Niksbu r-Rebħa fuq id-Dgħjufija Umana
“Li titfaʼ ħsiebek fuq il-laħam [jew, il-ġisem] ifisser mewt.”—RUMANI 8:6, NW.
1. Xi wħud kif iħarsu lejn il-ġisem uman, u liema mistoqsija jixraq li nikkunsidraw?
“NRODDLOK ħajr, għax b’mod taʼ l-għaġeb għamiltni.” (Salm 139:14) Hekk kanta s-salmista David waqt li ħaseb dwar il-ġisem uman, minn fost l-affarijiet kollha li ħalaq Jehovah. Minflok ma jagħtu dan it-tifħir mistħoqq, xi għalliema reliġjużi jqisu l-ġisem bħala moħba u strument tad-dnub. Issejjaħ il-mantar taʼ l-injoranza, il-pedament tal-vizzju, il-ktajjen tal-korruzzjoni, iċ-ċella mudlama, il-mejjet ħaj, u l-qabar miftuħ. Veru li l-appostlu Pawlu qal: “It-tajjeb ma jgħammarx fija, jiġifieri f’ġismi.” (Rumani 7:18) Imma jfisser dan li aħna maqbudin bla tama taʼ xejn f’ġisem midneb?
2. (a) X’ifisser “li titfaʼ ħsiebek fuq il-laħam”? (b) Liema konflitt bejn “il-laħam” u “l-ispirtu” jseħħ fin-nies li jixtiequ jogħġbu ’l Alla?
2 Xi drabi l-Iskrittura tirreferi għall-ġisem uman bħala “laħam.” (1 Slaten 21:27) Tuża wkoll “laħam” biex tirrappreżenta l-bniedem fl-istat imperfett tiegħu bħala dixxendent midneb tar-ribelluż Adam. (Efesin 2:3, NW; Salm 51:7 [51:5, NW]; Rumani 5:12) Il-wirt li għaddielna pproduċa fina ‘natura dgħajfa.’ (Rumani 6:19) U Pawlu wissa: “Li titfaʼ ħsiebek fuq il-laħam ifisser mewt.” (Rumani 8:6, NW) Meta “titfaʼ ħsiebek fuq il-laħam” ifisser li tkun kontrollat u mqanqal mix-xewqat tal-laħam midneb. (1 Ġwann 2:16) Għalhekk, jekk qed nipprovaw nogħġbu lil Alla, għandna konflitt kontinwu bejn l-ispiritwalità tagħna u n-natura midinba tagħna li bla ma taqtaʼ xejn tagħmel pressjoni fuqna biex inwettqu “l-għemejjel tal-ġisem.” (Galatin 5:17-23; 1 Pietru 2:11) Wara li jiddeskrivi din it-taqbida taʼ wġigħ ġewwa fih, Pawlu stqarr: “Msejken bniedem li jien! Min se jeħlisni minn dan il-ġisem tal-mewt?” (Rumani 7:24) Kien Pawlu vittma bla difiża taħt it-tentazzjoni? Il-Bibbja turi ċar li dan ma kienx il-każ.
Ir-Realtà tat-Tentazzjoni u d-Dnub
3. Ħafna kif iqisuhom id-dnub u t-tentazzjoni, imma l-Bibbja kif twissina dwar attitudni bħal din?
3 Ħafna llum m’għadhomx taʼ l-idea li d-dnub jeżisti. Xi wħud jiċċajtaw dwar id-dnub bħallikieku din xi kelma antikwata li tiddeskrivi d-difetti umani. Dawn ma jirrealizzawx li “jeħtieġ li lkoll kemm aħna nidhru quddiem it-tribunal taʼ Kristu, ħalli kulħadd jieħu skond it-tajjeb jew il-ħażin li jkun għamel meta kien għadu ħaj fil-ġisem.” (2 Korintin 5:10) Oħrajn biex jitkessħu forsi jgħidu: “Jien xejn ma jwaqqagħni ħlief it-tentazzjoni!” Xi nies jgħixu f’kultura fejn kulħadd iħoss li għandu jissodisfa lilu nnifsu minnufih, sew jekk inhu f’ikel, sess, pjaċir, jew ambizzjoni. Mhux talli jridu kollox, talli jriduh dak il-ħin stess! (Luqa 15:12) Biex jiksbu l-pjaċir tal-mument, dawn ma jħarsux lejn il-ferħ li se ġġib “il-ħajja vera” fil-futur. (1 Timotju 6:19) Madankollu, il-Bibbja tgħallimna biex naħsbuha sew u nħarsu fit-tul, waqt li nżommu ’l bogħod minn kwalunkwe ħaġa li tistaʼ tkun taʼ ħsara għalina spiritwalment jew b’xi mod ieħor. Proverbju mnebbaħ jgħid: “Min hu bil-għaqal jara l-għawġ u jwarrab; min moħħu ħafif jidħol fih u jħallas għalih.”—Proverbji 27:12.
4. Pawlu liema twissija ta fl-1 Korintin 10:12, 13?
4 Meta kiteb lill-Kristjani li kienu jgħixu f’Korintu, belt magħrufa għat-taħsir morali li kien fiha, Pawlu ta twissija realistika dwar it-tentazzjoni u l-qawwa tad-dnub. Hu qal: “Min jidhirlu li hu wieqaf, joqgħod attent li ma jaqax. S’issa ebda tiġrib ma laħaqkom li bniedem ma jiflaħx għalih; Alla hu fidil u ma jħallikomx tiġġarrbu aktar milli tifilħu; jaħseb li mat-tiġrib jagħtikom il-qawwa u l-għajnuna biex tkunu tifilħu għalih.” (1 Korintin 10:12, 13) Aħna lkoll, żgħar u kbar, irġiel u nisa, niltaqgħu maʼ ħafna tentazzjonijiet l-iskola, fuq ix-xogħol, jew fejn inkunu. Għalhekk ejja niflu l-kliem taʼ Pawlu u naraw x’tifsir għandu għalina.
Tafdax Iżżejjed Fik Innifsek
5. Għala nkunu qed nilagħbu man-nar jekk nafdaw iżżejjed fina nfusna?
5 Pawlu qal: “Min jidhirlu li hu wieqaf, joqgħod attent li ma jaqax.” Meta nafdaw iżżejjed fis-saħħa morali tagħna nkunu qed nilagħbu man-nar. Inkunu qed nuru li ma nifhmux biżżejjed dwar il-qawwa u n-natura tad-dnub. Ladarba nies bħal Mosè, David, Salamun, u l-appostlu Pietru waqgħu fid-dnub, għandna naħsbu li dan ma jistax jiġri lilna? (Numri 20:2-13; 2 Samwel 11:1-27; 1 Slaten 11:1-6; Mattew 26:69-75) “L-għaref jaħsibha sewwa u jitbiegħed mid-deni, imma l-iblah jibqaʼ għaddej moħħu mistrieħ,” jgħid Proverbji 14:16. Iktar minn hekk, Ġesù qal: “L-ispirtu, iva, irid; imma l-ġisem dgħajjef.” (Mattew 26:41) Ladarba l-ebda bniedem imperfett m’hu meħlus minn xewqat korrotti, irridu niħduha bis-serjetà t-twissija taʼ Pawlu u nirreżistu t-tentazzjoni, għax inkella nissograw li naqgħu.—Ġeremija 17:9.
6. Meta u kif għandna nippreparaw għat-tentazzjoni?
6 Huwa għaqli li nippreparaw għall-inkwiet li jistaʼ jiġi fuqna ħabta u sabta. Is-Sultan Asa rrealizza li l-aħjar żmien biex jibni d-difiżi tiegħu kien matul perijodu taʼ paċi. (2 Kronaki 14:1, 5, 6 [14:2, 6, 7, NW]) Kien jaf li mbagħad kien se jkun tard wisq jekk jipprepara meta jiġi attakkat. Bl-istess mod, deċiżjonijiet dwar x’se nagħmlu meta niġu ttantati jittieħdu l-aħjar meta ma nkunux taħt pressjoni, f’mumenti meta nkunu kalmi u kwieti. (Salm 63:7 [63:6, NW]) Danjel u ħbiebu li kienu jibżgħu minn Alla ħadu d-deċiżjoni tagħhom li jkunu leali lejn il-liġi taʼ Jehovah qabel ma ġew taħt pressjoni biex jieklu l-ikel bnin tas-sultan. Għaldaqstant, ma qagħdux itellgħu u jniżżlu jekk jiklux minn ikel imniġġes, imma żammew sod mat-twemmin tagħhom. (Danjel 1:8) Qabel ma niġu f’sitwazzjonijiet li jħajruna għat-tentazzjoni, ejja nsaħħu d-determinazzjoni tagħna li nibqgħu ndaf moralment. Imbagħad inkunu kapaċi nirreżistu d-dnub.
7. Għala huwa taʼ faraġ li nkunu nafu li oħrajn irnexxielhom jirreżistu t-tentazzjoni?
7 Kemm niksbu faraġ mill-kliem taʼ Pawlu: “Ebda tiġrib ma laħaqkom li bniedem ma jiflaħx għalih”! (1 Korintin 10:13) L-appostlu Pietru kiteb: “Iqfulu [lix-Xitan], sħaħ fil-fidi. Intom tafu li ħutkom, mxerrdin fid-dinja, qegħdin jaqsmu magħkom l-istess tbatijiet tagħkom.” (1 Pietru 5:9) Iva, kien hemm oħrajn li ffaċċjaw tentazzjonijiet simili u rnexxielhom jirreżistuhom bl-għajnuna t’Alla, u hekk nistgħu nagħmlu aħna. Madankollu, bħala Kristjani veri li qed ngħixu f’dinja mħassra, ilkoll kemm aħna nistgħu nistennew li niġu ttantati llum jew għada. Allura, kif nistgħu nkunu fiduċjużi li nistgħu nirbħu d-dgħjufija umana u t-tentazzjoni biex nidinbu?
Nistgħu Nirreżistu t-Tentazzjoni!
8. Liema hu mod bażiku biex nevitaw it-tentazzjoni?
8 Mod bażiku biex “ma nkunux aktar ilsiera tad-dnub” huwa li nevitaw it-tentazzjoni meta jkun possibbli. (Rumani 6:6) Proverbji 4:14, 15 iħeġġiġna: “Taqbadx il-mogħdija tal-ħżiena, timxix fit-triq taʼ min jagħmel id-deni. Aħrabha, tgħaddix minnha; mur fuq naħa oħra, u ibqaʼ sejjer.” Taʼ spiss inkunu nafu minn qabel jekk ċertu ċirkustanzi jwassluniex għad-dnub jew le. Għalhekk, il-ħaġa ovvja li għandna nagħmlu bħala Kristjani hi li ‘nibqgħu sejrin,’ billi nżommu ’l bogħod minn kwalunkwe persuna, kwalunkwe ħaġa jew kwalunkwe post li jistgħu jkebbsu fina xewqat ħżiena u nsiru ħuġġieġa waħda b’passjonijiet imniġġsa.
9. L-Iskrittura kif tenfasizzalna li għandna naħarbu minn sitwazzjonijiet li jistgħu jwaqqgħuna fid-dnub?
9 Li naħarbu minn xi sitwazzjoni li tistaʼ twaqqagħna fid-dnub huwa pass bażiku ieħor biex nirbħu t-tentazzjoni. Pawlu wissa: “Aħarbu ż-żína.” (1 Korintin 6:18) U kiteb: “Aħarbu l-allat foloz.” (1 Korintin 10:14) L-appostlu wissa wkoll lil Timotju biex jaħrab minn xi xewqat eċċessivi għall-għana materjali, kif ukoll mill-“ġibdiet taż-żgħożija.”—2 Timotju 2:22; 1 Timotju 6:9-11.
10. Liema żewġ eżempji opposti juru kemm hu importanti li naħarbu mit-tentazzjoni?
10 Ikkunsidra l-każ tas-Sultan David taʼ Iżrael. Waqt li kien qed jittawwal minn fuq il-bejt tal-palazz tiegħu, lemaħ mara sabiħa tinħasel, u qalbu mtliet b’xewqat ħżiena. Hu kien imissu telaq minn fuq il-bejt u ħarab mit-tentazzjoni. Minflok, staqsa min kienet dik il-mara—Batseba—u r-riżultat kien diżastruż. (2 Samwel 11:1–12:23) Mill-banda l-oħra, Ġużeppi kif aġixxa meta l-mara żienja taʼ sidu ħeġġitu biex ikollu x’jaqsam magħha? Ir-rakkont jgħidilna: “Għalkemm hi kienet tkellem hekk lil Ġużeppi jum wara l-ieħor hu qatt ma samaʼ minnha li jimtedd maʼ ġenbha jew li joqgħod magħha.” Anki mingħajr il-kmandamenti fil-Liġi taʼ Mosè, li kien għadhom ma ngħatawx, Ġużeppi weġibha u qal: “Kif nistaʼ nagħmel dan il-ħażen hekk kbir u nidneb kontra Alla?” Darba minnhom qabditu minn ħwejġu u qaltlu: “Mtedd miegħi”! Qagħad Ġużeppi jipprova jirraġuna magħha? Le. Hu “ħarab u ħareġ ’il barra.” Ġużeppi ma ħalliex lilu nnifsu jintrebaħ mit-tentazzjoni sesswali. Hu ħarab!—Ġenesi 39:7-16.
11. X’nistgħu nagħmlu jekk qed ikollna xi tentazzjoni li tiġi quddiemna kontinwament?
11 Il-fatt li wieħed jaħrab xi drabi jitqies bħala azzjoni beżżiegħa, imma taʼ spiss l-iktar deċiżjoni għaqlija li nistgħu nieħdu hi li nwarrbu lilna nfusna mis-sitwazzjoni. Forsi fuq ix-xogħol qed ikollna xi tentazzjoni li tiġi quddiemna kontinwament. Għalkemm forsi ma nistgħux insibu xogħol ieħor, jistaʼ jkun hemm modi oħrajn kif inwarrbu lilna nfusna minn ċirkustanzi li jħajruna għat-tentazzjoni. Hemm bżonn li naħarbu minn kwalunkwe ħaġa li nafu li hi ħażina, u għandna nkunu determinati li nagħmlu biss it-tajjeb. (Għamos 5:15) Xi drabi oħra, li naħarbu mit-tentazzjoni forsi jitlob li nevitaw il-pornografija fuq l-Internet u postijiet dubjużi taʼ divertiment. Forsi jkun ifisser li nwarrbu xi rivista jew li nibdew nagħmluha maʼ grupp taʼ ħbieb differenti—ħbieb li jħobbu ’l Alla u li forsi jistgħu jgħinuna. (Proverbji 13:20) Inkunu għaqlin jekk b’determinazzjoni nwarrbu kwalunkwe ħaġa li tittantana biex nidinbu.—Rumani 12:9.
Kif it-Talb Jistaʼ Jgħin
12. X’inkunu qed nitolbuh lil Alla meta ngħidulu “la ddaħħalniex fit-tiġrib”?
12 Pawlu jiżgurana b’dan il-kliem inkuraġġanti: “S’issa ebda tiġrib ma laħaqkom li bniedem ma jiflaħx għalih; Alla hu fidil u ma jħallikomx tiġġarrbu aktar milli tifilħu; jaħseb li mat-tiġrib jagħtikom il-qawwa u l-għajnuna biex tkunu tifilħu għalih.” (1 Korintin 10:13) Mod wieħed kif Jehovah jgħinna hu billi jwieġeb it-talb tagħna għall-għajnuna tiegħu biex inkampaw mat-tentazzjoni. Ġesù Kristu għallimna nitolbu hekk: “U la ddaħħalniex fit-tiġrib, iżda eħlisna mid-deni.” (Mattew 6:13) Jehovah jwieġeb talb mill-qalb bħal dan u ma jabbandunaniex meta niġu ttantati. Hu jeħlisna minn Satana u mill-makakkeriji tiegħu. (Efesin 6:11) Għandna nitolbu ’l Alla biex jgħinna nindunaw meta niġu ttantati u biex ikollna s-saħħa nirreżistu. Jekk nitolbuh bil-ħniena biex ma jħalliniex naqgħu fit-tentazzjoni, hu se jgħinna biex ma nintrebħux minn Satana, l-iktar wieħed mill-agħar.
13. X’għandna nagħmlu meta niffaċċjaw xi tentazzjoni persistenti?
13 Ikollna bżonn nitolbu bil-ħrara speċjalment meta niffaċċjaw tentazzjoni persistenti. Xi tentazzjonijiet jistgħu jqajmu fina taqbida qawwija mal-ħsibijiet u l-attitudnijiet tagħna u dan iġagħalna niftakru kemm aħna tassew dgħajfin. (Salm 51:7 [51:5, NW]) Per eżempju, x’nistgħu nagħmlu jekk niġu turmentati minn memorji taʼ xi vizzju ħażin li kellna qabel? Xi ngħidu jekk niġu ttantati biex nerġgħu naqgħu fih? Minflok ma tipprova sempliċement tikkontrolla s-sentimenti tiegħek, mur għand Jehovah bit-talb, ripetutament jekk ikun hemm bżonn. (Salm 55:22, Karm Żammit) Bil-qawwa tal-Kelma u taʼ l-ispirtu qaddis tiegħu, hu jistaʼ jgħinna nnaddfu moħħna minn ġibdiet midinba.—Salm 19:9, 10 [19:8, 9, NW].
14. It-talb għala huwa essenzjali biex inkampaw mat-tentazzjoni?
14 Fil-ġnien tal-Ġetsemani, meta Ġesù ra li l-appostli kienu bi ngħas, hu ħeġġiġhom: “Ishru u itolbu biex ma tidħlux fit-tiġrib. L-ispirtu, iva, irid; imma l-ġisem dgħajjef.” (Mattew 26:41) Mod wieħed kif negħlbu t-tentazzjoni hu li noqogħdu attenti għax din tistaʼ tiġi f’għamliet differenti. Tajjeb ukoll li nindunaw biha qabel ma tidħol fin fin. Huwa vitali li nitolbu dwar it-tentazzjoni bla dewmien sabiex inkunu mgħammrin spiritwalment biex niġġildulha. Peress li t-tentazzjoni tattakkana fejn aħna l-iktar dgħajfin, ma nistgħux nirreżistuha waħedna. It-talb huwa essenzjali, għaliex il-qawwa li Alla jagħtina tistaʼ ssaħħaħ id-difiża tagħna kontra Satana. (Filippin 4:6, 7) Forsi jkollna bżonn ukoll l-għajnuna spiritwali u t-talb taʼ l-anzjani tal-kongregazzjoni.—Ġakbu 5:13-18.
Ħu Azzjoni biex Tirreżisti t-Tentazzjoni
15. X’hemm involut f’li nirreżistu t-tentazzjoni?
15 Minbarra li nevitawha fejn hu possibbli, irridu nieħdu azzjoni biex nirreżistu t-tentazzjoni sakemm din tgħaddi jew tinbidel is-sitwazzjoni. Meta ġie ttantat minn Satana, Ġesù rreżista sakemm ix-Xitan telqu. (Mattew 4:1-11) Id-dixxiplu Ġakbu kiteb: “Ieqfu lix-xitan, u hu jaħrab minnkom.” (Ġakbu 4:7) Ir-reżistenza tibda billi nsaħħu lil moħħna bil-Kelma t’Alla u nkunu determinati li nimxu mal-livelli tiegħu. Nagħmlu tajjeb jekk nitgħallmu bl-amment versi ewlenin mill-Iskrittura li jittrattaw dwar id-dgħjufija partikulari tagħna u nimmeditaw fuqhom. Ikun għaqli jekk insibu xi Kristjan matur, forsi xi anzjan, li miegħu nistgħu niftħu qalbna u li nistgħu nitolbuh l-għajnuna meta tiġi fuqna t-tentazzjoni.—Proverbji 22:17.
16. Kif nistgħu nibqgħu ndaf moralment?
16 L-Iskrittura tħeġġiġna biex nilbsu l-personalità l-ġdida. (Efesin 4:24) Dan ifisser li nħallu lil Jehovah jsawwarna u jbiddilna. Pawlu kiteb u qal lil Timotju, il-ħaddiem sieħbu: “Fittex li jkollok il-ġustizzja, it-tjieba, il-fidi, l-imħabba, is-sabar, il-ħlewwa. Tqabad it-taqbida t-tajba tal-fidi; qis li tirbaħ il-ħajja taʼ dejjem li għaliha kont imsejjaħ.” (1 Timotju 6:11, 12) Nistgħu ‘nfittxu li jkollna l-ġustizzja’ billi nistudjaw bil-għaqal il-Kelma t’Alla sabiex insiru nafu sew il-personalità tiegħu u mbagħad billi nġibu ruħna skond il-ħtiġijiet tiegħu. Vitali wkoll hija skeda mimlija b’attivitajiet Kristjani, bħal li nippridkaw l-aħbar tajba u li nattendu l-laqgħat. Jekk nibnu relazzjoni mill-qrib m’Alla u nieħdu vantaġġ sħiħ mill-provvedimenti spiritwali tiegħu se nikbru spiritwalment u nibqgħu ndaf moralment.—Ġakbu 4:8.
17. Kif nafu li Alla mhux se jitlaqna meta niffaċċjaw xi tentazzjoni?
17 Pawlu jiżgurana li Alla jagħtina l-abbiltà biex negħlbu kwalunkwe tentazzjoni li nistgħu nġarrbu. Jehovah ‘jaħseb biex mat-tiġrib jagħtina l-qawwa u l-għajnuna biex inkunu nifilħu għalih.’ (1 Korintin 10:13) Tabilħaqq, jekk nibqgħu nistrieħu fuqu, Alla mhux se jħalli li xi tentazzjoni ssir tant estrema li ma jkollniex biżżejjed saħħa spiritwali biex inżommu l-integrità tagħna. Hu jridna nirnexxu u nieħdu azzjoni biex nirreżistu t-tentazzjoni li nagħmlu dak li hu ħażin f’għajnejh. Iktar minn hekk, jistaʼ jkollna fiduċja fil-wegħda tiegħu: “Jien m’iniex se nħallik, anqas nitilqek.”—Lhud 13:5.
18. Għala nistgħu nkunu ċerti mir-rebħa fuq id-dgħjufija umana?
18 Pawlu kien ċert dwar ir-riżultat tal-ġlieda persunali tiegħu kontra d-dgħjufija umana. Hu ma qiesx lilu nnifsu bħala vittma msejkna u bla saħħa tax-xewqat taʼ ġismu. Għall-kuntrarju, hu qal: “Jien issa hekk niġri, mhux qisni bl-addoċċ; ma nissarax bħallikieku qiegħed nagħti fil-vojt. Iżda ngħakkes bl-aħrax lil ġismi u njassru, biex ma jiġrilix li, wara li nkun ippridkajt lil ħaddieħor, jiena stess insib ruħi kkundannat.” (1 Korintin 9:26, 27) Aħna wkoll jistaʼ jkollna suċċess fil-ġlieda tagħna kontra l-ġisem imperfett. Permezz taʼ l-Iskrittura, letteratura bbażata fuq il-Bibbja, laqgħat Kristjani, u sħubija maʼ Kristjani maturi, Missierna tas-sema kollu mħabba jipprovdilna tfakkiriet kontinwi li jgħinuna nimxu fis-sewwa. Bl-għajnuna tiegħu nistgħu niksbu r-rebħa fuq id-dgħjufija umana!
Tiftakar Int?
• X’ifisser li “titfaʼ ħsiebek fuq il-laħam”?
• Kif nistgħu nippreparaw għat-tentazzjoni?
• X’nistgħu nagħmlu biex inkampaw mat-tentazzjoni?
• X’parti għandu t-talb meta niġu biex negħlbu t-tentazzjoni?
• Kif nafu li huwa possibbli li niksbu r-rebħa fuq id-dgħjufija umana?
[Stampi f’paġna 10]
Il-Bibbja ma tgħallimx li aħna vittmi bla saħħa tax-xewqat taʼ ġisimna
[Stampa f’paġna 12]
Li taħrab mit-tentazzjoni hu mod bażiku kif tevita d-dnub