ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 29
GĦANJA 121 Neħtieġu r-rażan
Ibqaʼ Attent Biex Qatt Ma Taqaʼ fit-Tentazzjoni
“Ibqgħu għassa u itolbu kontinwament, ħalli ma taqgħux fit-tentazzjoni.”—MT. 26:41.
DAK LI SE NITGĦALLMU
Dan l-artiklu ħa jfakkarna kemm hu importanti li nagħmlu kulma nistgħu biex ma nagħmlux dnub. Ħa jurina wkoll kemm irridu noqogħdu attenti li ma nagħmlux affarijiet li jistgħu jwassluna biex nagħmlu dnub.
1-2. (a) Ġesù xi twissija tahom lid-dixxipli? (b) Id-dixxipli għala telqu lil Ġesù? (Ara l-istampi.)
ĠESÙ qal lid-dixxipli tiegħu: “L-intenzjoni hi tajba, imma l-ġisem hu dgħajjef.”a (Mt. 26:41b) B’dan il-kliem hu kien qed juri li jaf li aħna imperfetti u se niżbaljaw. Imma fl-istess ħin qal dan biex juri kemm irridu noqogħdu attenti. Qatt m’għandna naħsbu li aħna b’saħħitna u mhux se niżbaljaw. Ftit sigħat qabel ma Ġesù qal dan il-kliem, id-dixxipli kienu wegħduh li qatt ma kienu se jitilquh. (Mt. 26:35) Ovvjament, huma riedu jagħmlu dak li hu sew. Imma ma kinux fehmu kemm jistaʼ jkun diffiċli biex jagħmlu dan meta tiġri xi ħaġa li ma kinux qed jistennewha. Allura Ġesù qalilhom: “Ibqgħu għassa u itolbu kontinwament, ħalli ma taqgħux fit-tentazzjoni.”—Mt. 26:41a.
2 B’dispjaċir, id-dixxipli m’għamlux dak li qalilhom Ġesù. Meta Ġesù ġie arrestat, minflok ma baqgħu miegħu huma beżgħu u ħarbu. Minħabba li ma qagħdux attenti, għamlu l-kontra taʼ dak li wiegħdu lil Ġesù, u telquh.—Mt. 26:56.
Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu biex joqogħdu attenti mit-tentazzjoni, imma huma xorta telquh (Ara paragrafi 1-2)
3. (a) Biex nibqgħu leali lejn Ġeħova għala qatt m’għandna naħsbu li aħna b’saħħitna? (b) X’se naraw f’dan l-artiklu?
3 M’għandniex naħsbu li dejjem ħa nkunu b’saħħitna biżżejjed u qatt mhu se niżbaljaw. Aħna għandna nkunu determinati biex dejjem nagħmlu lil Ġeħova ferħan. Imma peress li aħna imperfetti, faċilment nistgħu nitħajru biex nagħmlu dak li hu ħażin. (Rum. 5:12; 7:21-23) Xi kultant, mingħajr lanqas biss nindunaw tistaʼ tiġi tentazzjoni biex nagħmlu xi ħaġa ħażina. Allura biex nibqgħu leali lejn Ġeħova u ibnu rridu nobdu l-parir li Ġesù ta lid-dixxipli biex dejjem nibqgħu attenti. Dan l-artiklu se jgħinna nagħmlu hekk. L-ewwel, ħa naraw xi affarijiet u sitwazzjonijiet li rridu nibqgħu attenti għalihom biex ma naqgħux fit-tentazzjoni. It-tieni, se naraw kif irridu nipproteġu lilna nfusna mit-tentazzjoni. U t-tielet, se niddiskutu xi rridu nagħmlu biex dejjem nibqgħu attenti.
IBQAʼ ATTENT MINN DAK LI JĦAJREK L-IŻJED
4-5. Għala hu importanti li noqogħdu attenti anke minn dnubiet żgħar?
4 Hemm xi dnubiet li jidhru inqas gravi minn oħrajn, imma xorta jistgħu jagħmlu ħsara kbira lill-ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova. U dawn jistgħu jwassluna biex nagħmlu dnubiet ikbar.
5 Xi darba jew oħra, kollha kemm aħna se jkollna tentazzjoni biex nagħmlu xi ħaġa ħażina. Imma kulħadd ikollu xi affarijiet li jħajruh iktar minn affarijiet oħra. Pereżempju, xi aħwa jaf jiġu ttantati biex jagħmlu l-immoralità sesswali. Xi ħadd ieħor forsi jiġġieled biex ma jagħmilx xi ħaġa mhux nadifa bħall-masturbazzjoni jew jara l-pornografija. U jistaʼ jkun hemm oħrajn li qed jiġġieldu kontra li jirrabjaw malajr, li jkunu kburin, jew li ma jagħmlux dak li hu tajjeb għax jibżgħu min-nies. Dan kollu jaqbel maʼ dak li qal Ġakbu, jiġifieri li “kull bniedem jiġi provat billi jkun miġbud u mħajjar mix-xewqa tiegħu stess.”—Ġak. 1:14.
6. Dwar xiex irridu nkunu onesti?
6 Int taf x’inhi l-iktar ħaġa li tħajrek? Irridu noqogħdu attenti li qatt ma naħsbu li aħna b’saħħitna biżżejjed biex nirreżistu t-tentazzjoni. Jekk nagħmlu hekk nistgħu nispiċċaw ma nagħtux kas id-dgħufijiet tagħna. (1 Ġw. 1:8) Wara kollox, Pawlu qal li anke dawk li huma “maturi spiritwalment” jistgħu jaqgħu fit-tentazzjoni jekk ma joqogħdux attenti. (Gal. 6:1) Aħna rridu nkunu onesti magħna nfusna u naraw x’jistaʼ jwaqqagħna l-iktar.—2 Kor. 13:5.
7. Minn xiex irridu noqogħdu attenti l-iżjed? Agħti eżempju.
7 Xi trid tagħmel meta tkun taf x’jistaʼ jħajrek l-iktar? Trid taħdem iebes biex issir iktar b’saħħtek f’li tirreżisti dik it-tentazzjoni. Biex inġibu eżempju, fi żmien il-Bibbja l-iktar parti dgħajfa taʼ belt kienet tkun il-bibien tagħha. Allura kien ikun hemm iktar suldati hemmhekk. Aħna wkoll irridu noqogħdu attenti minn dak li nafu li jistaʼ jħajjarna l-iktar u naħdmu iebes biex insiru iktar b’saħħitna kontrih.—1 Kor. 9:27.
KIF TISTAʼ MA TAQAX GĦAT- TENTAZZJONI U TAGĦMEL DNUB
8-9. Iż-żagħżugħ li jsemmi Proverbji kapitlu 7 kif setaʼ jevita li jagħmel dnub serju? (Proverbji 7:8, 9, 13, 14, 21)
8 Kif nistgħu noqogħdu attenti u ma nagħmlux dnub? Nistgħu nitgħallmu dwar dan jekk naħsbu dwar l-eżempju taż-żagħżugħ li jsemmi Proverbji kapitlu 7. Vers 22 jgħid li hu mar “f’daqqa waħda” wara mara li kienet ħażina u waqaʼ fl-immoralità sesswali. Imma l-versi taʼ qabel juru li qabel ma ġara dan kollu kien ħa xi deċiżjonijiet li bil-mod il-mod wassluh biex jagħmel dnub.
9 Liż-żagħżugħ x’wasslu biex jagħmel dnub? L-ewwel ħaġa li għamel hi li filgħaxija għadda minn ħdejn it-triq taʼ dik il-mara ħażina. Imbagħad, hu “mexa lejn id-dar tagħha.” (Aqra Proverbji 7:8, 9.) Wara, meta ra lill-mara ma telaqx. Minflok, hu aċċetta li tbusu u qagħad jismagħha tgħidlu dwar is-sagrifiċċji li kienet għamlet. Hi forsi kellmitu dwar is-sagrifiċċji biex iġġiegħlu jaħseb li kienet mara tajba. (Aqra Proverbji 7:13, 14, 21.) Li kieku dak iż-żagħżugħ m’għamilx dawn l-affarijiet ma kienx jirriskja li tiġih tentazzjoni u jagħmel dnub.
10. Illum kif nistgħu nagħmlu l-istess żball bħaż-żagħżugħ taʼ Proverbji?
10 Dan ir-rakkont juri x’jistaʼ jiġri lil kull wieħed u waħda minna. Xi ħadd jistaʼ jagħmel dnub u wara jħoss li ġara kollox “f’daqqa waħda.” Jew forsi jgħid li mingħajr ma kien qed jistennieha ġiet tentazzjoni u waqaʼ. Imma jekk joqgħod jaħseb dwar x’ġara, wisq probabbli jinduna li kien għamel xi affarijiet jew ħa ċertu deċiżjonijiet li wassluh għad-dnub. Forsi jistaʼ jkun li kellu ħbieb li ma jħobbux lil Ġeħova jew mar f’xi postijiet jew f’xi websites li mhumiex tajbin għall-Kristjani. Jistaʼ jkun ukoll li waqaf jitlob, jaqra l-Bibbja, jattendi l-laqgħat, u jitkellem m’oħrajn dwar Ġeħova. Allura meta jagħmel dnub, forsi ma jkunx ġara f’daqqa waħda imma minħabba ħafna deċiżjonijiet ħżiena li jkun ħa.
11. Xi rridu nagħmlu biex ma naqgħux fid-dnub?
11 X’nistgħu nitgħallmu? Aħna ma rridux nevitaw id-dnub biss, imma rridu nevitaw li nagħmlu affarijiet li jistgħu jwassluna biex nagħmlu d-dnub. Dan jaqbel maʼ dak li qal Salamun wara li qal x’għamel iż-żagħżugħ. Salamun qal: “Tmurx warajha.” (Prov. 7:25) “Żomm ’il bogħod minnha; tmurx viċin id-dar tagħha.” (Prov. 5:3, 8) Aħna nevitaw li nagħmlu dnub billi nevitaw affarijiet u sitwazzjonijiet li jistgħu jwaqqgħuna.b Dan ifisser li jekk ikun hemm xi ħaġa li tistaʼ twassalna biex nagħmlu dnub, aħna ma nagħmluhiex anki jekk għall-Kristjani ma tkunx ħażina.—Mt. 5:29, 30.
12. Ġob x’deċiżjoni ħa, u kif għenitu biex ma jaqax fit-tentazzjoni? (Ġob 31:1)
12 Biex nevitaw sitwazzjonijiet li jwassluna għad-dnub irridu nieħdu deċiżjonijiet sodi minn qabel. Ġob hu eżempju tajjeb taʼ dan. Hu qal: “Jien għamilt wegħda miegħi nnifsi li bl-ebda mod ma nħares lejn mara oħra bi ħsieb ħażin.” (Aqra Ġob 31:1.) Billi jżomm maʼ dik id-deċiżjoni ma kienx se jagħmel adulterju. Aħna wkoll irridu niddeċiedu li nevitaw kull ħaġa li tistaʼ twassalna għat-tentazzjoni.
13. Għala rridu noqogħdu attenti dwar x’naħsbu? (Ara l-istampi.)
13 Irridu noqogħdu attenti dwar xiex naħsbu. (Eżo. 20:17) Xi nies jaħsbu li mbilli joqogħdu jimmaġinaw li qed jagħmlu xi ħaġa ħażina, sakemm ma jagħmluhiex, ma jkunu qed jagħmlu xejn ħażin. Imma dan hu perikoluż ħafna. Xi ħadd li jagħmel hekk, se jkabbar ix-xewqa tiegħu biex jagħmel dak li hu ħażin. Hu jkun qed iġib it-tentazzjoni b’idejh stess. Ovvjament, xi kultant se jiġu ħsibijiet ħżiena. Imma meta jiġri hekk importanti li nneħħu dawk il-ħsibijiet mill-ewwel, u nbiddluhom maʼ ħsibijiet tajbin. B’hekk, inkunu qed nipproteġu lilna nfusna milli nagħmlu d-dnub għax ma nħallux ħsieb ħażin isir xewqa qawwija.—Flp. 4:8; Kol. 3:2; Ġak. 1:13-15.
Irridu nevitaw kull ħaġa li tistaʼ twassalna għat-tentazzjoni (Ara paragrafu 13)
14. X’ħa jgħinna iktar biex ma naqgħux għat-tentazzjoni?
14 X’tistaʼ tagħmel iktar? Kun ċert li meta tobdi lil Ġeħova dejjem se jkun għall-ġid tiegħek. Mhuwiex dejjem faċli biex naħsbu u nagħmlu l-affarijiet kif jixtieq hu. Imma meta se tagħmel hekk, se jaqbillek għax se tkun ferħan.
15. Li jkollna xewqa kbira biex nagħmlu dak li hu tajjeb kif se jgħinna meta niġu ttantati?
15 Irridu nitgħallmu nkabbru x-xewqa li nagħmlu dak li hu tajjeb. Il-Bibbja tgħid li għandna ‘nobogħdu dak li hu ħażin, u nħobbu dak li hu tajjeb.’ (Għam. 5:15) Dan ħa jgħinna biex nevitaw sitwazzjonijiet li jistgħu jwassluna għad-dnub u nkunu determinati li nagħmlu t-tajjeb. Xewqat tajbin se jgħinuna ħafna wkoll meta jiġu tentazzjonijiet li ma nkunux qed nistennewhom.
16. Li nagħmlu affarijiet spiritwali kif jistaʼ jgħinna biex ma naqgħux fit-tentazzjoni? (Ara l-istampi.)
16 Imma kif nistgħu nkabbru x-xewqa biex nagħmlu dak li hu tajjeb? Irridu nagħmlu affarijiet li jagħmluna iktar ħbieb taʼ Ġeħova bħal li mmorru l-laqgħat u s-service. Meta moħħna jkun iffokat fuq affarijiet spiritwali m’aħniex ħa niġu ttantati faċilment. (Mt. 28:19, 20; Ebr. 10:24, 25) Jekk naqraw il-Bibbja u naħsbu sew dwar dak li nistudjaw se nħobbu iktar dak li hu tajjeb u nobogħdu dak li hu ħażin. (Ġoż. 1:8; Salm 1:2, 3; 119:97, 101) U tinsiex x’qal Ġesù lid-dixxipli tiegħu: “Itolbu kontinwament, ħalli ma taqgħux fit-tentazzjoni.” (Mt. 26:41) Meta nagħmlu hekk, Ġeħova se jkun jistaʼ jgħinna u ħa nkunu iktar determinati biex ma nagħmlux affarijiet li jweġġgħuh.—Ġak. 4:8.
Jekk kuljum nagħmlu affarijiet li jgħinuna nsiru iktar ħbieb taʼ Ġeħova se jgħinna biex ma naqgħux għat-tentazzjonijiet (Ara paragrafu 16)c
IBQAʼ GĦASSA
17. Pietru xi problema kellu?
17 Jistaʼ jkun li nsibuha faċli biex nieqfu nagħmlu xi affarijiet li ma jogħġbux lil Ġeħova. Imma jaf ikun hemm affarijiet oħrajn li jkun iktar diffiċli biex naqtgħuhom. Aħseb dwar l-eżempju tal-appostlu Pietru. Minħabba li beżaʼ min-nies hu qal li ma jafx lil Ġesù tliet darbiet wara xulxin. (Mt. 26:69-75) Imma Pietru deher li għeleb dik il-biżaʼ ftit ġimgħat wara għax b’kuraġġ tkellem dwar Ġesù quddiem is-Sinedriju. (Atti 5:27-29) Imma wara xi snin, dik il-biżaʼ li kellu reġgħet ġiet għax hu waqaf jiekol mal-Kristjani li ma kinux Lhud għax beżaʼ minn x’kienu ħa jaħsbu fuqu l-Kristjani li kienu Lhud. (Gal. 2:11, 12) Jistaʼ jkun li Pietru qatt ma rnexxielu jegħleb dik il-biżaʼ għalkollox.
18. X’jistaʼ jiġri jekk naħsbu li nkunu għelibna xi vizzju?
18 Kif jistaʼ jiġrilna l-istess bħal Pietru? Bħalu aħna jistaʼ jkollna niġġieldu ċertu dgħufija li naħsbu li kien irnexxielna negħlbuha. Pereżempju, ħu qal: “Peress li rnexxieli nieqaf nara l-pornografija għal għaxar snin ħsibt li ma kienx għad kelli l-problema. Imma ġieli kienu jiġuni xi sitwazzjonijiet li kont nerġaʼ nitħajjar nibda naraha. Allura ndunajt li avolja kien għadda ż-żmien, il-problema kienet għadha hemm. Ma kontx għelibtha għalkollox.” Dan il-ħu ma ċediex għat-tentazzjoni. Imma hu fehem li sakemm tispiċċa din is-sistema se jkollu jagħmel xi ħaġa kuljum biex jibqaʼ jiġġieled kontra din it-tentazzjoni. Il-mara tiegħu u l-anzjani għenuh ħafna. U hu qed joqgħod iktar attent biex ma jaqax għall-pornografija.
19. Xi rridu nagħmlu jekk għandna xi dgħufija li għadna m’għelibnihiex?
19 Xi rridu nagħmlu jekk hemm xi dgħufija li għadna m’għelibnihiex u tistaʼ twassalna biex nagħmlu dnub? Irridu nibqgħu nobdu l-kliem taʼ Ġesù, jiġifieri “ibqgħu għassa.” Anke meta jiġi żmien li tħossok b’saħħtek, evita sitwazzjonijiet li jistgħu jwassluk għat-tentazzjoni. (1 Kor. 10:12) Ibqaʼ agħmel l-affarijiet li għenuk biex tiġġieled dik id-dgħufija. Proverbji 28:14 jgħid: “Min hu dejjem għassa jkun ferħan.”—2 Pt. 3:14.
META NIBQGĦU GĦASSA ĦA NIBBENEFIKAW
20-21. (a) Kif ħa nibbenefikaw jekk ma nċedux għat-tentazzjoni? (b) Jekk aħna nagħmlu l-parti tagħna, Ġeħova x’se jagħmel? (2 Korintin 4:7)
20 Nistgħu nibqgħu ċerti li meta ħa nagħmlu l-aħjar tagħna biex nibqgħu għassa u ma naqgħux fit-tentazzjoni ħa jkun worth it. Meta nagħmlu dnub jaf inħossuna ferħanin dak il-ħin, imma dan hu temporanju. Jekk ngħixu kif jixtieqna Ġeħova u nagħmlu dak li jixtieq hu, se nħossu l-ferħ veru. (Ebr. 11:25; Salm 19:8) Dan hu għax aħna maħluqin biex ngħixu kif jixtieq Ġeħova. (Ġen. 1:27) Aħna se nħossuna ferħanin għax ħa jkollna kuxjenza nadifa u nafu li Ġeħova dalwaqt ħa jtina ħajja taʼ dejjem.—1 Tim. 6:12; 2 Tim. 1:3; Ġuda 20, 21.
21 Il-Bibbja tgħid li “l-ġisem hu dgħajjef.” Imma dan ma jfissirx li m’hemm xejn x’nagħmlu meta jkollna t-tentazzjonijiet. Ġeħova hu lest biex jgħinna. (Aqra t-2 Korintin 4:7.) Fil-fatt, hu jwegħedna li se jtina l-qawwa iktar min-normal. Imma biex jagħmel hekk, aħna rridu nagħmlu l-parti tagħna biex ma naqgħux fit-tentazzjoni. B’hekk, jekk kuljum nagħmlu kulma nistgħu, nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova ħa jagħtina iktar saħħa biex nissaportu meta tiġi t-tentazzjoni. (1 Kor. 10:13) Bl-għajnuna taʼ Ġeħova int tistaʼ tegħleb it-tentazzjoni.
GĦANJA 47 Itlob lil Ġeħova kuljum
a ESPRESSJONI SPJEGATA: Ġesù semma l-kelma “ġisem” f’Mattew 26:41 biex juri li peress li aħna imperfetti, ħafna drabi nagħmlu affarijiet ħżiena. Allura avolja nixtiequ nagħmlu dak li hu sew, dejjem irridu nibqgħu attenti għax faċilment nistgħu nagħmlu xi ħaġa li nweġġgħu lil Ġeħova biha.
b Xi ħaġa li tistaʼ tgħin lil xi ħadd li għamel dnub serju hija lezzjoni 57 tal-ktieb Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem! punti 1-3, u l-artiklu “Ħares Dritt ’il Quddiem Lejn il-Futur” f’It-Torri tal-Għassa taʼ Novembru 2020, pp. 27-28, par. 12-17.
c X’TURINA L-ISTAMPA: Filgħodu l-ħu qed jaqra l-iskrittura tal-jum, fil-brejk tax-xogħol qed jaqra l-Bibbja, u filgħaxija qed jattendi l-laqgħa.