Il-Livelli taʼ Min Tistaʼ Tafda?
Wieħed li kien qed iżur l-Afrika għall-ewwel darba baqaʼ ċċassat meta ra raġel wieqaf dritt dritt fil-ġenb tat-triq. Dan il-viżitatur innota li kull ftit minuti r-raġel kien qed ikaxkar ftit saqajh biex kemm kemm jiċċaqlaq lejn naħa minnhom filwaqt li baqaʼ wieqaf dritt. Kien biss iktar tard li l-viżitatur irrealizza għala dak ir-raġel kien qed jiċċaqlaq hekk. Kien, fil-fatt, qed jipprova jżomm fid-dell t’arblu tad-dawl. Id-dell kien qed jiċċaqlaq bil-mod il-mod skond ix-xemx taʼ wara nofsinhar.
BĦAL dak id-dell mir-raġġi tax-xemx, il-ġrajjiet u l-livelli tal-bniedem qegħdin dejjem jiċċaqalqu u jinbidlu. B’kuntrast maʼ dan, Alla Jehovah, “l-għajn tad-dawl,” ma jinbidilx. “Fih,” kiteb id-dixxiplu Ġakbu, “ma hemm ebda tibdil u anqas dell taʼ tidwir.” (Ġakbu 1:17) Il-profeta Ebrew Malakija niżżel bil-miktub id-dikjarazzjoni li għamel Alla nnifsu: “Jien, il-Mulej, ma tbiddiltx.” (Malakija 3:6) Lill-ġens taʼ Iżrael fi żmien Isaija, Alla qallu: “Sa xjuħitkom jien dejjem hu, sa meta jibjad xagħarkom nibqaʼ nġorrkom. Jiena [“ċertament li se naġixxi,” NW].” (Isaija 46:4) B’hekk, iż-żmien m’għandux ibiddel il-fiduċja li jistaʼ jkollna fil-wegħdi taʼ Dak li jistaʼ kollox.
Lezzjoni mil-Liġi
Sewwa sew bħalma l-wegħdi taʼ Jehovah ma jinbidlux u huma taʼ min jorbot fuqhom, hekk ukoll huma l-livelli tiegħu dwar x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. Tafdah int lil xi negozjant li juża żewġ piżijiet differenti, li wieħed minnhom biss ikun korrett? Dażgur li le. Bl-istess mod, “miżien falz jobogħdu l-Mulej imma jogħġbu l-użin tajjeb.” (Proverbji 11:1; 20:10) Fil-Liġi li ta lill-Iżraelin, Jehovah inkluda dan il-kmand: “La tqarraqx fil-ħaqq, fil-qjies, fl-użin u fil-kejl. Ikollkom miżien sewwa, piż sewwa, efa sewwa u ħinn sewwa. Jiena l-Mulej Alla tagħkom li ħriġtkom mill-art taʼ l-Eġittu.”—Levitiku 19:35, 36.
Meta l-Iżraelin obdew dan il-kmand kisbu l-favur t’Alla u anki ħafna benefiċċji materjali. Bl-istess mod, meta jinżammu l-livelli taʼ Jehovah li ma jinbidlux, mhux biss f’dak li għandu x’jaqsam maʼ piżijiet u kejl imma f’kull aspett tal-ħajja, dan se jwassal f’barkiet għall-adoratur li jafda fih. Alla jiddikjara: “Jien hu l-Mulej, Alla tiegħek; jien ngħallmek għall-ġid tiegħek, u nqabbdek it-triq fejn għandek timxi.”—Isaija 48:17.
Il-Livelli taʼ Llum Għala Sejrin għall-Agħar?
Il-Bibbja tindika x’inhi r-raġuni għala l-livelli taʼ llum sejrin għall-agħar. L-aħħar ktieb tal-Bibbja, l-Apokalissi, jiddeskrivi gwerra fis-sema, li r-riżultat tagħha għadu jeffettwa lill-bnedmin kollha sal-ġurnata taʼ llum. L-appostlu Ġwanni kiteb: “Mbagħad qamet gwerra fis-sema: Mikiel u l-anġli tiegħu jitqabdu mad-Dragun. U d-Dragun u l-anġli tiegħu tqabdu, iżda ma kellhomx ħila jegħlbu, u ma kienx hemm iżjed post għalihom fis-sema. U kien imwaddab id-Dragun il-kbir, is-Serp tal-qedem li hu msejjaħ id-Demonju u x-Xitan, il-qarrieq tad-dinja kollha, kien imwaddab għal fuq l-art, u miegħu kienu mwaddba l-anġli tiegħu.”—Apokalissi 12:7-9.
X’kien l-effett immedjat taʼ din il-gwerra? Ġwanni jkompli: “Għalhekk ifirħu, smewwiet, u intom li tgħammru fihom. Ħażin għalikom, art u baħar, għax fikom niżel id-Demonju, b’korla kbira fuqu, għax jaf li żmien ftit baqagħlu.”—Apokalissi 12:12.
Il-‘ħażin għall-art’ ġie meta faqqgħet l-Ewwel Gwerra Dinjija fl-1914 u temmet era taʼ livelli li kienu ferm differenti minn dawk taʼ llum. “Il-Gwerra l-Kbira taʼ bejn l-1914 u l-1918 qegħda hemm qisha medda t’art maħruqa li tifred dak iż-żmien minn żmienna,” tosserva l-iskrittriċi taʼ l-istorja Barbara Tuchman. “Meta qerdet tant ħajjiet li setgħu jkunu utli fis-snin taʼ wara, meta ħassret tant twemmin, bidlet l-ideat, u ħalliet feriti taʼ diżillużjoni li ma jfiqu qatt, din ħolqot qasma fiżika kif ukoll psikoloġika kbira bejn iż-żewġ epoki.” Eric Hobsbawm, kittieb ieħor taʼ l-istorja, jaqbel magħha: “Mill-1914 ’l hawn, kien hemm deterjorazzjoni ovvja fil-livelli li dak iż-żmien kienu meqjusin bħala normali fil-pajjiżi żviluppati . . . Mhux faċli li tifhem sa liema punt sejrin lura, sfortunatament b’pass mgħaġġel, lejn dawk li l-antenati tagħna tas-seklu dsatax kienu jsejħulhom il-livelli tal-barbariżmu.”
Fil-ktieb tiegħu Humanity—A Moral History of the Twentieth Century (L-Umanità—Storja Morali tas-Seklu Għoxrin), l-awtur Jonathan Glover jinnota hekk: “Fattur wieħed taʼ żmienna huwa li l-liġi morali qed tmajna.” Għalkemm hu xettiku dwar liġi morali minn xi sors estern peress li l-influwenza tar-reliġjon qed tonqos fid-dinja tal-Punent, hu jwissi: “Dawk fostna li ma jemmnux f’liġi morali reliġjuża xorta waħda għandhom iħossuhom inkwetati li din qed tmajna.”
It-tradiment tal-fiduċja fi żmienna—sew jekk fil-kummerċ, politika, jew reliġjon jew anki f’relazzjonijiet persunali u tal-familja—u l-konsegwenzi koroh li dan iġib miegħu huma parti mill-pjan mill-agħar tax-Xitan biex iġib il-gwaj fuq l-abitanti taʼ l-art. Satana determinat li l-gwerra tiegħu jiġġilidha sat-tmiem u miegħu jrid jeqred lil kulmin qed jipprova jgħix skond il-livelli t’Alla.—Apokalissi 12:17.
Hemm xi ħruġ, xi soluzzjoni għal dan it-tradiment tal-fiduċja li tant qed naraw madwarna? L-appostlu Pietru jwieġeb: “Imma aħna, skond il-wegħda [t’Alla], nistennew smewwiet ġodda u art ġdida, li fihom tgħammar il-ġustizzja.” (2 Pietru 3:13) Din il-wegħda nistgħu nafdawha għaliex Alla mhux biss għandu l-qawwa biex iwettaq l-iskop tiegħu imma hu wkoll jiggarantixxi li se jwettqu. Rigward kull ‘kelma li toħroġ minn fommu’ Jehovah jiddikjara: “Ma terġax lura vojta, imma tagħmel dak li jogħġob lili, u ttemm dak li nkun bgħattha tagħmel.” Wegħda taʼ min jorbot fuqha tabilħaqq!—Isaija 55:11; Apokalissi 21:4, 5.
Ngħixu Skond il-Livelli t’Alla
F’dinja fejn il-livelli dejjem jinbidlu u jeħżienu, ix-Xhieda taʼ Jehovah qed jipprovaw jgħixu skond il-livelli taʼ kondotta li toffri l-Bibbja. B’riżultat taʼ dan, huma jidhru differenti mill-maġġuranza tan-nies, u din il-ħaġa spiss tiġi nnotata—u mmaqdra—min-nies oħrajn.
Waqt konvenzjoni tax-Xhieda taʼ Jehovah ġewwa Londra, kelliemi għalihom ġie mistoqsi minn ġurnalista taʼ stazzjon televiżiv jekk ix-Xhieda taʼ Jehovah humiex fil-fatt Kristjani. Hu wieġeb: “Iva, assolutament, għaliex Ġesù huwa l-eżempju tagħna. Hemm ħafna egoiżmu fid-dinja, u aħna niffokaw fuq Ġesù Kristu bħala t-triq, il-verità, u l-ħajja. Aħna nemmnu li hu l-Iben t’Alla, mhux parti minn Trinità, u għalhekk il-Bibbja nifhmuha b’mod differenti minn kif jifhmuha r-reliġjonijiet ewlenin.”
Meta l-intervista xxandret fuq l-istazzjon televiżiv tal-BBC, il-ġurnalista temm il-programm billi qal: “Sirt naf ħafna iktar dwar għala x-Xhieda taʼ Jehovah jiġu jħabbtu bieb bieb. U ma naħsibx li qatt kont rajt 25,000 persuna libsin tant pulit u jġibu ruħhom tant tajjeb miġburin f’post wieħed fl-istess ħin.” Tabilħaqq xiehda mill-aħjar taʼ kemm hu għaqli li żżomm mal-livelli t’Alla li ma jinbidlux, u speċjalment meta din ġejja mingħand osservatur minn barra!
Filwaqt li xi wħud forsi ddejjaqhom l-idea li jgħixu skond livelli li ma jkunux għamluhom huma stess, ninkuraġġuk tfittex fil-Bibbja tiegħek u titgħallem x’inhuma l-livelli t’Alla. Imma tkunx sodisfatt sempliċement b’ħarsa fuq fuq. Segwi t-twissija bl-imħabba taʼ l-appostlu Pawlu: “Timxux max-xejra taʼ din id-dinja, iżda nbidlu skond it-tiġdid taʼ fehmietkom, biex iseħħilkom tagħrfu x’inhi r-rieda taʼ Alla, x’inhu t-tajjeb li jogħġbu, x’inhu perfett.” (Rumani 12:2) Żur is-Sala tas-Saltna fil-lokalità tiegħek, u sir afhom lix-Xhieda li jiltaqgħu hemmhekk. Issib li huma nies normali li jafdaw fil-wegħdi tal-Bibbja u juru l-fiduċja tagħhom f’Alla billi jipprovaw jgħixu skond il-livelli tiegħu.
Jekk fil-ħajja persunali tiegħek iżżomm mal-livelli t’Alla li ma jinbidlux u li huma taʼ min jafdahom, int żgur li se tikseb ħafna barkiet. Agħti kas l-istedina li qed jagħmillek Alla nnifsu: “Li kieku tajt widen għall-kmandamenti tiegħi, kien ikun bħal xmara sliemek, u sedqek bħal mewġ tal-baħar.”—Isaija 48:18.
[Stampi f’paġna 5]
Illum, hemm tradiment taʼ fiduċja fil-kummerċ, fil-politika, fir-reliġjon, u fir-relazzjonijiet tal-familja