“Il-Kelma taʼ Alla Baqgħet Tikber”
“Hu jibgħat fuq l-art il-kmand tiegħu; bil-ħeffa tiġri l-kelma tiegħu.”—SALM 147:15.
1, 2. Ġesù liema inkarigu tahom lid-dixxipli tiegħu, u dan x’kien jinvolvi?
WAĦDA mill-iktar profeziji taʼ l-għaġeb li hemm fil-Bibbja tinsab f’Atti 1:8. Ftit qabel ma telaʼ s-sema, Ġesù qal lis-segwaċi leali tiegħu: “Meta jiġi fuqkom l-Ispirtu s-Santu, intom tirċievu l-qawwa, u tkunu xhieda tiegħi . . . sa truf l-art.” X’biċċa xogħol enormi kellha tkun din!
2 L-inkarigu li jipproklamaw il-kelma t’Alla maʼ l-art kollha żgur li deher li kien sfida kbira f’għajnejn il-ftit dixxipli li rċivewh. Aħseb ftit dwar dak li kien hemm involut. Huma kellhom jgħinu lin-nies jifhmu l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla. (Mattew 24:14) Li jkunu xhieda taʼ Ġesù kien jirrikjedi wkoll li jaqsmu t-tagħlim effettiv tiegħu m’oħrajn u li jispjegaw l-irwol tiegħu fl-iskop taʼ Jehovah. Barra minn hekk, ix-xogħol kien jinkludi li jagħmlu dixxipli u mbagħad jgħammduhom. U dan kellu jsir mad-dinja kollha!—Mattew 28:19, 20.
3. Ġesù dwar liema ħaġa żgurahom lis-segwaċi tiegħu, u huma x’għamlu bl-inkarigu li tahom?
3 Madankollu, Ġesù żgura lis-segwaċi tiegħu li l-ispirtu qaddis kellu jkun magħhom hekk kif iwettqu x-xogħol li kien tahom. Għalhekk, minkejja li l-inkarigu li ngħatalhom kien enormi u li kellhom jiffaċċjaw oppożizzjoni vjolenti li ma qatgħet xejn mill-għedewwa biex jipprovaw isikktuhom, l-ewwel dixxipli taʼ Ġesù rnexxielhom jagħmlu dak li kien ikkmandahom. Dan huwa fatt storiku li ħadd ma jistaʼ jiċħdu.
4. L-imħabba t’Alla kif dehret permezz taʼ l-inkarigu taʼ ppridkar u tagħlim lil oħrajn?
4 Il-kampanja taʼ ppridkar u tagħlim madwar id-dinja kollha kienet mod kif Alla esprima l-imħabba tiegħu lejn dawk li ma kinux jafuh. Tathom l-opportunità li jiżviluppaw relazzjoni mill-qrib maʼ Jehovah u jiksbu l-maħfra tad-dnubiet. (Atti 26:18) L-inkarigu biex jippridkaw u jgħallmu wera wkoll l-imħabba t’Alla għal dawk li jġorru l-messaġġ, għaliex dan kien jagħmilha possibbli biex huma jesprimu d-devozzjoni tagħhom lejn Jehovah u juru l-imħabba tagħhom għall-bnedmin sħabhom. (Mattew 22:37-39) L-appostlu Pawlu tant kien jgħożż il-ministeru Kristjan li kien jirreferi għalih bħala “teżor.”—2 Korintin 4:7.
5. (a) Fejn nistgħu nsibu l-iktar kitba dwar il-Kristjani tal-bidu li nistgħu noqogħdu fuqha, u liema tkattir jiġi deskritt hemmhekk? (b) Il-ktieb taʼ l-Atti għala hu taʼ siwi għall-qaddejja t’Alla llum?
5 L-iktar rakkont bil-miktub dwar l-attività taʼ l-ippridkar tal-Kristjani tal-bidu li nistgħu noqogħdu fuqu jinsab fil-ktieb ispirat taʼ l-Atti, li nkiteb mid-dixxiplu Luqa. Dan jitkellem dwar tkattir straordinarju li seħħ f’qasir żmien. Dan it-tkattir taʼ l-għarfien tal-Kelma t’Alla jfakkarna f’Salm 147:15: “[Jehovah] jibgħat fuq l-art il-kmand tiegħu; bil-ħeffa tiġri l-kelma tiegħu.” Ir-rakkont dwar il-Kristjani tal-bidu, li kienu msaħħin permezz taʼ l-ispirtu qaddis, huwa tassew eċċitanti u taʼ siwi għalina llum. Ix-Xhieda taʼ Jehovah qed jieħdu sehem fl-istess xogħol taʼ li jippridkaw u jagħmlu dixxipli, biss fuq skala ferm akbar. Aħna niffaċċjaw problemi li huma simili għal dawk li kienu jiffaċċjaw il-Kristjani fl-ewwel seklu. Meta nikkunsidraw kif Jehovah bierek u saħħaħ lill-Kristjani tal-bidu, il-fidi tagħna fl-għajnuna li jagħtina ssir iktar b’saħħitha.
Żjieda fl-Għadd taʼ Dixxipli
6. Liema frażi dwar it-tkattir tidher tliet darbiet fil-ktieb taʼ l-Atti, u din għalxiex tirreferi?
6 Mod wieħed kif nagħtu ħarsa mill-qrib lejn it-twettiq t’Atti 1:8 huwa billi nikkunsidraw l-espressjoni “l-kelma taʼ Alla baqgħet tikber.” Din il-frażi tidher tliet darbiet biss fil-Bibbja, għalkemm hemm xi differenza żgħira, u d-drabi kollha fejn tidher jinsabu fil-ktieb taʼ l-Atti. (Atti 6:7; 12:24, korsiv tagħna; 19:20) “Il-kelma taʼ Alla” f’dawn is-siltiet tirreferi għall-aħbar tajba—il-messaġġ li jqanqal taʼ verità divina, messaġġ ħaj u qawwi li biddel il-ħajjiet taʼ dawk li aċċettawh.—Lhud 4:12.
7. Maʼ xiex huwa marbut it-tkattir tal-kelma t’Alla f’Atti 6:7, u x’ġara f’jum Pentekoste tas-sena 33 E.K.?
7 L-ewwel darba li jissemma t-tkattir tal-kelma t’Alla hija f’Atti 6:7. Hemmhekk naqraw: “U l-kelma taʼ Alla kienet tixtered dejjem aktar; l-għadd tad-dixxipli kien jiżdied ħafna f’Ġerusalemm, u kotra kbira taʼ qassisin kienu joqogħdu għall-fidi.” Hawnhekk, it-tkattir hu marbut maʼ żjieda fl-għadd tad-dixxipli. Ftit qabel, f’jum Pentekoste tas-sena 33 E.K., madwar 120 dixxiplu li kienu miġburin f’kamra taʼ fuq irċivew l-ispirtu qaddis t’Alla. L-appostlu Pietru mbagħad ta taħdita li tqanqal, u xi 3,000 ruħ minn fost dawk li semgħuha saru jemmnu dak in-nhar stess. Min jaf x’eċċitament kien hemm hekk kif eluf taʼ nies marru lejn l-għadira jew għadajjar ġewwa Ġerusalemm jew madwarha biex jitgħammdu f’isem Ġesù, ir-raġel li xi 50 jum qabel kien ngħata mewta taʼ kriminal billi ġie mdendel m’għuda!—Atti 2:41.
8. L-għadd taʼ dixxipli kif żdied fis-snin taʼ wara Pentekoste tas-sena 33 E.K.?
8 M’għandniex xi ngħidu, dan kien biss il-bidu. Kien għalxejn li l-mexxejja reliġjużi Lhud baqgħu jipprovaw iwaqqfu l-attività taʼ l-ippridkar. Biex dawn il-mexxejja jkollhom iktar għalxiex jinkeddu, “minn jum għal ieħor [lid-dixxipli] il-Mulej kien iżidilhom magħhom lil dawk li jkunu salvi.” (Atti 2:47) Malajr, “l-għadd tagħhom kien jilħaq mal-ħamest elef ruħ.” Wara dan, “l-għadd taʼ dawk li kienu jemmnu fil-Mulej, kemm irġiel kemm nisa, kien dejjem jiżdied u joktor.” (Atti 4:4; 5:14) Dwar xi żmien iktar tard naqraw: “Il-Knisja kienet fis-sliem fil-Lhudija u l-Galilija u s-Samarija kollha: kienet dejjem tikber u timxi ’l quddiem bil-biżaʼ tal-Mulej, u tiżdied fl-għadd bl-għajnuna taʼ l-Ispirtu s-Santu.” (Atti 9:31) Xi snin wara, forsi madwar is-sena 58 E.K., issemma li ħafna eluf kienu saru jemmnu. (Atti 21:20) Sa dak iż-żmien laħaq kien hemm ukoll ħafna Ġentili li saru jemmnu.
9. Kif tiddeskrivihom lill-Kristjani tal-bidu?
9 Fil-biċċa l-kbira, din iż-żjieda fl-għadd seħħet minħabba li kien hemm ħafna wħud li kkonvertew. Ir-reliġjon kienet ġdida—imma kienet żeluża u attiva ferm. Id-dixxipli mhux talli ma kinux membri tal-knisja passivi imma talli kienu nies li kellhom devozzjoni kbira lejn Jehovah u l-Kelma tiegħu, u xi wħud minnhom kienu tgħallmu l-verità mingħand dawk li kienu ġew persegwitati bl-aħrax. (Atti 16:23, 26-33) Dawk li aċċettaw il-Kristjanità kienu għamlu dan wara li ħadu deċiżjoni li rraġunawha huma stess u li kienet ibbażata fuq il-prinċipji tal-kuxjenza tagħhom. (Rumani 12:1, NW) Huma kienu tgħallmu l-mogħdijiet t’Alla, u l-verità kienet f’moħħhom u f’qalbhom. (Lhud 8:10, 11) Kienu lesti li jmutu għal dak li kienu jemmnu fih.—Atti 7:51-60.
10. Liema responsabbiltà aċċettaw il-Kristjani tal-bidu, u liema xebh insibu fi żmienna?
10 Dawk li ħaddnu t-tagħlim Kristjan għarfu li kellhom ir-responsabbiltà li jaqsmu l-verità m’oħrajn. Dan ikkontribwixxa direttament għal iktar żjieda fl-għadd. Wieħed studjuż tal-Bibbja qal: “It-tixrid tal-fidi ma kienx meqjus bħala dritt riżervat biss għal dawk li kienu żelużi ħafna jew għal dawk li kienu maħturin uffiċjalment bħala evanġelisti. L-evanġelizzazzjoni kienet privileġġ speċjali u dmir taʼ kull membru tal-Knisja. . . . Minħabba li l-komunità Kristjana kollha kemm hi kienet ixxerred il-fidi minn jeddha, il-moviment kien wieħed attiv immens sa mill-bidunett.” Hu kiteb ukoll: “Għall-Kristjani tal-bidu, l-evanġeliżmu kien il-forza li tagħti l-ħajja.” L-istess huwa minnu dwar il-Kristjani ġenwini llum.
Il-Kelma Tinxtered f’Iktar Pajjiżi
11. Liema tip taʼ tkattir huwa deskritt f’Atti 12:24, u dan kif seħħ?
11 It-tieni darba li jissemma t-tkattir tal-kelma t’Alla hija f’Atti 12:24: “Il-kelma taʼ Alla baqgħet tikber u toktor [“tinxtered,” NW].” Hawnhekk il-frażi hi marbuta mat-tixrid tal-kelma f’iktar pajjiżi. Minkejja l-oppożizzjoni min-naħa tal-gvernijiet, ix-xogħol kompla jikber u jinfirex. Id-dixxipli rċivew l-ispirtu qaddis għall-ewwel darba f’Ġerusalemm, u minn hemm il-kelma ġriet malajr. Il-persekuzzjoni f’Ġerusalemm xerrdet lid-dixxipli lejn diversi reġjuni fil-Lhudija u s-Samarija. B’liema riżultat? “Dawk li xterdu bdew ixandru l-kelma kull fejn marru.” (Atti 8:1, 4) Filippu ntqallu biex jagħti xiehda lil raġel li, wara li tgħammed, ħa l-messaġġ lejn l-Etjopja. (Atti 8:26-28, 38, 39) Il-verità malajr ġiet stabbilita f’Lidda, fil-Pjanura taʼ Saron, u f’Ġaffa. (Atti 9:35, 42) Iktar tard, l-appostlu Pawlu vvjaġġa eluf taʼ kilometri bil-baħar u fuq l-art, u stabbilixxa l-kongregazzjonijiet f’ħafna pajjiżi tal-Mediterran. L-appostlu Pietru mar Babilonja. (1 Pietru 5:13) Pawlu kiteb li fi żmien 30 sena minn meta d-dixxipli rċivew l-ispirtu qaddis f’Pentekoste, l-aħbar tajba kienet ‘tħabbret lill-ħlejjaq kollha taħt is-smewwiet,’ espressjoni li jistaʼ jkun li tirreferi għall-parti tad-dinja li kienet magħrufa dak iż-żmien.—Kolossin 1:23.
12. Dawk li kienu jopponu l-Kristjanità kif urew li kienu jirrikonoxxu li l-kelma t’Alla kienet xterdet f’iktar pajjiżi?
12 Saħansitra dawk li kienu jopponu l-Kristjanità rrikonoxxew li l-kelma t’Alla kienet ġiet stabbilita fl-Imperu Ruman kollu. Per eżempju, Atti 17:6 jgħid li f’Tessalonika, li kienet tinsab fit-tramuntana tal-Greċja, dawk li kienu jopponu għajtu: “Dawn l-irġiel, li qallbu d-dinja taʼ taħt fuq, ġew hawn ukoll.” Iktar minn hekk, fil-bidu tat-tieni seklu, Plinju ż-Żgħir kiteb lill-Imperatur Ruman Trajanu mill-Bitinja rigward il-Kristjanità. Hu lmenta: “[Din] m’hijiex qegħda biss fil-bliet, imma l-ħsara li għamlet infirxet għal ġo l-irħula u l-kampanja taʼ madwar.”
13. It-tixrid tal-kelma f’iktar pajjiżi b’liema mod irrifletta l-imħabba t’Alla għall-umanità?
13 Dan it-tixrid tal-kelma f’iktar pajjiżi kien mod kif Jehovah esprima l-imħabba profonda tiegħu lejn l-umanità li setgħet tiġi mifdija. Meta Pietru osserva li l-ispirtu qaddis kien qed jaħdem fuq Kornelju, li kien mill-Ġentili, hu qal: “Issa tassew qiegħed nifhem li Alla ma jħares lejn wiċċ ħadd, imma jilqaʼ lil kull min għandu l-biżaʼ tiegħu u jagħmel is-sewwa, ikun minn liema poplu jkun.” (Atti 10:34, 35) Iva, l-aħbar tajba kienet u għadha messaġġ għan-nies kollha, u permezz tat-tixrid tal-kelma t’Alla f’iktar pajjiżi, in-nies kullimkien ngħataw l-opportunità li jwieġbu għall-imħabba t’Alla. Fis-seklu 21 li qed ngħixu fih, il-kelma t’Alla nfirxet letteralment sa kull parti taʼ l-art.
Tkattir li Ttrijonfa
14. Kif inhu deskritt it-tkattir tal-kelma t’Alla f’Atti 19:20, u l-kelma t’Alla fuq xiex ittrijonfat?
14 It-tielet darba li jissemma t-tkattir tal-kelma t’Alla hija f’Atti 19:20: “Il-kelma tal-Mulej baqgħet tikber u tissaħħaħ bil-qawwa kollha.” Il-kelma Griega oriġinali li hi tradotta bħala “tissaħħaħ” iġġorr il-ħsieb taʼ “li tuża s-saħħa fuq.” Il-versi taʼ qabel jgħidu li f’Efesu kien hemm ħafna li saru jemmnu, u xi wħud li kienu jipprattikaw il-maġija ħarqu l-kotba tagħhom quddiem kulħadd. B’dan il-mod, il-kelma t’Alla użat is-saħħa, jew ittrijonfat, fuq it-twemmin reliġjuż falz. L-aħbar tajba ttrijonfat ukoll fuq ostakli oħrajn, bħall-persekuzzjoni. Xejn ma setaʼ jwaqqafha. F’dan għal darb’oħra naraw kemm tassew hemm xebh mal-Kristjanità vera llum.
15. (a) Wieħed kittieb taʼ l-istorja Biblika x’kiteb dwar il-Kristjani tal-bidu? (b) Id-dixxipli lil min taw il-kredtu għas-suċċess tagħhom?
15 L-appostli u Kristjani tal-bidu oħrajn kienu jxandru l-kelma t’Alla biż-żelu. Dwarhom, wieħed kittieb taʼ l-istorja Biblika osserva: “Meta n-nies ikollhom ix-xewqa li jitkellmu dwar il-Mulej tagħhom, jużaw kwalunkwe metodu biex jagħmlu dan. Tabilħaqq, hija l-motivazzjoni li għandhom dawn l-irġiel u n-nisa li timpressjonana iktar mill-metodi li jużaw.” Xorta waħda, dawk il-Kristjani tal-bidu kienu jirrikonoxxu li s-suċċess fil-ministeru tagħhom ma kienx jiddependi biss mill-isforz li jagħmlu. Huma kienu ngħataw l-inkarigu taʼ xogħol tagħhom mingħand Alla, u kellhom l-appoġġ tiegħu biex iwettquh. Huwa Alla li jikkaġuna t-tkattir spiritwali. L-appostlu Pawlu rrikonoxxa dan fl-ittra tiegħu lill-kongregazzjoni f’Korintu. Hu kiteb: “Jiena ħawwilt, Apollo saqqa, imma Alla hu li kabbar. Aħna ħaddiema maʼ Alla.”—1 Korintin 3:6, 9.
Il-Ħidma taʼ l-Ispirtu Qaddis
16. X’juri li l-ispirtu qaddis saħħaħ lid-dixxipli biex jitkellmu b’kuraġġ?
16 Ftakar li Ġesù kien żgura lid-dixxipli tiegħu li l-ispirtu qaddis kellu jkollu sehem fit-tkattir tal-kelma t’Alla u li l-ispirtu qaddis kellu jsaħħaħ lid-dixxipli biex iwettqu l-attività taʼ l-ippridkar. (Atti 1:8) Dan kif ġara? Mhux wisq wara li d-dixxipli rċivew l-ispirtu f’Pentekoste, Pietru u Ġwanni ġew imsejħin biex jitkellmu mas-Sinedriju Lhudi, li kien l-ogħla qorti fil-pajjiż, u li l-imħallfin tiegħu kienu responsabbli għall-qtil taʼ Ġesù Kristu. Kienu l-appostli se jitregħdu bil-biżaʼ quddiem ġemgħa taʼ nies daqshekk importanti u ostili? Lanqas xejn! L-ispirtu qaddis saħħaħ lil Pietru u lil Ġwanni biex jitkellmu b’kuraġġ hekk kbir li l-għedewwa tagħhom baqgħu mistagħġbin, u “fehmu sewwa li kienu nies taʼ madwar Ġesù.” (Atti 4:8, 13) L-ispirtu qaddis għen ukoll lil Stiefnu jagħti xiehda b’kuraġġ kbir lis-Sinedriju. (Atti 6:12; 7:55, 56) Ftit qabel, l-ispirtu qaddis kien qanqal lid-dixxipli biex jippridkaw bil-kuraġġ. Luqa jirrapporta: “Kif spiċċaw jitolbu, il-post fejn kienu miġbura theżheż, u lkoll imtlew bl-Ispirtu s-Santu u bdew ixandru l-kelma taʼ Alla bil-kuraġġ kollu.”—Atti 4:31.
17. L-ispirtu qaddis b’liema modi oħrajn għen lid-dixxipli fil-ministeru tagħhom?
17 Permezz taʼ l-ispirtu qaddis tant qawwi tiegħu, Jehovah, flimkien maʼ Ġesù rxoxtat, idderieġa l-attività taʼ l-ippridkar. (Ġwann 14:28; 15:26) Meta l-ispirtu ġie mferraʼ fuq Kornelju, fuq qrabatu, u l-ħbieb tal-qalb tiegħu, l-appostlu Pietru għaraf li l-Ġentili mhux ċirkonċiżi setgħu jikkwalifikaw biex jitgħammdu f’isem Ġesù Kristu. (Atti 10:24, 44-48) Iktar tard, l-ispirtu kellu sehem ewlieni biex Barnaba u Sawl (l-appostlu Pawlu) ġew maħturin biex iwettqu attività missjunarja u biex jidderiġihom fejn kellhom u ma kellhomx imorru. (Atti 13:2, 4; 16:6, 7) Idderieġa lill-appostli u lill-irġiel ixjeħ f’Ġerusalemm fil-mod kif kellhom jieħdu d-deċiżjonijiet. (Atti 15:23, 28, 29) L-ispirtu qaddis iggwida wkoll il-ħatra taʼ indokraturi fil-kongregazzjoni Kristjana.—Atti 20:28.
18. Il-Kristjani tal-bidu kif kienu jesprimu l-imħabba?
18 Barra minn dan, il-ħidma taʼ l-ispirtu qaddis dehret fil-Kristjani nfushom, għaliex dan ipproduċa fihom kwalitajiet li jogħġbu lil Alla, bħalma hi l-imħabba. (Galatin 5:22, 23) L-imħabba qanqlet lid-dixxipli biex jaqsmu l-affarijiet flimkien. Per eżempju, wara Pentekoste tas-sena 33 E.K., twaqqaf fond biex jipprovdi għall-bżonnijiet fiżiċi tad-dixxipli f’Ġerusalemm. Ir-rakkont Bibliku jgħid: “Ħadd minnhom ma kien jonqsu xejn; għax kull min kellu oqsma jew djar kien ibigħhom, u l-flus li jdaħħal minnhom kien imur iqegħedhom f’riġlejn l-appostli. Mbagħad kien jitqassam kollox skond il-ħtieġa taʼ kull wieħed.” (Atti 4:34, 35) Din l-imħabba ma ntwerietx biss lejn uħud li kienu jemmnu imma lejn oħrajn ukoll, kemm bix-xandir taʼ l-aħbar tajba u kemm permezz t’atti oħrajn taʼ qalb tajba. (Atti 28:8, 9) Ġesù qal li s-segwaċi tiegħu kellhom jintgħarfu mill-imħabba taʼ bejniethom, li tqanqalhom biex iġibu l-interessi taʼ ħuthom qabel tagħhom stess. (Ġwann 13:34, 35) Żgur li l-kwalità vitali taʼ l-imħabba ressqet lin-nies lejn Alla u wasslet biex ikun hemm it-tkattir fl-ewwel seklu l-istess bħalma qed tagħmel illum.—Mattew 5:14, 16.
19. (a) Il-kelma taʼ Jehovah b’liema tliet modi tkattret fl-ewwel seklu? (b) X’se neżaminaw fl-artiklu li jmiss?
19 B’kollox, l-espressjoni “spirtu qaddis” tidher 41 darba fil-ktieb taʼ l-Atti. Nistgħu naraw kemm it-tkattir Kristjan ġenwin fl-ewwel seklu kien dovut għall-qawwa u l-gwida taʼ l-ispirtu qaddis. L-għadd taʼ dixxipli żdied, il-kelma t’Alla xterdet f’ħafna postijiet, u ttrijonfat fuq ir-reliġjonijiet u l-filosofiji taʼ dik l-era. It-tkattir tal-kelma t’Alla fl-ewwel seklu huwa simili għax-xogħol tax-Xhieda taʼ Jehovah llum. Fl-artiklu li jmiss, se neżaminaw it-tkattir tal-kelma t’Alla fi żmienna, xi ħaġa li wkoll hi impressjonanti ferm.
Tiftakar Int?
• Id-dixxipli tal-bidu kif żdiedu fl-għadd?
• Il-kelma t’Alla b’liema mod xterdet f’iktar pajjiżi?
• Il-kelma t’Alla kif ittrijonfat fl-ewwel seklu?
• Liema sehem kellu l-ispirtu qaddis fit-tkattir tal-kelma t’Alla?
[Stampa f’paġna 12]
Filippu ppriedka lill-Etjopjan, u b’hekk l-aħbar tajba xterdet f’iktar pajjiżi
[Stampa f’paġna 13]
L-ispirtu qaddis idderieġa lill-appostli u lill-irġiel ixjeħ f’Ġerusalemm
[Sors tal-Istampa f’paġna 10]
Stampa tal-lemin, fuq: Riproduzzjoni tal-Belt taʼ Ġerusalemm fi żmien it-Tieni Tempju – tinsab fil-propjetà tal-Holyland Hotel, f’Ġerusalemm