Għandek Għalxiex Tittama f’Ġenna?
“Naf raġel f’unjoni maʼ Kristu li . . . ittieħed fil-ġenna.”—2 KORINTIN 12:2-4.
1. Liema wegħdi fil-Bibbja jolqtu lil ħafna wħud?
ĠENNA. Tiftakar kif ħassejtek l-ewwel darba li smajt bil-wegħda t’Alla taʼ ġenna taʼ l-art? Forsi tiftakar meta sirt taf li se ‘jinfetħu għajnejn l-għomja, jinfetħu widnejn it-torox, u fid-deżert igelgel l-ilma’ u jsir għammiel. Jew xi ngħidu dwar il-profezija li l-lupu jgħix mal-ħaruf, u l-leopard mal-gidi? Ma fraħtx meta qrajt dwar il-maħbubin mejtin li se jirxoxtaw bil-prospett li jibqgħu f’dik il-Ġenna?—Isaija 11:6; 35:5, 6; Ġwanni 5:28, 29.
2, 3. (a) Għala tistaʼ tgħid li t-tama tiegħek mill-Bibbja m’hijiex bla bażi? (b) Liema bażi oħra għandna biex nittamaw?
2 It-tama tiegħek m’hijiex bla bażi. Għandek għalxiex temmen il-wegħdi tal-Bibbja dwar din il-Ġenna. Per eżempju, għandek fiduċja fil-kliem li Ġesù qal lir-raġel ħażin imsammar maʼ zokk: “Int tkun fil-Ġenna miegħi.” (Luqa 23:43) Int tafda fil-wegħda: “Hemm smewwiet ġodda u art ġdida li aħna qed nistennew skond il-wegħda tiegħu, u f’dawn tgħammar il-ġustizzja.” Tafda wkoll fil-wegħda t’Alla li se jixxottalna kull demgħa minn għajnejna; mhux se jkun hemm iżjed mewt; in-niket u l-għajat u l-uġigħ se jispiċċaw. Dan ifisser li l-art se terġaʼ ssir ġenna!—2 Pietru 3:13; Rivelazzjoni 21:4.
3 Madankollu, bażi oħra għal din it-tama taʼ Ġenna hi xi ħaġa li l-Kristjani madwar id-dinja diġà jagħmlu parti minnha bħalissa. X’inhi? Alla għamel ġenna spiritwali u ġabar lin-nies tiegħu fiha. It-terminu “ġenna spiritwali” jistaʼ jinstemaʼ bħala li hu teorija u diffiċli biex tifhmu, imma din il-ġenna ġiet imbassra u teżisti tassew.
Viżjoni taʼ Ġenna
4. Liema viżjoni tissemma fit-2 Korintin 12:2-4, u min probabbilment esperjenzaha?
4 Dwar dan, innota x’kiteb l-appostlu Pawlu: “Naf raġel f’unjoni maʼ Kristu li . . . ittieħed b’dan il-mod lejn it-tielet sema. Iva, naf raġel bħal dan—jekk hux fil-ġisem jew mingħajr il-ġisem ma nafx, Alla jaf—li ttieħed fil-ġenna u semaʼ kliem li ma jitlissinx u li skond il-liġi ebda bniedem ma jistaʼ jgħidu.” (2 Korintin 12:2-4) Dan ir-rakkont jiġi eżatt wara l-versi li fihom Pawlu jiddefendi l-appostolat tiegħu. Iktar minn hekk, il-Bibbja ma titkellem dwar ħadd iktar li kellu esperjenza bħal tiegħu, u Pawlu hu l-wieħed li jgħidilna dwarha. Allura, wisq probabbli kien Pawlu li kellu din il-viżjoni. F’din l-esperjenza sopranaturali, f’liema “ġenna” daħal?—2 Korintin 11:5, 23-31.
5. Pawlu x’ma rax, u għalhekk il-“ġenna” x’tip kienet?
5 Il-kuntest m’huwiex jissuġġerixxi li “t-tielet sema” tirreferi għall-atmosfera madwar il-globu tagħna, lanqas għall-ispazju jew xi univers ieħor, bħalma jispekulaw ixxjenzati taʼ l-ispazju. Spiss il-Bibbja tuża n-numru tlieta biex jenfasizza, isaħħaħ il-punt, jew juri iżjed qawwa. (Koħèlet 4:12; Isaija 6:3; Mattew 26:34, 75; Rivelazzjoni 4:8) Għalhekk, dak li ra Pawlu fil-viżjoni kien xi ħaġa ogħla jew superjuri. Kienet xi ħaġa spiritwali.
6. Liema żvilupp storiku jgħinna nifhmu x’ra Pawlu?
6 Profeziji Bibliċi taʼ qabel jagħtuna iktar dehen. Wara li l-poplu tiegħu tal-qedem ma baqax leali lejh, Alla ddetermina li jħalli lill-Babiloniżi jiħduha kontra Ġuda u Ġerusalemm. Fl-aħħar mill-aħħar, dawn saru ħerba fis-sena 607 Q.E.K., skond il-kronoloġija tal-Bibbja. Il-profezija kienet tgħid li l-art kellha tkun ħerba għal 70 sena; imbagħad Alla kien se jħalli lil-Lhud niedma jirritornaw u jirrestawraw il-qima vera. Dan seħħ mis-sena 537 Q.E.K. ’l quddiem. (Dewteronomju 28:15, 62-68; 2 Slaten 21:10-15; 24:12-16; 25:1-4; Ġeremija 29:10-14) Iżda xi ngħidu għall-art stess? Matul is-70 sena, saret post miżgħud bil-ħaxix ħażin, u post niexef fejn jgħammru x-xakalli. (Ġeremija 4:26; 10:22) Xorta waħda, kien hemm din il-wegħda: “Il-Mulej iħenn għal Sijon; iħenn għall-ħrieb kollha tagħha. Jagħmel Għeden mid-deżert u ġnien [jew Ġenna, Settanta] tal-Mulej mix-xagħri tagħha.”—Isaija 51:3.
7. X’kellu jseħħ wara s-70 sena taʼ ħerba?
7 Dan seħħ wara s-70 sena. Minħabba l-barka t’Alla, l-affarijiet inbidlu għall-aħjar. Immaġina dan: “Ħa jifirħu d-deżert u l-art maħruqa; ħa jifraħ ix-xagħri u jwarrad, ħa jwarrad bħar-ranġis. Ħa tifraħ fuq li tifraħ, taqbeż u tgħanni. . . . Iz-zopp jaqbeż bħal għażżiela u lsien l-imbikkma jinħall bil-ferħ. Iva, igelgel l-ilma fid-deżert, u l-widien fix-xagħri. L-art maħruqa tinbidel f’għadira, u l-art niexfa f’għejun taʼ ilma ġieri. Fejn qabel kienu jimteddu x-xakalli, issa hemm il-ħmiemel tal-qasab u l-ġummar.”—Isaija 35:1-7.
Poplu Restawrat u Trasformat
8. Kif nafu li Isaija kapitlu 35 kien japplika għan-nies?
8 X’bidla! Minn ħerba għal ġenna. Madankollu, din il-profezija li tistaʼ torbot fuqha u oħrajn bħalha wrew li kien se jkun hemm bidla wkoll fin-nies, bħal art li filli tkun ħerba u filli ssir għammiela. Għala nistgħu ngħidu dan? Isaija kien qed jiffoka fuq “il-mifdijin tal-Mulej,” li kellhom jirritornaw lejn arthom “jgħajjtu bil-ferħ” u jiksbu “l-ferħ u l-hena.” (Isaija 35:10) Dan ma kienx japplika għall-ħamrija letterali, imma għan-nies. Barra minn hekk, f’partijiet oħra Isaija bassar dwar in-nies li kellhom jiġu restawrati f’Sijon: “Isejjħulhom ballut tas-sewwa, mħawwla mill-Mulej . . . Bħalma l-art tnibbet, . . . hekk il-Mulej inibbet il-ġustizzja u l-foħrija, quddiem kollha kemm huma l-ġnus.” Isaija qal ukoll dwar il-poplu t’Alla: “Il-Mulej jibqaʼ jmexxik għal dejjem, . . . u jsaħħaħlek għadmek. Int tkun bħal ġnien bis-saqwi.” (Isaija 58:11; 61:3, 11; Ġeremija 31:10-12) Għalhekk, l-istess bħalma kellhom jitjiebu l-kundizzjonijiet taʼ l-ambjent, hekk ukoll kienu se jsiru xi bidliet fil-poplu Lhudi restawrat.
9. Liema “ġenna” ra Pawlu, u meta twettqet?
9 Dan il-mudell storiku jgħinna nifhmu x’ra Pawlu fil-viżjoni. Kellu jinvolvi l-kongregazzjoni Kristjana, li ġiet imsejħa “l-għalqa t’Alla li qed tiġi kultivata” u li kellha tkun għammiela. (1 Korintin 3:9) Meta kellha sseħħ din il-viżjoni? Pawlu sejjaħ dak li ra ‘rivelazzjoni,’ xi ħaġa li kellha sseħħ fil-futur. Hu kien jaf li wara mewtu kellha tiżviluppa apostasija kbira. (2 Korintin 12:1; Atti 20:29, 30; 2 Tessalonikin 2:3, 7) Ma tantx stajt tqabbel lill-Kristjani maʼ ġnien li qed jiffjorixxi meta l-apostati kienu żdiedu iktar minnhom u dehru li kienu qed jirnexxu iktar. Madankollu, kellu jiġi l-waqt meta l-qima vera terġaʼ tispikka. Il-poplu t’Alla kellu jiġi restawrat ħalli “n-nies sewwa [jkunu jistgħu] jiddu bħax-xemx fis-saltna taʼ Missierhom.” (Mattew 13:24-30, 36-43) Dan fil-fatt seħħ ftit snin wara li s-Saltna t’Alla ġiet stabbilita fis-sema. U mal-mogħdija tas-snin, qed isir iżjed evidenti li l-poplu t’Alla jgawdi ġenna spiritwali li Pawlu kien ra bil-quddiem f’din il-viżjoni.
10, 11. Għala nistgħu ngħidu li ninsabu f’ġenna spiritwali minkejja li aħna imperfetti?
10 Nafu li aħna lkoll imperfetti bħala individwi, allura ma niskantawx li kultant jinqalgħu xi problemi, l-istess bħalma kienu jinqalgħu fost il-Kristjani taʼ żmien Pawlu. (1 Korintin 1:10-13; Filippin 4:2, 3; 2 Tessalonikin 3:6-14) Madankollu, aħseb dwar il-ġenna spiritwali li qed ingawdu bħalissa. Meta tqabbilha mal-kundizzjoni marida li darba konna fiha, aħna ġejna mfejqin spiritwalment. U hemm kuntrast bejn il-ġuħ spiritwali li kellna u l-abbundanza taʼ ikel spiritwali li għandna issa. Minflok ma qed jissielet bħallikieku kien f’art niexfa spiritwalment, il-poplu t’Alla għandu l-approvazzjoni tiegħu u qed igawdi xita taʼ barkiet. (Isaija 35:1, 7) Minflok ma qed niġu mogħmijin bħallikieku f’post taʼ dlam spiritwali, aħna qed naraw id-dawl tal-ħelsien u taʼ l-approvazzjoni t’Alla. Ħafna li kienu bħallikieku torox għax ma kienu jifhmu xejn dwar il-profeziji Bibliċi issa qed jisimgħu u jifhmu dak li tgħid l-Iskrittura. (Isaija 35:5) Per eżempju, miljuni taʼ Xhieda taʼ Ġeħova madwar id-dinja studjaw il-profezija taʼ Danjel, vers b’vers. Imbagħad, eżaminaw bir-reqqa kull kapitlu tal-ktieb tal-Bibbja taʼ Isaija. M’huwiex dan l-ikel spiritwali li jserraħ evidenza tal-ġenna spiritwali tagħna?
11 Ukoll, aħseb ftit dwar il-bidliet fil-karattru li għamlu wħud sinċiera taʼ esperjenzi u ċirkustanzi differenti, li stinkaw biex jifhmu u japplikaw il-Kelma t’Alla. Bażikament huma ħadmu biex iwarrbu tendenzi annimalistiċi li kienu jispikkaw fihom qabel. Forsi int għamilt xi ħaġa bħal din b’riżultati tajbin, u hekk għamlu wkoll ħutek spiritwali. (Kolossin 3:8-14) Għalhekk, meta tissieħeb maʼ kongregazzjoni tax-Xhieda taʼ Ġeħova, int tkun maʼ nies li saru jħobbu l-paċi iktar u iktar pjaċevoli. Le, għadhom m’humiex perfetti, imma żgur li ma tistax tiddeskrivihom bħala ljuni salvaġġi jew bhejjem feroċi. (Isaija 35:9) X’tindika din is-sħubija paċifika u spiritwali? Jidher ċar li aħna ngawdu kundizzjoni spiritwali li nistgħu b’mod xieraq insejħulha ġenna spiritwali. U l-ġenna spiritwali tagħna tiffigura bil-quddiem il-ġenna taʼ l-art li se ngawdu jekk nibqgħu leali lejn Alla.
12, 13. Xi rridu nagħmlu biex nibqgħu fil-ġenna spiritwali tagħna?
12 Xorta waħda, għad hemm xi ħaġa li ma nistgħux ninjorawha. Alla qal lill-Iżraelin: “Ħarsu kull ma nordnalkom jien illum, sabiex titqawwew, u tidħlu u tieħdu f’idejkom l-art.” (Dewteronomju 11:8) F’Levitiku 20:22, 24 tissemma l-istess art: “Ħarsu l-liġijiet tiegħi kollha u d-digrieti tiegħi kollha, u agħmluhom, li ma tobżoqkomx ’il barra l-art li fiha jien se neħodkom biex tgħammru fiha. Imma lilkom ngħidilkom: Intom tirtu l-art tagħhom u jien nagħtihielkom biex tirtuha, art tnixxi ħalib u għasel.” Iva, biex jieħdu taħt idejhom l-Art Imwiegħda ried ikollhom relazzjoni tajba m’Alla Ġeħova. Minħabba li l-Iżraelin m’obdewhx, Alla ħalla lill-Babiloniżi jirbħulhom u jneħħuhom minn arthom.
13 Hemm ħafna affarijiet li nistgħu nitgħaxxqu bihom fil-ġenna spiritwali tagħna. L-ambjent ipaxxi l-għajn u jserraħ lil dak li jkun. Aħna ninsabu fis-sliem maʼ Kristjani li ħadmu biex ineħħu karatteristiċi annimalistiċi. Huma qed iħabirku biex juru qalb tajba u jkunu t’għajnuna. Xorta waħda, biex nibqgħu fil-ġenna spiritwali tagħna għandna bżonn iktar minn sempliċi relazzjoni tajba maʼ dawn in-nies. Neħtieġu li jkollna relazzjoni tajba maʼ Ġeħova u nagħmlu r-rieda tiegħu. (Mikea 6:8) Dħalna f’din il-ġenna spiritwali minn jeddna, imma malajr nistgħu ninġarru mal-kurrent—nintefgħu ’l barra—jekk ma naħdmux biex nippreservaw ir-relazzjoni tagħna m’Alla.
14. X’se jgħinna nibqgħu fil-ġenna spiritwali?
14 Fattur importanti li se jgħinna hu li nkomplu nissaħħu bil-Kelma t’Alla. Innota l-lingwa figurattiva f’Salm 1:1-3: “Hieni l-bniedem li ma jimxix fuq il-parir tal-ħżiena . . . imma fil-liġi tal-Mulej hi l-għaxqa tiegħu, lejl u nhar jaħseb fil-liġi tiegħu. Hu bħal siġra mħawwla ħdejn nixxigħat taʼ l-ilma li tagħmel il-frott fi żmienha, u l-weraq tagħha ma jidbielx; hu jirnexxi f’kull ma jagħmel.” Barra minn hekk, il-pubblikazzjonijiet ibbażati mill-Bibbja tal-klassi taʼ l-ilsir leali u għaqli jipprovdu ikel spiritwali fil-ġenna spiritwali.—Mattew 24:45-47.
Saħħaħ il-Ħarsa Tiegħek dwar il-Ġenna
15. Mosè għala ma setax imexxi lill-Iżraelin għal ġo l-Art Imwiegħda, imma x’ra?
15 Ikkunsidra dehra bil-quddiem oħra tal-Ġenna. Wara li Iżrael dam jiġġerra fix-xagħri għal 40 sena, Mosè mexxieh lejn il-Witat taʼ Mowab, fil-lvant tax-Xmara Ġordan. Minħabba ċertu nuqqas min-naħa taʼ Mosè, Ġeħova ddetermina li Mosè ma kienx se jmexxi lil Iżrael għan-naħa l-oħra tal-Ġordan. (Numri 20:7-12; 27:12, 13) Mosè talab bil-ħniena lil Alla: “Ħa naqsam in-naħa l-oħra u nara din l-art tajba li qiegħda n-naħa l-oħra tal-Ġordan.” Avolja ma kienx se jidħol fiha, wara li niżel mill-Muntanja Pisga u ra diversi partijiet minn din l-art, Mosè żgur li rrealizza kemm kienet “art tajba.” Kif taħseb li kienet dik l-art?—Dewteronomju 3:25-27.
16, 17. (a) L-Art Imwiegħda b’liema mod hija differenti llum minn kif kienet fil-qedem? (b) Għala nistgħu nemmnu li darba l-Art Imwiegħda kienet bħal ġenna?
16 Jekk tibbaża l-opinjoni tiegħek fuq il-kundizzjoni tar-reġjun f’dawn l-aħħar snin, għandek mnejn timmaġinah bħala art niexfa kollha ramel, b’deżert mimli blat, u xemx tikwi. Madankollu, għandna għalxiex nikkonkludu li bħala reġjun kien differenti ħafna fiż-żminijiet tal-Bibbja. Fil-ġurnal Scientific American, l-espert fuq l-ilma u l-ħamrija, Dr. Walter C. Lowdermilk spjega li l-art f’dan ir-reġjun “tħassret minħabba l-abbuż li seħħ f’dawn l-aħħar elf sena.” Hu kiteb: “Id-‘deżert’ li issa ħa post l-art li darba kienet tiffjorixxi kkaġunah il-bniedem u mhux in-natura.” Fil-fatt, l-istudji tiegħu indikaw li “din l-art darba kienet ġenna naturali mill-isbaħ.” Allura, jidher ċar li l-abbuż mill-bnedmin ħassar dik li darba kienet “ġenna naturali mill-isbaħ.”a
17 Meta tirrifletti dwar dak li tkun qrajt mill-Bibbja, tistaʼ tinduna kemm hi loġika din il-konklużjoni. Ftakar f’dak li Ġeħova żgura lill-poplu permezz taʼ Mosè: “L-art li int se tgħaddi għaliha biex teħodha f’idejk hi art miżgħuda bil-muntanji u lwidien; art li tixrob l-ilma tax-xita mis-smewwiet; art li jieħu ħsiebha l-Mulej.”—Dewteronomju 11:8-12.
18. L-iskrittura f’Isaija 35:1, 2 (35:2, NW) kif tathom idea lill-Iżraelin eżiljati taʼ kif kienet se tkun l-Art Imwiegħda?
18 Il-ġmiel tal-ħdura kif ukoll il-frott li kienet tagħmel l-Art Imwiegħda tant kienu jispikkaw li l-fatt li jissemmew ċerti postijiet kien iġibilhom f’moħħhom kundizzjonijiet bħal taʼ ġenna. Dan jidher ċar fil-profezija taʼ Isaija kapitlu 35, li kellha l-ewwel twettiq meta l-Iżraelin irritornaw minn Babilonja. Isaija bassar: “Ħa jwarrad bħar-ranġis. Ħa tifraħ fuq li tifraħ, taqbeż u tgħanni. Sebħ il-Libanu jingħata lilha, il-ġmiel tal-Karmel u taʼ Saron. Għad jaraw is-sebħ tal-Mulej, il-ġmiel taʼ Alla tagħna.” (Isaija 35:1, 2 [35:2, NW]) Ir-referenzi għal-Libanu, il-Karmel, u Saron bilfors li ġabu f’moħħ l-Iżraelin stampa mill-isbaħ u taʼ sodisfazzjon kbir.
19, 20. (a) Iddeskrivi l-inħawi taʼ Saron tal-qedem. (b) Liema hu mod wieħed kif insaħħu t-tama tagħna fil-Ġenna?
19 Ikkunsidra lil Saron, wita mal-baħar bejn l-għoljiet tas-Samarija u l-Baħar il-Kbir, jew il-Mediterran. (Ara r-ritratt f’paġna 10.) Din kienet magħrufa għall-ġmiel tagħha u għall-fatt li kienet art għammiela. Peress li kellha rabaʼ saqwi, kienet ideali għall-mergħat, imma din kellha foresti taʼ siġar tal-ballut fil-partijiet tat-tramuntana. (1Kronaki 27:29; Għanja taʼ l-Għanjiet 2:1; Isaija 65:10) Għalhekk, f’Isaija 35:1, 2 (35:2, NW) hemm imbassar restawrazzjoni u art li tiffjorixxi bil-ġmiel li ssir bħal ġenna. Din il-profezija kienet ukoll qed tipponta lejn ġenna spiritwali mill-isbaħ, fi qbil maʼ dak li ra Pawlu iktar tard fil-viżjoni. Fl-aħħar, din il-profezija, flimkien maʼ profeziji oħra, issaħħaħ it-tama tagħna f’ġenna taʼ l-art għall-bnedmin.
20 Hekk kif ngħammru fil-ġenna spiritwali tagħna, nistgħu nsiru napprezzawha iktar u nsaħħu t-tama tagħna taʼ Ġenna fuq l-art. Kif? Billi nkabbru l-fehma tagħna dwar dak li naqraw fil-Bibbja. Id-deskrizzjonijiet fil-Bibbja u l-profeziji spiss isemmu postijiet speċifiċi. Tixtieq tifhem aħjar fejn kienu dawn il-postijiet u x’konnessjoni kellhom maʼ referenzi ġeografiċi oħra? Fl-artiklu li jmiss, se nikkunsidraw kif int tistaʼ tibbenefika meta tagħmel dan.
[Nota taʼ taħt]
a Denis Baly f’The Geography of the Bible jgħid: “Il-mod kif jikbru l-ħaxix u s-siġar inbidel bil-kbir miż-żminijiet Bibliċi sa llum.” Għal liema raġuni? “Il-bniedem ried l-injam biex jaħarqu u għall-bini, u għalhekk . . . beda jqaċċat is-siġar, u b’hekk l-art ġiet esposta għat-temp aħrax. Minħabba dan l-indħil fl-ambjent, il-klima . . . bdiet tinbidel bil-mod il-mod sakemm saret waħda mill-iktar affarijiet li jikkaġunaw ħsara lill-ambjent.”
Tiftakar Int?
• Liema “ġenna” ra l-appostlu Pawlu fil-viżjoni?
• Isaija kapitlu 35 kellu liema twettiq fil-bidu, u dan kif inhu marbut maʼ dak li ra Pawlu fil-viżjoni?
• Kif nistgħu nkabbru l-apprezzament għall-ġenna spiritwali tagħna u nsaħħu t-tama li għandna fil-ġenna taʼ l-art?
[Stampa f’paġna 10]
Il-Wita taʼ Saron, post għammiel fl-Art Imwiegħda
[Sors]
Pictorial Archive (Near Eastern History) Est.
[Stampa f’paġna 12]
Mosè jirrealizza li kienet “art tajba”