LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w25 Awwissu pp. 20-25
  • Kif Tirbaħ il-Ġlieda Kontra Xewqat Ħżiena

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kif Tirbaħ il-Ġlieda Kontra Xewqat Ħżiena
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2025
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • SATANA XI JRIDNA NAĦSBU?
  • KIF NISTGĦU NĦOSSUNA MINĦABBA D-DNUB?
  • KIF JISTAʼ JIRNEXXILEK TIRREŻISTI TENTAZZJONI?
  • KOMPLI EŻAMINA LILEK INNIFSEK B’MOD REGULARI
  • Ibqaʼ Attent Biex Qatt Ma Taqaʼ fit-Tentazzjoni
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2024
  • Ibqaʼ Miexi Wara Ġesù Wara li Titgħammed
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2024
  • X’Għamel Ġeħova Biex Isalvana mid-Dnub u l-Mewt
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2024
  • Deċiżjonijiet li Juru li Tafda f’Ġeħova
    Fuljett għal-Laqgħa—Il-Ħajja u l-Ministeru Kristjan Tagħna—2023
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2025
w25 Awwissu pp. 20-25

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 35

GĦANJA 121 Neħtieġu r-rażan

Kif Tirbaħ il-Ġlieda Kontra Xewqat Ħżiena

“Tħallux id-dnub jikkontrolla kif tgħixu. Iċċedux għax-xewqat tal-ġisem tagħkom li qed imut.”—RUM. 6:12.

DAK LI SE NITGĦALLMU

X’nistgħu nagħmlu meta nħossuna skuraġġiti minħabba xewqat ħżiena u kif nistgħu nirreżistuhom.

1. Kull wieħed minna maʼ xiex għandu jiġġieled?

ĠIELI kellek xewqa biex tagħmel xi ħaġa li ma togħġobx lil Ġeħova? Jekk iva, tħossokx skuraġġit. Il-Bibbja tgħid: “Kull tentazzjoni li tiffaċċjaw diġà esperjenzawha oħrajn.” (1 Kor. 10:13) Dan ifisser li m’intix waħdek. Hemm oħrajn li qed jiġġieldu kontra xewqat ħżiena bħalek. Bl-għajnuna taʼ Ġeħova se jirnexxilek ma ċċedix.

2. Xi Kristjani u studenti tal-Bibbja kontra liema xewqat ħżiena jkollhom jiġġieldu? (Ara wkoll l-istampi.)

2 Il-Bibbja tgħid ukoll: “Kull wieħed jgħaddi minn prova meta jiġi ttantat mix-xewqat tiegħu stess.” (Ġak. 1:14) Dan jurina li dak li jiġi ttantat bih xi ħadd jistaʼ jkun differenti minn x’jittanta lil xi ħadd ieħor. Pereżempju, xi Kristjani jiġu ttantati biex jagħmlu l-immoralità sesswali maʼ xi ħadd tas-sess oppost u oħrajn maʼ tal-istess sess. Oħrajn li waqfu jaraw il-pornografija forsi tiġihom xewqa kbira biex jerġgħu jarawha. U ħafna li waqfu jieħdu d-drogi jew jixorbu ħafna alkoħol għandhom sfida simili. Dawn huma ftit mix-xewqat li xi Kristjani u studenti tal-Bibbja jkollhom jiġġieldu kontrihom. Xi darba jew oħra, kollha kemm aħna ħassejna bħalma ħass Pawlu, li kiteb: “Meta nixtieq nagħmel dak li hu tajjeb, ikolli fija dak li hu ħażin.”—Rum. 7:21.

Int tistaʼ tiġi ttantat ikun x’ħin ikun u tkun fejn tkun (Ara paragrafu 2)c


3. Jekk xi ħadd ikollu jiġġieled kontra l-istess xewqa ħażina taʼ spiss, x’jistaʼ jibda jħoss?

3 Jekk ikollok tiġġieled kontra l-istess xewqa ħażina taʼ spiss, forsi tibda taħseb li m’għandekx saħħa biżżejjed biex tagħmel dak li hu tajjeb. Forsi tibda tħossok ukoll bla tama għax tħoss li Ġeħova mhux se jħallik tgħix għal dejjem minħabba li għandek xewqa ħażina. Imma tistaʼ tkun ċert li dan mhux veru. Biex naraw għala, f’dan l-artiklu se niddiskutu żewġ mistoqsijiet: (1) Min jixtieqek tħossok b’dan il-mod? (2) Kif jistaʼ jirnexxilek tirbaħ kontra xewqat ħżiena?

SATANA XI JRIDNA NAĦSBU?

4. (a) Satana xi jridna nemmnu meta niġu ttantati? (b) Għala nistgħu nkunu ċerti li nistgħu nirreżistu xewqat ħżiena?

4 Satana jrid li meta niġu ttantati b’xewqa ħażina, inħossu li m’għandniex saħħa biex nirreżistuha. Ġesù wera li Satana se jipprova jittantana meta għallem lid-dixxipli tiegħu biex jitolbu: “Tħalliniex naqgħu fit-tentazzjoni, imma eħlisna mill-Ħażin.” (Mat. 6:13) Satana jgħid li meta n-nies ikollhom xewqat ħżiena mhux se jobdu lil Ġeħova. (Ġob 2:​4, 5) Għala jirraġuna hekk? Għax hu kien l-ewwel wieħed li ċeda għax-xewqat ħżiena tiegħu stess u ma kienx lest li jibqaʼ leali lejn Ġeħova. Ovvjament, hu jaħseb li aħna eżatt bħalu u li meta niġu ttantati biex ma nibqgħux leali lejn Ġeħova, inċedu. Hu saħansitra ħaseb li anke l-Iben perfett t’Alla kien se jċedi jekk jittantah! (Mat. 4:​8, 9) Imma fir-realtà, vera hu impossibbli għalina biex niġġieldu xewqat ħżiena? Le! Aħna naqblu maʼ dak li qal l-appostlu Pawlu: “Jien għandi s-saħħa għal kollox, għax Alla jagħtini l-qawwa li jkolli bżonn.”—Flp. 4:13.

5. Kif nafu li Ġeħova hu ċert li aħna nistgħu nirreżistu xewqat ħżiena?

5 Għall-kuntrarju taʼ Satana, Ġeħova hu ċert li jistaʼ jirnexxilna nirreżistu xewqat ħżiena. Kif nafu? Hu qal li folla kbira taʼ nies se jibqgħu leali lejh u jsalvaw miż-żmien taʼ tbatija kbira. Aħseb dwar xi jfisser dan. Ġeħova, li ma jistax jigdeb, jgħid li mhux ftit nies imma ħafna se jidħlu fil-Ġenna tal-art, għax “ħaslu l-ħwejjeġ tagħhom u għamluhom bojod fid-demm tal-Ħaruf.” (Riv. 7:​9, 13, 14) Dan ifisser li għal Ġeħova huma nodfa. Mela nistgħu naraw b’mod ċar li hu jaf li għandna saħħa biżżejjed biex nirreżistu xewqat ħżiena.

6-7. Satana x’jixtieqna nemmnu iktar?

6 Satana jixtieqna nemmnu wkoll li peress li jkollna xewqat ħżiena nħossuna bla tama. Satana għala jixtieqna naħsbu hekk? Fir-realtà, hu l-wieħed li qatt ma jistaʼ jkun approvat minn Ġeħova. (Ġen. 3:15; Riv. 20:10) Minħabba dak li għamel, m’għandux iċ-ċans li jgħix għal dejjem u fil-futur se jinqered. Hu żgur li jħossu rrabjat ħafna peress li għandna t-tama li ngħixu għal dejjem. Minħabba f’hekk, hu jagħmel kulma jistaʼ biex iġegħelna nemmnu li aħna eżatt bħalu u li m’għandniex tama għall-futur. Però, aħna kompletament differenti minnu. Fil-fatt, il-Bibbja turi li Ġeħova jrid jgħinna ħalli nkunu nistgħu ngħixu għal dejjem, “għax ma jixtieqx li jkun hemm min jinqered imma jixtieq li kulħadd jindem.”—2 Pt. 3:9.

7 Allura jekk aħna nibdew naħsbu li m’għandniex saħħa u lanqas tama f’li niġġieldu kontra x-xewqat ħżiena, inkunu qed naħsbu bħalma jixtieq Satana. Meta nifhmu dan sew, se nkunu determinati li niqfulu b’fidi soda.—1 Pt. 5:​8, 9.

KIF NISTGĦU NĦOSSUNA MINĦABBA D-DNUB?

8. Meta l-Bibbja titkellem dwar id-dnub, apparti għal affarijiet ħżiena, xi tkun qed tfisser? (Salm 51:5) (Ara wkoll “Espressjoni Spjegata.”)

8 Apparti Satana, hemm xi ħaġa oħra li tistaʼ ġġegħelna nħossuna bla saħħa u bla tama fil-ġlieda li għandna kontra x-xewqat ħżiena. Din il-ħaġa hi d-dnub li kollha kemm aħna writna mill-ewwel ġenituri tagħna, Adam u Eva.a—Ġob 14:4; aqra Salm 51:5.

9-10. (a) Adam u Eva kif ħassewhom wara li dinbu? (Ara wkoll l-istampa.) (b) Peress li nitwieldu bid-dnub, aħna kif inħossuna?

9 Aħseb dwar kif ħassewhom Adam u Eva wara li dinbu. Wara li m’obdewx lil Ġeħova, huma pprovaw jaħbu lilhom infushom u jgħattu ġisimhom. Fuq dan il-punt, l-Insight jgħid: “Minħabba d-dnub bdew iħossu ħtija, biżaʼ, u mistħija.” Kien bħallikieku Adam u Eva ssakkru ġo dar li kulma kellha tlett ikmamar biss. Huma setgħu jmorru minn kamra għal oħra, imma ma setgħux joħorġu minn ġo dik id-dar. Wara li dinbu, huma ma setgħux jinħelsu mid-dnub.

10 Ovvjament, aħna mhux qegħdin fl-istess sitwazzjoni taʼ Adam u Eva għax għandna r-rigal tal-fidwa. Il-fidwa tgħinna biex jinħafrulna dnubietna u jerġaʼ jkollna ħbiberija tajba maʼ Alla. Però aħna xorta writna d-dnub u l-imperfezzjoni. (1 Kor. 6:11) Allura, aħna wkoll inħossu ħtija, biżaʼ, u mistħija. Fil-fatt, il-Bibbja turi li d-dnub għandu influwenza qawwija fuq in-nies. Din hi r-realtà għal kulħadd, anki għal “dawk li ma dinbux bl-istess mod t’Adam.” (Rum. 5:14) Però, avolja nitwieldu imperfetti, m’hemmx għalfejn inħossu li m’għandniex is-saħħa biex nagħmlu l-ħaġa t-tajba jew li m’għandniex tama għall-futur. Aħna ma rridux inħallu dawn il-ħsibijiet negattivi jikbru fina. Kif nistgħu nagħmlu dan?

Adam u Eva ħerġin mill-ġnien tal-Għeden lebsin ħwejjeġ magħmulin mill-ġilda tal-annimali u qed jistħu minħabba d-dnub li għamlu.

Id-dnub ġiegħel lil Adam u Eva jħossu ħtija, biżaʼ, u mistħija (Ara paragrafu 9)


11. Jekk xi kultant inħossu li m’għandniex saħħa biex niġġieldu kontra xewqat ħżiena, skont Rumani 6:12 x’dejjem nistgħu nagħmlu?

11 Peress li aħna imperfetti, ġieli nħossu li m’aħniex b’saħħitna biżżejjed biex niġġieldu kontra xewqat ħżiena. Ikun qisu hemm leħen ġo fik u qed jgħidlek: “Int m’intix b’saħħtek biżżejjed.” Qatt tismaʼ minn dak il-leħen. Għala? Għax il-Bibbja turi li aħna nistgħu nwaqqfu d-dnub milli jikkontrollana. (Aqra Rumani 6:12.) Dan juri li aħna nistgħu niddeċiedu li ma naġixxux fuq xewqa ħażina. (Gal. 5:16) Ġeħova ċert li aħna nistgħu niġġildulha t-tentazzjoni għax kieku ma kienx se jgħidilna biex nagħmlu hekk. (Dewt. 30:​11-14; Rum. 6:6; 1 Tes. 4:3) B’hekk, aħna m’għandniex għalfejn inħossuna bla saħħa meta niġu biex niġġieldu xewqat ħżiena.

12. X’għandna nagħmlu meta nħossuna bla tama, u għala?

12 B’mod simili, meta nħossuna bla tama jkun qisu l-leħen ġo fina qed jgħidilna li Ġeħova se jikkastigana anki talli għandna xewqat ħżiena. Imma m’għandniex nisimgħu minnu. Għala? Għax il-Bibbja turina li Ġeħova jifhem li aħna twelidna bid-dnub. (Slm. 103:​13, 14) Hu “jaf kollox” dwarna, inkluż kif id-dnub jinfluwenza lil kull wieħed minna. (1 Ġw. 3:​19, 20) Sakemm nibqgħu niġġieldu xewqat ħżiena u ma naġixxux fuqhom, għal Ġeħova se nibqgħu nodfa. Għala nistgħu nkunu ċerti?

13-14. Jekk ikollna xewqat ħżiena jfisser li Ġeħova ma jistax ikun ferħan bina? Spjega.

13 Il-Bibbja turi li hemm differenza kbira bejn li jkollok xewqa ħażina u li taġixxi fuqha. Mhux dejjem inkunu nistgħu nwaqqfu lilna nfusna milli jkollna xewqat ħżiena. Imma nistgħu nwaqqfu lilna nfusna milli naġixxu fuqhom. Pereżempju, xi wħud mill-Kristjani f’Korintu kienu omosesswali qabel saru Kristjani. Pawlu kiteb: “Hekk kienu xi wħud minnkom.” Allura dan ifisser li qatt ma reġaʼ kellhom ix-xewqa biex jagħmlu xi ħaġa omosesswali? Ma nistgħux ngħidu li le għax normalment ikun diffiċli ħafna biex tneħħi xewqat b’saħħithom bħal dawn. Imma Ġeħova kien ferħan bi Kristjani li kienu kapaċi jikkontrollaw lilhom infushom u m’aġixxewx fuq ix-xewqat ħżiena tagħhom. Għalih huma kienu “maħsulin” u Ġeħova jistaʼ jgħid hekk dwarek ukoll.—1 Kor. 6:​9-11.

14 Ikunu xi jkunu x-xewqat ħżiena li jkollok, jistaʼ jirnexxilek tirreżistihom. Anki jekk ma tkunx tistaʼ tneħħihom, tistaʼ taħdem biex tikkontrolla lilek innifsek u ma taġixxix ‘skont ix-xewqat ħżiena tiegħek u l-ħsibijiet tiegħek.’ (Efes. 2:3) Allura x’tistaʼ tagħmel biex tirbaħ il-ġlieda kontra x-xewqat ħżiena?

KIF JISTAʼ JIRNEXXILEK TIRREŻISTI TENTAZZJONI?

15. Għala trid tkun onest miegħek innifsek biex jirnexxilek tirbaħ il-ġlieda kontra x-xewqat ħżiena?

15 Biex jirnexxilek tirbaħ il-ġlieda kontra x-xewqat ħżiena trid tkun onest u tammetti x’inhuma l-iktar affarijiet li jħajruk. Oqgħod attent biex ma tqarraqx ‘bik innifsek b’raġunar falz.’ (Ġak. 1:22) Xi nies pruvaw inaqqsu s-serjetà tal-problema billi jgħidu: “Hemm oħrajn jixorbu iktar minni.” Jew jipprovaw iwaħħlu f’oħrajn billi jgħidu: “Kieku l-mara turini iktar li tħobbni, ma tiġinix ix-xewqa biex nara l-pornografija.” Imma jekk tibda tirraġuna b’dan il-mod, se jkun iktar faċli biex taqaʼ għat-tentazzjoni. Allura, iġġibx skużi biex tagħmel dak li hu ħażin. Int responsabbli għal dak li tagħmel.—Gal. 6:7.

16. Kif tistaʼ ssaħħaħ id-determinazzjoni tiegħek biex tagħmel dak li hu tajjeb?

16 Apparti li tkun onest miegħek innifsek dwar x’inhu l-iktar li jħajrek, hemm bżonn li ssaħħaħ id-determinazzjoni tiegħek biex ma ċċedix. (1 Kor. 9:​26, 27; 1 Tes. 4:4; 1 Pt. 1:​15, 16) Ipprova aħseb dwar x’inhi l-iktar ħaġa li tħajrek u f’liema ħin l-iktar li tħossok dgħajjef. Jistaʼ jkun tinduna li hi tentazzjoni partikulari jew li tiġik l-iktar f’ċertu ħin tal-ġurnata. Pereżempju, issibha iktar faċli taqaʼ fit-tentazzjoni meta tkun għajjien jew meta jkun tard bil-lejl? Ipprepara u ddeċiedi x’se tagħmel meta tiġik ix-xewqa. Ovvjament, l-aħjar żmien biex tagħmel dan hu qabel ma tiġik it-tentazzjoni.—Prov. 22:3.

17. X’nitgħallmu mill-eżempju taʼ Ġużeppi? (Ġenesi 39:​7-9) (Ara wkoll l-istampi.)

17 Ara kif aġixxa Ġużeppi meta l-mara taʼ Potifar ipprovat iġġiegħlu jkollu x’jaqsam magħha. Hu mill-ewwel irrifjuta. (Aqra Ġenesi 39:​7-9.) Dan x’jurina? Ġużeppi kien diġà determinat li jagħmel dak li hu tajjeb qabel ma ttantatu l-mara taʼ Potifar. B’mod simili, int tistaʼ tkun determinat li tagħmel it-tajjeb qabel ma tiġik it-tentazzjoni. Imbagħad meta tiġik ix-xewqa biex tagħmel xi ħaġa ħażina, se jkun iktar faċli biex tagħmel dak li hu tajjeb għax tkun iddeċidejt minn qabel x’se tagħmel.

Grupp taʼ stampi: 1. Ġużeppi qed jaħrab mill-mara taʼ Potifar waqt li hi qed iżżomm il-ħwejjeġ tiegħu f’idha. 2. Ħu żagħżugħ mhux qed ikompli maʼ tfajla li qed tifflertja miegħu fl-iskola.

Irrifjuta mill-ewwel kull tentazzjoni, bħalma għamel Ġużeppi! (Ara paragrafu 17)


KOMPLI EŻAMINA LILEK INNIFSEK B’MOD REGULARI

18. X’tistaʼ tagħmel iktar biex tirbaħ il-ġlieda kontra xewqat ħżiena? (2 Korintin 13:5)

18 Biex jirnexxilek tirbaħ il-ġlieda kontra xewqat ħżiena, għandek bżonn ukoll li tkompli teżamina lilek innifsek b’mod regulari biex tara kif sejjer. (Aqra 2 Korintin 13:5.) Minn żmien għall-ieħor, iċċekkja l-mod kif qed taħseb u dak li qed tagħmel. Imbagħad, agħmel l-aġġustamenti fejn ikun hemm bżonn. Pereżempju, anki meta jirnexxilek iżżomm sod għal xi tentazzjoni, staqsi lilek innifsek: “Kemm domt biex irrifjutajt?” Jekk tinduna li ma rrifjutajtx mill-ewwel, tirrabjax miegħek innifsek. Minflok, aħseb dwar x’tistaʼ tagħmel aħjar meta terġaʼ tiġik dik it-tentazzjoni. Staqsi lilek innifsek: “Meta jiġini xi ħsieb ħażin, nistaʼ nieqaf naħseb dwaru iktar malajr? Dak li nara, naqra, jew nismaʼ qed jagħmilhieli iktar diffiċli biex nirreżisti t-tentazzjoni? Meta tiġini xi stampa ħażina quddiemi, inneħħiha mill-ewwel? Jien nifhem li għalkemm irrid naħdem iebes biex nikkontrolla lili nnifsi biex nobdi l-livelli taʼ Ġeħova, dejjem se jkun għall-ġid tiegħi?”—Slm. 101:3.

19. Li tagħmel affarijiet żgħar imma ħżiena, kif jistgħu jagħmluhielek iktar diffiċli biex tiġġieled xewqat ħżiena?

19 Waqt li tkun qed teżamina lilek innifsek, oqgħod attent biex ma tiskużax affarijiet ħżiena. Il-Bibbja tgħid li “l-qalb qarrieqa iktar minn kull ħaġa oħra u hi ddisprata.” (Ġer. 17:9) Ġesù qal li “mill-qalb joħroġ raġunar ħażin.” (Mat. 15:19) Pereżempju, immaġina xi ħadd li waqaf jara l-pornografija. Forsi maż-żmien jibda jaħseb li mhux perikoluż li jara ritratti li jqanqlu xewqat sesswali la ma fihomx nies għarwenin. Jistaʼ jkun jirraġuna wkoll: “M’hemm xejn ħażin li nimmaġina lili nnifsi nagħmel affarijiet ħżiena sakemm ma nagħmilhomx.” Jekk xi ħadd jaħseb b’dan il-mod, ikun qisu qed jipprepara ‘minn qabel biex jissodisfa xewqat midinba.’ (Rum. 13:14) Kif tistaʼ tevita li tagħmel hekk? Deċiżjonijiet żgħar imma ħżiena jistgħu jwassluk biex tagħmel affarijiet kbar, bħal dnub. Oqgħod attent u evitahom.b Irrifjuta wkoll kull ħsieb, jiġifieri “raġunar ħażin,” li jistaʼ jġiegħlek iġġib l-iskużi meta tagħmel xi ħaġa ħażina.

20. Lejn xiex inħarsu ’l quddiem fil-futur, u x’għajnuna għandna bħalissa?

20 Bħalma rajna, Ġeħova jistaʼ jtina s-saħħa biex nirreżistu xewqat ħżiena. Grazzi wkoll għall-fidwa, Ġeħova jistaʼ jaħfrilna u għandna t-tama li ngħixu għal dejjem fid-dinja l-ġdida. Kemm se nħossuna fil-paċi li nkunu nistgħu naqdu lil Ġeħova mingħajr ma jkollna għalfejn niġġieldu kontra xewqat ħżiena! Sa dak iż-żmien, nistgħu nkunu ċerti li bl-għajnuna taʼ Ġeħova m’aħniex bla saħħa u bla tama biex niġġieldu x-xewqat ħżiena tagħna. Aħna jistaʼ jirnexxilna nirbħu!

INT KIF TWIEĠEB?

  • X’se jgħinna biex ma nħossuniex bla saħħa u bla tama?

  • X’nistgħu nagħmlu biex ma nħallux id-dnub jikkontrollana?

  • Kif nistgħu nkomplu neżaminaw lilna nfusna?

GĦANJA 122 Ibqgħu sodi, titħarrkux!

a ESPRESSJONI SPJEGATA: Ħafna drabi, fil-Bibbja l-kelma “dnub” tirreferi għal xi ħadd li jagħmel xi ħaġa ħażina bħal li jisraq, jagħmel adulterju, jew joqtol. (Eżo. 20:​13-15; 1 Kor. 6:18) Però f’ċertu versi, il-kelma “dnub” ġieli tirreferi għall-imperfezzjoni li twelidna biha, avolja nkunu għadna m’għamilna xejn ħażin.

b Innota li ż-żagħżugħ li jsemmi Proverbji 7:​7-23 ħa deċiżjonijiet żgħar imma ħżiena li wassluh biex jieħu deċiżjoni kbira u ħażina, li kienet l-immoralità sesswali.

c X’JURUNA L-ISTAMPI: Xellug: Ħu żagħżugħ li qiegħed f’kafetterija jinnota żewġt irġiel li qed juru affezzjoni lejn xulxin. Lemin: Oħt qed tinnota tnejn min-nies ipejpu.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja