LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w14 4/1 pp. 10-12
  • Tistaʼ tirreżisti t-tentazzjoni!

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Tistaʼ tirreżisti t-tentazzjoni!
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • TAQTAX QALBEK!
  • Niksbu r-Rebħa Fuq id-Dgħjufija Umana
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Ibqaʼ Attent Biex Qatt Ma Taqaʼ fit-Tentazzjoni
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2024
  • It-tentazzjoni
    Stenbaħ!—2017
  • Kif nistaʼ nirreżisti t-tentazzjoni?
    Iż-Żgħażagħ Jistaqsu
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
w14 4/1 pp. 10-12
Raġel żagħżugħ, waħdu fil-​kamra mudlama tiegħu, iħares lejn stampi taʼ tentazzjoni fuq il-​kompjuter tiegħu

Tistaʼ tirreżisti t-​tentazzjoni!

“Ma kellix it-​tir li nfittex il-​pornografija. Imma dħalt fuq l-​Internet u telaʼ riklam. Ma nafx għala, imma kklikkjajt fuqu.”—CODY.a

“Tfajla gustuża fuq ix-​xogħol bdiet tifflertja miegħi. Darba minnhom issuġġerietli li mmorru f’lukanda biex ‘noqogħdu nilagħbu.’ Kont naf eżatt x’riedet tagħmel.”—DYLAN.

“KAPAĊI nirreżisti kollox ħlief it-​tentazzjoni.” Dan il-​qawl spirituż jiddeskrivi tajjeb kif xi nies iqisu t-​tentazzjoni—fil-​fond taʼ qalbhom jieħdu pjaċir biha. Jerġaʼ oħrajn iqisu t-​tentazzjoni bħala għadu persistenti li jixtiequ sinċerament jirbħulu. X’taħseb int? Meta tiġi ffaċċjat b’tentazzjoni, għandek iċċedi jew tirreżisti?

Bla dubju, mhux it-​tentazzjonijiet kollha jwasslu għal problemi kbar. Li tieħu dik il-​gallettina żejda bil-​moħbi, pereżempju, mhux se jeqridlek ħajtek. Imma jekk iċċedi għal ġibdiet oħra—speċjalment dawk li jwasslu għall-​immoralità sesswali—jistgħu jġibu konsegwenzi serji. Il-​Bibbja twissi: “Kulmin jagħmel adulterju . . . għandu qalbu belha; min jagħmlu jkun qed jirrovina ruħu.”—Proverbji 6:32, 33.

Kif għandek tirreaġixxi jekk tiġi ttantat għal għarrieda b’tentazzjoni immorali? Il-​Bibbja twieġeb: “Dan hu li jrid Alla, li titqaddsu, li titbiegħdu miż-​żína; li kull wieħed minnkom ikun jaf kif jikkontrolla ġismu bil-​qdusija u bl-​unur.” (1 Tessalonikin 4:3, 4) Kif tistaʼ trawwem ġo fik din id-​determinazzjoni? It-​tliet passi li ġejjin jistgħu jgħinuk.

L-​ewwel pass: Għasses lil għajnejk

Jekk tixħet għajnejk fuq stampi senswali, mhu se jagħmel xejn ħlief iżidlek xewqat ħżiena. Ġesù kkonferma l-​konnessjoni bejn dak li tara u dak li tixtieq qalbek meta wissa: “Kulmin jibqaʼ jħares lejn mara biex jixtieqha jkun diġà għamel adulterju magħha f’qalbu.” Imbagħad uża iperbole u ħeġġeġ: “Jekk għajnek il-​leminija qed tfixklek, aqlagħha u armiha ’l bogħod minnek.” (Mattew 5:28, 29) X’inhu l-​punt? Biex nirreżistu t-​tentazzjoni, għandna nkunu deċiżivi u ma npaxxux lil għajnejna billi nħalluhom iħarsu lejn stampi provokattivi.

Raġel żagħżugħ f’ħanut jirrifjuta li jħares lejn stampi taʼ tentazzjoni

Meta tara xi stampi erotiċi, dawwar wiċċek ’l hemm

Biex nagħtu eżempju: Immaġina li ħarist lejn id-​dawl qawwi meta xi ħadd kien qed jiwweldja. Kont tibqaʼ tħares lejh? Żgur li le! Int iddur jew tgħatti għajnejk biex tipproteġi l-​vista. B’mod simili, jekk tara xi stampi erotiċi—ipprintjati, fuq il-​monitor, jew fir-​realtà—dawwar wiċċek ’l hemm mill-​ewwel. Ipproteġi moħħok milli jiġi infettat. Wieħed li kellu l-​vizzju tal-​pornografija, Juan, jgħid: “Meta nara mara gustuża, spiss ikolli t-​tentazzjoni li nerġaʼ nħares għal darba, tnejn. Allura, inġiegħel lil għajnejja jħarsu band’oħra u ngħid lili nnifsi: ‘Itlob lil Ġeħova! Għandek bżonn titlob issa akkost taʼ kollox!’ Wara li nitlob, il-​ġibda malajr tgħaddi.”—Mattew 6:9, 13; 1 Korintin 10:13.

Qis ukoll dak li qal ir-​raġel leali Ġob: “Patt m’għajnejja għamilt. Għalhekk, kif nistaʼ nkun moħħni f’xi verġni?” (Ġob 31:1) Għala ma tkunx riżolut bħalu?

Ipprova dan: Jekk tilmaħ stampi pornografiċi, dawwar wiċċek mill-​ewwel. Agħmel bħall-​kittieb Bibliku li talab: “Tħallix lil għajnejja jaraw dak li hu bla siwi.”—Salm 119:37.

It-​tieni pass: Għasses ħsibijietek

Minħabba li lkoll imperfetti, xi drabi għandna mnejn nissieltu b’xewqat ħżiena. Il-​Bibbja tgħid: “Kull bniedem jiġi provat billi jkun miġbud u mħajjar mix-​xewqa tiegħu stess. Imbagħad, meta x-​xewqa ssir fertili, tiled id-​dnub.” (Ġakbu 1:14, 15) Kif tistaʼ tevita li tinqabad f’sitwazzjoni bħal din li dejjem taqleb għall-​agħar u diffiċli toħroġ minnha?

Raġel żagħżugħ f’ħanut tal-​ħwejjeġ għandu ħsibijiet ħżiena u jgħid talba

Meta jkollok ħsibijiet ħżiena, ieqaf u itlob

Meta jkollok xewqat ħżiena, ftakar li tistaʼ tiddeċiedi int kif tirreaġixxi għalihom. Iġġildilhom dawk ix-​xewqat ħżiena. Qaċċathom minn moħħok. Irrifjuta li toqgħod taħseb dwar fantasiji immorali. Raġel jismu Troy, li kellu l-​vizzju li jara l-​pornografija fuq l-​Internet, jgħid: “Issilitt biex inneħħi ħsibijiet ħżiena minn moħħi u biex minflok niffoka fuq ħsibijiet pożittivi. Ma kienx faċli. Erġajt waqajt kemm-​il darba. Imma eventwalment tgħallimt nikkontrolla l-​ħsibijiet tiegħi.” Mara jisimha Elsa, li taʼ żagħżugħa ssieltet kontra tentazzjonijiet immorali, tiftakar, “Billi kont dejjem inżomm ruħi okkupata u nitlob lil Ġeħova, irnexxieli ma naħsibx fuq affarijiet ħżiena.”

Ipprova dan: Meta tkun turmentat bi ħsibijiet immorali, ieqaf immedjatament u itlob. Iġġieled kontra ħsibijiet ħżiena billi timla moħħok b’“kulma hu veru, kulma hu serju, kulma hu ġust, kulma hu safi, kulma jqanqal l-​imħabba, kulma hu taʼ fama tajba, kull virtù, u kull ħaġa li jistħoqqilha tifħir.”—Filippin 4:8.

It-​tielet pass: Għasses il-​passi tiegħek

Flimkien, ix-​xewqa, it-​tentazzjoni, u l-​opportunità jistgħu faċilment iwasslu għall-​problemi. (Proverbji 7:6-​23) Kif tistaʼ tevita li ssir vittma?

Raġel żagħżugħ juża l-​kompjuter tajjeb f’post fejn jarah ħaddieħor f’daru

“Nidħol fl-​Internet meta jkun hemm ħaddieħor fil-​viċin biss”

Il-​Bibbja tagħti l-​parir: “Min hu prudenti jara l-​gwaj u jinħeba, imma dawk taʼ bla esperjenza jibqgħu sejrin u jkollhom iħallsu l-​piena.” (Proverbji 22:3) Għalhekk, għasses il-​passi tiegħek. Antiċipa sitwazzjonijiet li jistgħu jwasslu għall-​problemi u evitahom. (Proverbji 7:25) Raġel jismu Filipe, li għeleb il-​vizzju li kellu tal-​pornografija, jgħid: “Qegħedt il-​kompjuter tal-​familja fejn setaʼ jarah kulħadd u installajt programm li jżommok milli tara materjal mhux xieraq fuq l-​Internet. U nidħol fl-​Internet meta jkun hemm ħaddieħor fil-​viċin biss.” B’mod simili, Troy, li ssemma iktar kmieni, jgħid: “Nevita li nara films provokattivi u li nagħmilha maʼ nies li jitkellmu baxx dwar is-​sess. Ma rridx li npoġġi lili nnifsi f’sitwazzjoni perikoluża.”

Ipprova dan: Evalwa onestament id-​dgħufijiet tiegħek, u ppjana bil-​quddiem biex tevita li ddaħħal lilek innifsek fit-​tentazzjoni.—Mattew 6:13.

TAQTAX QALBEK!

Xi ngħidu jekk, minkejja li tipprova b’ħiltek kollha, tiddgħajjef u ċċedi għat-​tentazzjoni? Taqtax qalbek, kompli ġġieled. Il-​Bibbja tgħid: “Il-​ġust jistaʼ saħansitra jaqaʼ sebaʼ darbiet, u żgur iqum.” (Proverbji 24:16) Iva, Missierna tas-​sema jinkuraġġina nerġgħu ‘nqumu.’ Se taċċetta int l-​għajnuna kollha mħabba tiegħu? Mela tiqafx milli ddur lejh fit-​talb. Ibni l-​fidi tiegħek billi tistudja l-​Kelma tiegħu. Saħħaħ id-​determinazzjoni tiegħek billi tattendi l-​laqgħat Kristjani. Sib il-​kuraġġ mill-​wegħda t’Alla: “Jien inqawwik. Jien ngħinek verament.”—Isaija 41:10.

Cody, li ssemma fil-​bidu, jgħid: “Kien jeħtieġ sforz kbir biex negħleb il-​vizzju li kelli tal-​pornografija. Erġajt waqajt kemm-​il darba, imma bl-​għajnuna t’Alla, fl-​aħħar irnexxieli.” Dylan, li ssemma qabel ukoll, jgħid: “Faċilment stajt ikolli x’naqsam maʼ dik it-​tfajla taʼ fuq ix-​xogħol. Imma bqajt determinat u għedtilha ‘Le!’ Inħossni veru tajjeb li għandi kuxjenza nadifa. Iktar importanti, naf li għamilt lil Ġeħova kburi bija.”

Meta żżomm sod kontra u tirreżisti t-​tentazzjoni, tistaʼ sserraħ rasek li Alla se jkun kburi bik ukoll!—Proverbji 27:11.

a L-​ismijiet f’dan l-​artiklu ġew mibdulin.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja