkemm kienu “minn kull ġens u tribù, minn kull poplu u lsien,” kellhom dik l-​għaqda bejniethom li ma tantx tistaʼ tifhimha jekk ma ġġarrabhiex inti stess.—Apokalissi 7:9.

Ġenna Fost Dawk li Jagħmlu r-​Rieda t’Alla

Fil-​ġenna spiritwali m’hemm ebda post għar-​regħba, għall-​immoralità, u għall-​egoiżmu. Il-​Kristjani jintqalilhom: “Timxux max-​xejra taʼ din id-​dinja, iżda nbidlu skond it-​tiġdid taʼ fehmietkom, biex iseħħilkom tagħrfu x’inhi r-​rieda taʼ Alla, x’inhu t-​tajjeb li jogħġbu, x’inhu perfett.” (Rumani 12:2) Meta ngħixu ħajja nadifa moralment, u nagħmlu r-​rieda t’Alla b’modi oħra, aħna nkunu qed ngħinu biex tinbena l-​ġenna spiritwali u nżidu l-​ferħ tagħna stess. Carla hekk sabet. Hi tgħid: “Missieri għallimni naħdem iebes ħalli ma niddependi minn ħadd finanzjarjament. Imma għalkemm l-​istudji tiegħi fl-​università tawni sens taʼ sigurtà, ma kellix dik l-​għaqda fil-​familja u s-​sigurtà li l-​għarfien mill-​Kelma t’Alla biss jistaʼ jagħti.”

M’għandniex xi ngħidu, ma jfissirx li jekk tgawdi l-​ġenna spiritwali mhux se jkollok problemi fiżiċi fil-​ħajja. Il-​Kristjani xorta jimirdu. Forsi fil-​pajjiż fejn joqogħdu jkun hemm xi gwerra ċivili. Bosta jkollhom jissaportu l-​faqar. Xorta waħda, relazzjoni mill-​qrib m’Alla Jehovah, li hi essenzjali għall-​ġenna spiritwali, tfisser li nduru lejh għall-​appoġġ. Tabilħaqq, hu jistidinna biex ‘inqiegħdu t-​tagħbija tagħna fuqu,’ u ħafna jistgħu jixhdu dwar il-​mod taʼ l-​għaġeb kif hu appoġġahom f’sitwazzjonijiet verament diffiċli. (Salm 55:​22, Karm Żammit; 86:​16, 17) Alla jwiegħed li jkun maʼ l-​adoraturi tiegħu saħansitra “f’wied mudlam.” (Salm 23:4) Jekk ikollna fiduċja li Alla lest li jagħtina l-​appoġġ tiegħu, dan se jgħinna nżommu “s-​sliem taʼ Alla, sliem li jgħaddi kull ma l-​moħħ jistaʼ jifhem,” li hu l-​qofol tal-​ġenna spiritwali.—Filippin 4:7.

Nikkontribwixxu għall-​Ġenna Spiritwali

In-​nies ġeneralment jieħdu gost imorru f’xi ġnien jew park. Forsi jagħmlu xi passiġġata jew joqogħdu fuq xi bank jieħdu gost bl-​ambjent taʼ madwarhom. Bl-​istess mod, ħafna nies jieħdu gost jagħmluha max-​Xhieda taʼ Jehovah. Huma jsibu li meta jassoċjaw magħhom iħossuhom rifreskati, fil-​paċi, u jieħdu r-​ruħ. Madankollu, ġnien sabiħ għandu bżonn min jieħu ħsiebu biex jibqaʼ qisu ġenna. Bl-​istess mod, il-​ġenna spiritwali teżisti biss għaliex ix-​Xhieda taʼ Jehovah jikkultivawha, u Alla jbierek l-​isforzi tagħhom, avolja qegħdin f’din id-​dinja li m’hi ġenna xejn. Allura, kif jistaʼ xi ħadd jagħti sehmu bis-​sħiħ għal din il-​ġenna?

L-ewwel, hemm bżonn li tassoċja mal-​kongregazzjoni tax-​Xhieda taʼ Jehovah, tistudja l-​Bibbja magħhom, u tikseb l-​għarfien tal-​Bibbja li hu l-​bażi għall-​ġenna spiritwali. Carla tinnota: “M’hemm ebda ġenna spiritwali jekk ma jkunx hemm ikel spiritwali.” Dan jinkludi li taqra l-​Kelma t’Alla regolarment u taħseb dwar dak li tkun qrajt. Lgħarfien li tikseb se jġagħlek tinġibed eqreb lejn Alla Jehovah, u ssir tħobbu. Se titgħallem ukoll kif titkellem miegħu permezz tat-​talb u titolbu jagħtik il-​gwida tiegħu u l-​ispirtu tiegħu biex jappoġġak hekk kif tagħmel ir-​rieda tiegħu. Ġesù qalilna biex nippersistu fit-​talb. (Luqa 11:​9-13) L-​appostlu Pawlu qal: “Itolbu bla heda.” (1 Tessalonikin 5:17) Il-​privileġġ li titkellem m’Alla permezz tat-​talb bil-​fiduċja sħiħa li hu se jisimgħek huwa parti importanti mill-​ġenna spiritwali.

Hekk kif jgħaddi ż-​żmien, ħajtek se tinbidel għall-​aħjar b’dak li titgħallem, u maż-​żmien int tkun trid tgħid lil oħrajn dwaru. Imbagħad tkun tistaʼ tobdi l-​kmand taʼ Ġesù: “Hekk għandu jiddi d-​dawl tagħkom quddiem il-​bnedmin, biex jaraw l-​għemejjel tajba tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-​smewwiet.” (Mattew 5:16) Meta taqsam m’oħrajn l-​għarfien dwar Alla Jehovah u Ġesù Kristu, u tagħtihom glorja għall-​imħabba kbira li wrew għall-​umanità, dan se jġiblek ħafna ferħ.

Għad jasal iż-​żmien meta l-​art kollha se tkun ġenna letterali, post bħal ġnien kbir mingħajr tniġġis u li jkun dar xierqa għall-​umanità leali. Il-​fatt li teżisti l-​ġenna spiritwali f’dan iż-​“żmien iebes” hu evidenza tal-​qawwa t’Alla, u qed juri fuq skala żgħira x’jistaʼ u x’se jwettaq fil-​futur.—2 Timotju 3:1.

Dawk li qed igawdu ġenna spiritwali qed jaraw b’għajnejhom, saħansitra minn issa stess, it-​twettiq spiritwali taʼ Isaija 49:10: “Ma jeħodhomx il-​ġuħ u anqas l-​għatx, u ma tolqothomx is-​sħana u lanqas ix-​xemx. Għax [“Dak li,” NW] ħenn għalihom imexxihom, u jgħaddihom minn ħdejn għejun taʼ l-​ilma.” José jistaʼ jixhed kemm dan hu veru. Il-​ħolma tiegħu kienet li jsir mużiċista famuż, imma sab li hu iktar sodisfaċenti li jaqdi lil Alla fil-​kongregazzjoni Kristjana. Hu jgħid: “Issa ħajti għandha skop. Inħossni fis-​sigurtà bħala parti mill-​fratellanza Kristjana, u naf li Jehovah hu Missier li jħobb u li nistgħu nafdawh.” Il-​ferħ taʼ José, u taʼ miljuni oħrajn bħalu, hu deskritt b’dan il-​mod f’Salm 64:11 [64:​10, NW]: “Jifraħ il-​ġust fil-​Mulej u fih jistkenn.” X’deskrizzjoni mill-​isbaħ tal-​ġenna spiritwali!

[Nota taʼ taħt]

a L-individwi msemmijin huma nies veri, imma xi wħud mill-​ismijiet ġew mibdulin.

[Stampa f’paġna 10]

Waqt li qed tgawdi l-​ġenna spiritwali, għin biex tkabbarha!

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja