Sib il-Ferħ m’Alla l-Hieni
“Mill-bqija, ħuti, ifirħu, . . . u Alla taʼ l-imħabba u s-sliem ikun magħkom.”—2 KORINTIN 13:11.
1, 2. (a) Ħafna nies għala m’għandhomx ferħ f’ħajjithom? (b) X’inhu l-ferħ, u kif nistgħu rrawmuh ġewwa fina?
F’DAWN iż-żminijiet mudlama, ħafna nies ma jħossux li għandhom għalxiex jifirħu. Meta tiġri xi diżgrazzja lilhom jew lill-maħbubin tagħhom, x’aktarx iħossuhom bħalma ħassu Ġob tal-qedem, li qal: “Il-bniedem imwieled minn mara għandu ħajja qasira, imma tbatija għandu biżżejjed.” (Ġob 14:1) Il-Kristjani m’humiex meħlusin mill-istress u t-tensjoni taʼ dan iż-“żmien iebes,” u ma niskantawx li xi qaddejja leali taʼ Jehovah kultant iħossuhom skuraġġiti.—2 Timotju 3:1.
2 Madankollu, il-Kristjani jistgħu jsibu l-ferħ, saħansitra meta jkunu għaddejjin minn xi prova. (Atti 5:40, 41) Biex nifhmu kif dan hu possibbli, l-ewwel ejja nikkunsidraw x’inhu l-ferħ. Il-ferħ ġie deskritt bħala l-emozzjoni mqanqla minn akkwist jew stennija taʼ xi ħaġa tajba.a Għaldaqstant, aħna nistgħu nkunu tassew ferħanin jekk noqogħdu naħsbu ftit dwar il-barkiet li għandna issa u fl-istess ħin nimmeditaw fuq l-affarijiet taʼ l-għaġeb li se jkollna fid-dinja l-ġdida t’Alla.
3. F’liema sens jistaʼ jingħad li kulħadd għandu minn taʼ l-inqas xi ftit raġunijiet biex ikun ferħan?
3 Kulħadd għandu xi ħaġa li għaliha għandu jkun grat. Kap taʼ familja forsi jitlef l-impjieg tiegħu. M’għandniex xi ngħidu, dan jinkwieta. Hu jixtieq jipprovdi għall-maħbubin tiegħu. Xorta waħda, jekk hu b’saħħtu u jiflaħ jaħdem għandu għalxiex ikun grat. Jekk isib ix-xogħol, se jkun kapaċi jaħdem iebes. Mill-banda l-oħra, mara Kristjana għandha mnejn tintlaqat minn xi marda li tiħdilha saħħitha. Iżda, hi tistaʼ tkun grata għall-appoġġ li jagħtuha xi ħbieb li jħobbuha u membri tal-familja li jgħinuha tiffaċċja l-marda tagħha bid-dinjità u l-kuraġġ. U l-Kristjani veri kollha, minkejja ċ-ċirkustanzi tagħhom, jistgħu jifirħu bil-privileġġ li jafu lil Jehovah, “Alla l-imbierek [jew, il-hieni]” u lil Ġesù Kristu, “Dak li hu l-hieni u waħdu setgħani.” (1 Timotju 1:11; 6:15) Iva, Alla Jehovah u Ġesù Kristu huma mill-iktar henjin. Huma żammew il-ferħ tagħhom minkejja l-fatt li l-kundizzjonijiet fuq l-art huma ferm differenti minn dak li kellu f’moħħu Jehovah fil-bidu. L-eżempju tagħhom jistaʼ jgħallimna ħafna dwar kif nistgħu nibqgħu ferħanin.
Qatt Ma Tilfu l-Ferħ Tagħhom
4, 5. (a) Jehovah kif irreaġixxa meta l-ewwel bnedmin irribellaw? (b) Jehovah b’liema mod żamm attitudni pożittiva lejn il-bnedmin?
4 Fil-ġnien taʼ Għeden, Adam u Eva kienu jbigħu s-saħħa u kellhom moħħ perfett. Kellhom xogħol produttiv u ambjent ideali fejn jaħdmu. Fuq kollox, kellhom il-privileġġ li jikkomunikaw regolarment maʼ Jehovah. Kien l-iskop t’Alla li huma jgawdu futur hieni. Imma l-ewwel ġenituri tagħna ma kinux sodisfatti b’dawn l-għotjiet tajbin kollha; huma serqu l-frotta projbita “mis-siġra taʼ tagħrif it-tajjeb u l-ħażin.” Dan l-att taʼ diżubbidjenza fetaħ it-triq għan-nuqqas taʼ kuntentizza li qed inġarrbu aħna, id-dixxendenti tagħhom, illum.—Ġenesi 2:15-17; 3:6; Rumani 5:12.
5 Madankollu, Jehovah ma ħalliex l-attitudni ingrata taʼ Adam u Eva tisraqlu l-ferħ tiegħu. Kien fiduċjuż li għallinqas xi wħud minn nisilhom kienu se jħossu fil-fond taʼ qalbhom li għandhom jaqduh. Fil-fatt, tant kien fiduċjuż dwar dan li, saħansitra qabel ma Adam u Eva kellhom l-ewwel tarbija, hu ħabbar l-iskop tiegħu li jifdi lid-dixxendenti ubbidjenti tagħhom! (Ġenesi 1:31; 3:15) Fis-sekli taʼ wara, il-maġġuranza tal-bnedmin imxew fuq il-passi taʼ Adam u Eva, imma Jehovah ma warrabx lill-familja umana minħabba din id-diżubbidjenza li tant kienet mifruxa. Minflok, hu tefaʼ l-attenzjoni tiegħu fuq l-irġiel u n-nisa li ‘ferrħulu qalbu,’ dawk li għamlu sforz qawwi biex jogħġbuh għax iħobbuh.—Proverbji 27:11; Lhud 6:10.
6, 7. Liema fatturi għenu lil Ġesù biex jibqaʼ hieni?
6 Xi ngħidu dwar Ġesù? Hu x’għamel biex baqaʼ hieni? Bħala spirtu setgħan fis-sema, Ġesù kellu kull opportunità josserva dak li jagħmlu l-bnedmin fuq l-art. Għalkemm kien jara l-imperfezzjonijiet tagħhom, hu xorta ħabbhom. (Proverbji 8:31) Iktar tard, meta ġie fuq l-art u fil-veru sens tal-kelma “għammar fost” il-bnedmin, l-opinjoni tiegħu dwar l-umanità ma nbidlitx. (Ġwann 1:14) X’kien li għen lill-Iben perfett t’Alla jżomm ħarsa daqshekk pożittiva dwar il-familja umana midinba?
7 L-ewwelnett, Ġesù kien raġunevoli f’dak li kien jistenna minnu nnifsu u minn oħrajn. Kien jaf li ma kienx se jirnexxilu jikkonverti lid-dinja kollha. (Mattew 10:32-39) Għalhekk, hu tgħidx kemm kien jifraħ meta saħansitra persuna sinċiera waħda kienet taċċetta l-messaġġ tas-Saltna. Għalkemm xi drabi d-dixxipli tiegħu kienu jonqsu fl-imġiba u fl-attitudni tagħhom, Ġesù kien jaf li fil-fond taʼ qalbhom huma verament riedu jagħmlu r-rieda t’Alla, u għal dan kien iħobbhom. (Luqa 9:46; 22:24, 28-32, 60-62) Taʼ min jinnota li, f’talba lil Missieru tas-sema, Ġesù semma fil-qosor il-passi pożittivi li kienu ħadu d-dixxipli tiegħu sa dak il-mument: “Huma ħarsu kelmtek.”—Ġwann 17:6.
8. Semmi xi modi li bihom nistgħu nimitaw lil Jehovah u lil Ġesù fil-kwistjoni taʼ kif nibqgħu henjin.
8 Bla dubju, ilkoll kemm aħna nistgħu nibbenefikaw jekk nirriflettu fuq l-eżempju li jagħtuna Alla Jehovah u Kristu Ġesù f’dan ir-rigward. Nistgħu aħna nimitaw iżjed bis-sħiħ lil Jehovah, forsi billi ma nsirux ansjużi żżejjed meta l-affarijiet ma jmorrux eżatt kif nixtiquhom? Nistgħu aħna nsegwu l-passi taʼ Ġesù iżjed mill-qrib billi nżommu ħarsa pożittiva lejn iċ-ċirkustanzi preżenti tagħna, kif ukoll billi nkunu raġunevoli f’dak li nistennew minna nfusna u minn oħrajn? Ejja naraw kif xi ftit minn dawn il-prinċipji jistgħu jiġu applikati b’mod prattiku fil-ministeru Kristjan, li hu għal qalb il-Kristjani żelużi f’kull parti tad-dinja.
Ibqaʼ Ħares Lejn il-Ministeru b’Mod Pożittiv
9. Ġeremija kif reġaʼ kiseb il-ferħ, u l-eżempju tiegħu kif jistaʼ jgħinna?
9 Jehovah jridna nkunu henjin fis-servizz tiegħu. Il-ferħ tagħna m’għandux ikun marbut mar-riżultati li niksbu. (Luqa 10:17, 20) Il-profeta Ġeremija ppriedka għal snin sħaħ f’territorju li ma ġablux riżultati tajbin. Meta kien jikkonċentra fuq ir-reazzjoni negattiva tan-nies, kien jitlef il-ferħ li kellu. (Ġeremija 20:8) Imma meta kien jimmedita fuq il-ġmiel tal-messaġġ innifsu, kien jerġaʼ jikseb il-ferħ. Ġeremija qallu lil Jehovah: “Jien sibt kliemek, u kiltu; u kelmtek saritli l-ferħ u l-hena taʼ qalbi; għax ismek issejjaħ fuqi, Mulej, Alla taʼ l-eżerċti.” (Ġeremija 15:16) Iva, Ġeremija thenna bil-privileġġ li kellu li jippriedka l-kelma t’Alla. L-istess nistgħu nagħmlu aħna.
10. Kif nistgħu nibqgħu henjin fil-ministeru anki jekk fil-preżent mhux qed ikollna riżultati tajbin fit-territorju tagħna?
10 Anki jekk il-maġġuranza tan-nies ma jaċċettawx l-aħbar tajba, aħna għandna kull raġun biex inkunu ferħanin hekk kif nieħdu sehem fil-ministeru taʼ l-għalqa. Ftakar li Jehovah kellu fiduċja sħiħa li xi bnedmin kienu se jħossu li għandhom jaqduh. Bħal Jehovah, qatt m’għandna naqtgħu qalbna li għallinqas xi wħud maż-żmien se jsiru konxji tal-kwistjoni li hemm involuta u jaċċettaw il-messaġġ tas-Saltna. Qatt m’għandna ninsew li ċ-ċirkustanzi tan-nies jinbidlu. Anki l-iktar bniedem li jħossu li ma jonqsu xejn jistaʼ jibda jaħseb serjament dwar it-tifsir tal-ħajja jekk dan iġarrab xi telfa jew jgħaddi minn xi kriżi ħabta u sabta. Se tkun hemm biex tagħti l-għajnuna meta bniedem bħal dan isir konxju tal-bżonn spiritwali tiegħu? (Mattew 5:3, NW) Iva, xi ħadd fit-territorju tiegħek għandu mnejn ikun lest li jismaʼ l-aħbar tajba l-ewwel darba li terġaʼ żżuru!
11, 12. X’seħħ f’belt żgħira, u x’nistgħu nitgħallmu minn dan?
11 It-territorju tagħna jistaʼ wkoll jinbidel b’mod ieħor. Ikkunsidra dan l-eżempju. F’belt żgħira kien hemm grupp taʼ koppji żgħażagħ bit-tfal. Dawn il-koppji kienu jiftehmu ħafna u meta kienu jżuruhom ix-Xhieda taʼ Jehovah, kollha kienu jgħidulhom l-istess ħaġa, “M’aħniex interessati!” Jekk kien ikun hemm xi ħadd li juri xi interess fil-messaġġ tas-Saltna, il-ġirien malajr kienu jiskuraġġuh biex ma jkomplix jismaʼ lix-Xhieda. M’għandniex xi ngħidu, kienet sfida biex tippriedka hemmhekk. Minkejja dan, ix-Xhieda ma qatgħux qalbhom, u xorta baqgħu jippridkaw. B’liema riżultat?
12 Maż-żmien, ħafna mit-tfal f’dik il-belt kibru, iżżewġu, u baqgħu joqogħdu hemmhekk. Xi wħud minn dawn iż-żgħażagħ irrealizzaw li f’ħajjithom ma kellhomx hena ġenwin, u bdew ifittxu l-verità. Din sabuha meta bdew jaċċettaw l-aħbar tajba mxandra mix-Xhieda. B’dan il-mod, wara ħafna snin, il-kongregazzjoni ċkejkna bdiet tikber. Immaġina l-ferħ tal-pubblikaturi tas-Saltna li ma qatgħux qalbhom! Jalla nuru l-perseveranza u nibqgħu nxandru l-messaġġ glorjuż tas-Saltna biex aħna wkoll ikollna l-ferħ!
Sħabek fit-Twemmin Se Jagħtuk Appoġġ
13. Għand min nistgħu mmorru meta nħossuna skuraġġiti?
13 Meta ħajtek tkun mimlija b’ħafna pressjonijiet jew jiġi fuqek l-għawġ, minfejn tistaʼ tikseb il-faraġ? Miljuni taʼ qaddejja dedikati taʼ Jehovah l-ewwel jirrikorru lejh permezz tat-talb, imbagħad jitkellmu maʼ ħuthom Kristjani. Meta kien fuq l-art, Ġesù nnifsu apprezza l-appoġġ tad-dixxipli tiegħu. Fil-lejla qabel ma miet, hu tkellem dwarhom bħala ‘dawk li żammew sħiħ miegħu fit-tiġrib kollu li ġie fuqu.’ (Luqa 22:28) M’għandniex xi ngħidu, dawn id-dixxipli kienu imperfetti, imma l-lealtà tagħhom kienet taʼ faraġ għall-Iben t’Alla. Aħna wkoll nistgħu niġu msaħħin minn adoraturi sħabna.
14, 15. X’għen lil koppja biex ikampaw mal-mewt taʼ binhom, u x’titgħallem int mill-esperjenza tagħhom?
14 Koppja Kristjana li jisimhom Michel u Diane saru jafu sew kemm jiswa l-appoġġ taʼ ħuthom. Binhom Jonathan taʼ 20 sena, Kristjan mimli ħajja u b’futur quddiemu, instab li kellu tumur f’rasu. It-tobba għamlu minn kollox biex jipprovaw isalvawh, imma Jonathan qaleb għall-agħar sakemm darba tard wara nofsinhar, hu raqad fil-mewt. Michel u Diane kellhom qalbhom maqsuma. Huma rrealizzaw li l-Laqgħa tas-Servizz, li kienet qed issir dik il-lejla, kienet waslet biex tispiċċa. Xorta waħda, peress li kellhom bżonn min ifarraġhom, staqsew lil anzjan li kien magħhom jekk setax iwassalhom is-Sala tas-Saltna. Waslu sewwa sew x’ħin il-kongregazzjoni kienet qed tiġi mgħarrfa bil-mewt taʼ Jonathan. Wara l-laqgħa, l-aħwa daru maʼ dawn il-ġenituri mbikkija u bdew jgħannquhom u jgħidulhom kliem taʼ faraġ. Diane tiftakar: “Meta wasalna s-sala konna qisna żewġ iċċassati, imma kemm kienu taʼ faraġ l-aħwa, kemm inkuraġġewna! Għalkemm ma setgħux ineħħulna l-uġigħ, huma għenuna nissaportu t-toqol tan-niket!”—Rumani 1:11, 12; 1 Korintin 12:21-26.
15 L-għawġ ġiegħel lil Michel u lil Diane jersqu eqreb lejn ħuthom. Ġagħalhom ukolljersqu eqreb lejn xulxin. Michel jgħid: “Tgħallimt ngħożż lill-għażiża marti saħansitra iżjed. F’mumenti meta nħossuna skuraġġiti, inkellmu ’l xulxin dwar il-verità tal-Bibbja u dwar kif Jehovah qiegħed isostnina.” Diane iżżid: “It-tama tas-Saltna tfisser saħansitra iżjed għalina issa.”
16. Għala hu importanti li nieħdu l-inizjattiva biex lil ħutna ngħarrfuhom bil-bżonnijiet tagħna?
16 Iva, ħutna Kristjani jistgħu jkunu “taʼ faraġ kbir” għalina f’mumenti diffiċli fil-ħajja, u b’hekk jgħinuna nibqgħu henjin. (Kolossin 4:11) M’għandniex xi ngħidu, huma ma jistgħux jaqrawlna moħħna. Għalhekk, meta jkollna bżonn l-appoġġ tagħhom, tajjeb li ngħidulhom x’għandna bżonn. Imbagħad nistgħu nesprimu apprezzament ġenwin għal kwalunkwe faraġ li ħutna jistgħu jagħtuna, waqt li nħarsu lejh bħala li ġej mingħand Jehovah.—Proverbji 12:25; 17:17.
Ħares Lejn il-Kongregazzjoni Tiegħek
17. Liema sfidi tiffaċċja waħda omm bla raġel, u aħna kif inħarsu lejhom uħud bħal dawn?
17 Iktar ma tħares mill-qrib lejn sħabek fit-twemmin, iktar issir tapprezzahom u tithenna tagħmilha magħhom. Ħares ftit lejn il-kongregazzjoni tiegħek. X’tara? Hemm xi mara bla raġel li qed titħabat biex trabbi lil uliedha fit-triq tal-verità? Qatt ħsibt kemm din tagħti eżempju tajjeb? Ipprova immaġina xi ftit mill-problemi li jkollha tiffaċċja. Jeanine, omm bla raġel, issemmi xi ftit minnhom: is-solitudni, rimarki mhux xierqa minn irġiel fuq ix-xogħol, nuqqas taʼ finanzi. Imma l-akbar diffikultà minnhom kollha, tgħid hi, tinvolvi l-attenzjoni li trid tagħti lill-bżonnijiet emozzjonali taʼ wliedha, peress li kull wieħed minnhom hu uniku. Jeanine issemmi problema oħra: “Mhux faċli tirbaħ it-tendenza li lil ibnek tgħabbih bir-responsabbiltà taʼ kap tad-dar biex jimla l-vojt taʼ missieru. Jien għandi tifla, u nsibha iebsa biex niftakar li m’għandix ngħabbiha bil-problemi intimi tiegħi.” Bħal eluf taʼ ġenituri oħra li għandhom il-biżaʼ t’Alla u li m’għandhomx sieħeb, Jeanine taħdem full-time u tieħu ħsieb id-dar u l-familja tagħha. Barra minn hekk, hi tistudja l-Bibbja mat-tfal tagħha, tħarriġhom fil-ministeru, u tiħodhom magħha għal-laqgħat tal-kongregazzjoni. (Efesin 6:4) Żgur li Jehovah jkun kuntent ħafna x’ħin jara kuljum lil din il-familja tistinka biex iżżomm l-integrità! Ma nħossux qlubna jfuru bil-ferħ li fostna għandna nies bħal dawn? Iva, tabilħaqq.
18, 19. Uri kif nistgħu nkabbru l-apprezzament tagħna għall-membri tal-kongregazzjoni.
18 Ħares mill-ġdid lejn il-kongregazzjoni tiegħek. Forsi tistaʼ tara rġiel u nisa leali li huma romol u li qatt ma jonqsu mil-laqgħat. (Luqa 2:37) Iħossuhom waħedhom dawn kultant? Dażgur. Dawn iħossuh ħafna l-vojt tas-sieħeb jew sieħba tagħhom! Imma jżommu ruħhom attivi fis-servizz taʼ Jehovah u jieħdu interess persunali f’oħrajn. L-attitudni stabbli u pożittiva tagħhom iżżid il-ferħ fil-kongregazzjoni! Mara Kristjana li ilha fil-ministeru full-time għal iktar minn 30 sena qalet: “L-akbar ferħ tiegħi hu li nara aħwa mdaħħlin fiż-żmien u li għaddew minn ħafna provi għadhom jaqdu lil Jehovah fedelment!” Iva, Kristjani fostna li huma mdaħħlin fiż-żmien huma taʼ inkuraġġiment kbir għal oħrajn li huma iżgħar.
19 Xi ngħidu għall-ġodda li għadhom kif bdew jassoċjaw mal-kongregazzjoni? Ma nħossuniex inkuraġġiti meta dawn jesprimu l-fidi tagħhom fil-laqgħat? Aħseb ftit dwar il-progress li għamlu minn meta bdew jistudjaw il-Bibbja. Jehovah żgur ferħan ħafna bihom. Xi ngħidu għalina? Ngħidulhom kemm aħna ferħanin bihom u nfaħħruhom taʼ l-isforzi li jagħmlu?
20. Għala jistaʼ jingħad li kull membru għandu post importanti fil-kongregazzjoni?
20 Int miżżewweġ, għażeb, jew ġenitur waħdek? Int tifel jew tifla bla missier (jew bla omm)? Int armel jew armla? Int ilek tassoċja mal-kongregazzjoni għal ħafna snin jew għadek kif bdejt tassoċja? Ibqaʼ ċert li l-eżempju tiegħek taʼ fedeltà hu inkuraġġanti għalina lkoll. U meta tingħaqad magħna biex tkanta xi għanja tas-Saltna, meta tikkummenta jew tieħu ħsieb xi inkarigu bħala student fl-Iskola tal-Ministeru Teokratiku, il-kontribut tiegħek iżidilna l-ferħ. Iktar importanti, dan iferraħ qalb Jehovah.
21. Il-ħafna raġunijiet li għandna xi jġagħluna nagħmlu, imma liema mistoqsijiet iqumu?
21 Iva, saħansitra f’dan iż-żmien imqalleb, aħna nistgħu nithennew waqt li nqimu lil Alla hieni tagħna. Għandna bosta raġunijiet biex naċċettaw l-inkuraġġiment taʼ Pawlu: “Ħuti, ifirħu, . . . u Alla taʼ l-imħabba u s-sliem ikun magħkom.” (2 Korintin 13:11) Iżda, xi ngħidu jekk niffaċċjaw xi diżastru naturali, xi persekuzzjoni, jew xi tbatija ekonomika kbira? Ikun possibbli li nżommu l-ferħ tagħna anki f’sitwazzjonijiet bħal dawn? Ara għalik innifsek hekk kif tikkunsidra l-artiklu li jmiss.
[Nota taʼ taħt]
a Ara l-Insight on the Scriptures, it-2 Volum, paġna 119, pubblikat mix-Xhieda taʼ Jehovah.
Taf Twieġeb?
• Kif jiġi deskritt il-ferħ?
• Il-fatt li nżommu attitudni pożittiva kif se jgħinna nibqgħu ferħanin?
• X’jistaʼ jgħinna nħarsu b’mod pożittiv lejn it-territorju tal-kongregazzjoni tagħna?
• Int b’liema mod tapprezzahom l-aħwa fil-kongregazzjoni tiegħek?
[Stampi f’paġna 10]
In-nies fit-territorju tagħna jistgħu jinbidlu
[Stampa f’paġna 12]
Liema sfidi jiffaċċjaw id-diversi membri tal-kongregazzjoni tiegħek?