LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w01 9/1 pp. 27-30
  • Kif Tistaʼ Tieħu Deċiżjonijiet Tajbin

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kif Tistaʼ Tieħu Deċiżjonijiet Tajbin
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Bżonn l-​Għajnuna
  • Xi Ngħidu għal-​Lum?
  • Id-​Deċiżjonijiet li Nieħdu
  • Ir-​Riżultat tad-​Deċiżjonijiet li Nieħdu
  • Eżerċita l-​fidi—Iddeċiedi bil-​għaqal!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2017
  • Ħu Deċiżjonijiet li Jonoraw lil Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
  • “Kull Wieħed Iġorr it-Tagħbija Tiegħu”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Kif Tieħu Deċiżjonijiet Tajbin
    Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem!—Il-Bibbja Turik Kif
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
w01 9/1 pp. 27-30

Kif Tistaʼ Tieħu Deċiżjonijiet Tajbin

IL-​LIBERTÀ taʼ l-​għażla hi rigal mingħand Alla. Mingħajrha, konna nkunu qisna pupazzi, bla kontroll fuq l-​azzjonijiet tagħna. Iżda biha niffaċċjaw ħafna sfidi. Bil-​libertà taʼ l-​għażla jkollna nieħdu ħafna deċiżjonijiet fil-​ħajja.

M’għandniex xi ngħidu, ħafna deċiżjonijiet huma insinifikanti. Oħrajn, bħal x’karriera se nagħżlu jew jekk niżżewġux jew le, jistgħu jeffettwaw il-​ġejjieni tagħna kollu. Jerġaʼ deċiżjonijiet oħrajn jeffettwaw lil nies oħrajn. Xi deċiżjonijiet li jieħdu l-​ġenituri jkollhom effett profond fuq uliedhom. Iktar minn hekk, irridu nagħtu kont ’l Alla taʼ ħafna mid-​deċiżjonijiet li nieħdu.—Rumani 14:12.

Bżonn l-​Għajnuna

Il-​bnedmin għamlu isem ħażin għalihom infushom fil-​kwistjoni taʼ x’deċiżjonijiet jieħdu. Waħda mill-​ewwel deċiżjonijiet umani li naqraw dwarha kienet diżastruża. Eva ddeċidiet li tieħu mill-​frotta li Alla kien qalilhom ċar u tond biex ma jiklux minnha. L-​għażla li għamlet, ibbażata fuq xewqa egoistika, wasslet biex żewġha ngħaqad magħha fid-​diżubbidjenza lejn Alla, u r-​riżultat ġab sofferenza kbira fuq il-​bnedmin. Taʼ spiss, il-​bnedmin għadhom jibbażaw id-​deċiżjonijiet tagħhom iktar fuq xewqat egoistiċi milli fuq prinċipji tajbin. (Ġenesi 3:​6-19; Ġeremija 17:9) U meta niffaċċjaw deċiżjonijiet serji, spiss ma nkunux nafu x’se naqbdu nagħmlu.

Għalhekk, ma niskantawx li meta jkunu jridu jieħdu deċiżjonijiet importanti, ħafna nies ifittxu l-​għajnuna mingħand sorsi ogħla mill-​bnedmin. Il-​Bibbja ssemmi okkażjoni meta Nabukodonosor, f’nofs kampanja militari, ried jieħu deċiżjoni. Għalkemm kien sultan, ħass il-​bżonn li “jistħarreġ xortih,” li jikkonsulta l-​ispirti. Għaldaqstant, insibu miktub: “Hu ħallat il-​vleġeġ, stħarreġ it-​terafim, stħarreġ il-​fwied.” (Eżekjel 21:26 [21:​21, NW]) Bl-​istess mod illum, ħafna nies jikkonsultaw lil dawk li jaqraw ix-​xorti u lill-​astroloġi, u jfittxu l-​għajnuna mill-​ispirti b’modi oħrajn. Iżda dawn huma qarrieqa u jiżvijaw lin-​nies.—Levitiku 19:31.

Hemm Wieħed li hu taʼ min joqgħod fuqu kompletament u matul iż-​żminijiet għen lill-​bnedmin jieħdu deċiżjonijiet għaqlin. Dan m’hu ħadd ħlief Alla Jehovah. Per eżempju, fl-​antik Alla ta lil Iżrael, il-​poplu tiegħu, l-​Urim u t-​Tummim, li x’aktarx kienu xi tip taʼ dammi sagri li kienu jittellgħu bix-​xorti meta l-​ġens kien jiffaċċja sitwazzjonijiet taʼ importanza kbira. Permezz taʼ l-​Urim u t-​Tummim, Jehovah ta tweġibiet diretti għal mistoqsijiet li kienu jsirulu u għen lill-​anzjani taʼ Iżrael ikunu ċerti li jieħdu deċiżjonijiet fi qbil mar-​rieda tiegħu.—Eżodu 28:30; Levitiku 8:8; Numri 27:21.

Ikkunsidra eżempju ieħor. Meta Gidgħon ġie msejjaħ biex imexxi l-​eżerċti taʼ Iżrael kontra Midjan. Hu ried jiddeċiedi jekk jaċċettax dan il-​privileġġ kbir jew le. Peress li ried ikun ċert li Jehovah se jappoġġah, Gidgħon talab għal sinjal mirakoluż. Talab li ġeżża suf, li titħalla barra bil-​lejl, tixxarrab bin-​nida waqt li l-​art taʼ madwarha tibqaʼ xotta. Il-​lejl taʼ wara, hu talab li l-​ġeżża suf tibqaʼ xotta waqt li l-​art taʼ madwarha tixxarrab bin-​nida. B’qalb tajba, Jehovah ta lil Gidgħon is-​sinjali li xtaq. Minħabba dan, Gidgħon ħa d-​deċiżjoni t-​tajba u, b’appoġġ divin, għeleb għalkollox l-​għedewwa taʼ Iżrael.—Mħallfin 6:​33-40; 7:​21, 22.

Xi Ngħidu għal-​Lum?

Illum, Jehovah xorta joffri għajnuna lill-​qaddejja tiegħu meta dawn jiffaċċjaw deċiżjonijiet importanti. Kif? Għandna aħna nagħmlu bħal Gidgħon, nistaqsu ‘għall-​prova tal-​ġeżża suf,’ u nitolbu għal sinjali mingħand Jehovah biex jurina liema hi d-​deċiżjoni t-​tajba? Tnejn miżżewġin kienu qed itellgħu u jniżżlu jekk għandhomx imorru jaqdu fejn kien hemm ħtieġa akbar għal xandara tas-​Saltna. Biex ikunu jistgħu jiddeċiedu, huma ħasbu li jagħmlu prova. Ġabu d-​dar tagħhom għal bejgħ b’ċertu prezz. Jekk id-​dar tinbiegħ sa ċertu data għall-​prezz li talbu jew iktar, dan kienu se jqisuh bħala sinjal li Alla riedhom jagħmlu l-​pass. Jekk id-​dar ma tinbiegħx, kienu se jikkonkludu li Alla ma riedhomx imorru.

Id-dar ma nbigħetx. Kien dan sinjal li Jehovah ma riedx lil din il-​koppja tmur taqdi fejn il-​ħtieġa kienet akbar? M’għandniex xi ngħidu, inkunu prużuntużi jekk naħsbu li nistgħu ngħidu eżatt x’jagħmel u x’ma jagħmilx Jehovah għall-​qaddejja tiegħu. Ma nistgħux ngħidu li llum Jehovah qatt ma jindaħal biex jurina x’inhi r-​rieda tiegħu għalina. (Isaija 59:1) Madankollu, m’għandniex dritt nippretendu li Alla se jindaħal fid-​deċiżjonijiet ewlenin tagħna, u fil-​fatt inħallu lilu jieħu d-​deċiżjonijiet għalina. Iva anki Gidgħon, matul il-​biċċa l-​kbira minn ħajtu kellu jieħu deċiżjonijiet mingħajr sinjali mirakolużi mingħand Jehovah!

Xorta waħda, il-​Bibbja tgħid li nistgħu nfittxu u nsibu gwida divina. Il-​Kelma t’Alla tbassar għal żmienna: “Minn warajk jisimgħu widnejk kliem li jwissik u jgħidlek: ‘Din hi t-​triq; għaddi minnha, sew jekk tikser lejn il-​lemin, sew lejn ix-​xellug.’” (Isaija 30:21) Meta quddiemna jkollna għażliet importanti x’nagħmlu, ikun tabilħaqq xieraq li nkunu żguri li d-​deċiżjonijiet li nieħdu jkunu fi qbil mar-​rieda t’Alla, u jirriflettu l-​għerf superjuri tiegħu. Kif? Billi nfittxu fil-​Kelma tiegħu u nħalluha tkun ‘fanal għal riġlejna, u dawl fil-​mogħdija tagħna.’ (Salm 119:105; Proverbji 2:​1-6) Biex nagħmlu dan irridu rrawmu fina d-​drawwa li nieħdu għarfien eżatt mill-​Bibbja. (Kolossin 1:​9, 10) U meta jkollna bżonn nieħdu xi deċiżjoni, għandna nfittxu bir-​reqqa l-​prinċipji Bibliċi kollha li huma konnessi magħha. Din ir-​riċerka tgħinna ‘nagħżlu l-​aħjar,’ fis-​sens li nkunu żguri mill-​affarijiet iktar importanti.—Filippin 1:​9, 10.

Għandna wkoll nitkellmu maʼ Jehovah fit-​talb, fiduċjużi li se jismagħna. Kemm hu taʼ faraġ li tispjega lill-​għażiż Missierna d-​deċiżjoni li trid tieħu u x’għażliet oħrajn qed tikkunsidra! Imbagħad, nistgħu nitolbu fiduċjużi għall-​gwida tiegħu biex nieħdu d-​deċiżjoni t-​tajba. Spiss, l-​ispirtu qaddis ifakkarna fil-​prinċipji tal-​Bibbja li japplikaw għalina, jew jistaʼ jgħinna nifhmu aħjar xi skrittura li għandha x’taqsam mas-​sitwazzjoni tagħna.—Ġakbu 1:​5, 6.

Jehovah jipprovdi wkoll nies maturi fil-​kongregazzjoni li magħhom nistgħu niddiskutu d-​deċiżjonijiet tagħna. (Efesin 4:​11, 12) Iżda meta nfittxu l-​opinjoni t’oħrajn m’għandniex inkunu bħal dawk li javviċinaw persuna wara l-​oħra sakemm fl-​aħħar isibu lil xi ħadd li jgħidilhom dak li jridu jisimgħu; imbagħad jieħdu l-​parir tiegħu. M’għandniex ninsew ukoll li nieħdu t-​twissija mill-​eżempju taʼ Reħobogħam. Meta ried jieħu deċiżjoni serja, hu rċieva parir eċċellenti mingħand l-​irġiel ixjeħ li kienu qdew maʼ missieru. Madankollu, minflok ma ħa l-​parir tagħhom, hu mar jistaqsi liż-​żgħażagħ li trabbew miegħu. Peress li mexa fuq il-​parir tagħhom, hu ħa deċiżjoni ħażina ferm u b’riżultat taʼ dan tilef parti kbira mis-​saltna tiegħu.—1 Slaten 12:​1-17.

Meta tfittex xi parir mur għand min għandu l-​esperjenza tal-​ħajja u li għandu ħafna għarfien mill-​Iskrittura flimkien maʼ rispett profond lejn prinċipji tajbin. (Proverbji 1:5; 11:14; 13:20) Fejn ikun possibbli ħu l-​ħin biex timmedita fuq il-​prinċipji li hemm involuti u fuq l-​informazzjoni kollha li tkun ġbart. Hekk kif tibda tħares lejn l-​affarijiet fid-​dawl tal-​Kelma taʼ Jehovah, x’aktarx li iktar se tara ċar liema hi d-​deċiżjoni t-​tajba li għandek tieħu.—Filippin 4:​6, 7.

Id-​Deċiżjonijiet li Nieħdu

Hemm deċiżjonijiet li faċli tiħodhom. Meta l-​appostli taʼ Ġesù ġew kmandati biex ma jibqgħux jagħtu xiehda, kienu jafu li riedu jibqgħu jippridkaw dwar Ġesù, u mill-​ewwel informaw lis-​Sinedriju dwar id-​deċiżjoni tagħhom li jobdu ’l Alla minflok lill-​bnedmin. (Atti 5:​28, 29) Deċiżjonijiet oħrajn forsi jirrikjedu iktar ħsieb għax ma jkunx hemm xi stqarrija diretta fil-​Bibbja dwar il-​kwistjoni. Xorta waħda, il-​prinċipji Bibliċi normalment jitfgħu dawl fuq liema tkun l-​aħjar deċiżjoni li għandek tieħu. Per eżempju, għalkemm ħafna għamliet taʼ divertiment li nsibu llum ma kinux jeżistu fi żmien Ġesù, hemm stqarrijiet ċari fil-​Bibbja dwar dak li jogħġob lil Jehovah u dak li ma jogħġbux. B’hekk, Kristjan li jieħu sehem f’divertiment li jġib ’il quddiem il-​vjolenza, l-​immoralità, jew ir-​ribelljoni jkun ħa deċiżjoni ħażina.—Salm 97:10; Ġwann 3:​19-21; Galatin 5:​19-23; Efesin 5:​3-5.

Kultant żewġ deċiżjonijiet jistgħu jkunu tajbin it-​tnejn. Li taqdi fejn il-​ħtieġa hi akbar hu privileġġ meraviljuż u jistaʼ jwassal għal barkiet kbar. Imma jekk xi ħadd għal xi raġuni jiddeċiedi li ma jagħmilx dan, xorta jistaʼ jagħmel xogħol mill-​aħjar fil-​kongregazzjoni fejn joqgħod. Kultant niffaċċjaw xi deċiżjoni li tagħtina l-​opportunità biex nuru kemm hi profonda d-​devozzjoni tagħna lejn Jehovah jew x’inhu l-​iktar importanti f’ħajjitna. B’hekk, Jehovah jħallilna l-​libertà taʼ l-​għażla biex nuru x’inhi tassew il-​kundizzjoni taʼ qalbna.

Spiss, oħrajn jiġu effettwati mid-​deċiżjonijiet li nieħdu. Per eżempju, il-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu tgħidx kemm ferħu li ħelsu minn ħafna restrizzjonijiet tal-​Liġi. Per eżempju, dan kien ifisser li setgħu jaċċettaw jew jirrifjutaw ikel li kien imniġġes taħt il-​Liġi. Xorta waħda, ġew inkuraġġiti li jqisu l-​kuxjenza taʼ ħaddieħor meta jiddeċiedu jekk għandhomx jużaw din il-​libertà. Il-​kliem taʼ Pawlu dwar din il-​kwistjoni jistaʼ japplika għal ħafna mid-​deċiżjonijiet li nieħdu: “Tkunux taʼ tfixkil.” (1 Korintin 10:32) Ix-​xewqa li ma nfixklux lill-​oħrajn tistaʼ tgħinna niddeterminaw ħafna mid-​deċiżjonijiet li nieħdu. Wara kollox, it-​tieni l-​akbar kmandament hu: l-imħabba għall-​proxxmu.—Mattew 22:​36, 39.

Ir-​Riżultat tad-​Deċiżjonijiet li Nieħdu

Deċiżjonijiet li jittieħdu b’kuxjenza safja u li jkunu bbażati fuq prinċipji mill-​Bibbja dejjem se jkollhom riżultat aħħari tajjeb. M’għandniex xi ngħidu, meta jittieħed dan it-​tip taʼ deċiżjonijiet forsi jkollna nagħmlu xi sagrifiċċji persunali. Meta l-​appostli informaw lis-​Sinedriju bid-​deċiżjoni tagħhom li jibqgħu jippridkaw dwar Ġesù, ġew imsawtin qabel ma nħelsu. (Atti 5:40) Meta t-​tliet Ebrej—Sidrak, Mesak, u Għabednegu—iddeċidew li ma jmilux quddiem l-​istatwa tad-​deheb taʼ Nabukodonosor, huma pperikolaw ħajjithom. Kienu lesti li jiffaċċjaw il-​possibbiltà li d-​deċiżjoni li ħadu setgħet tiswielhom ħajjithom. Imma kienu jafu li huma kien se jkollhom l-​approvazzjoni u l-​barka t’Alla.—Danjel 3:​16-19.

Jekk niltaqgħu maʼ diffikultajiet wara li nkunu ħadna deċiżjoni bbażata fuq il-​kuxjenza, ma jfissirx li għandna nirraġunaw li d-​deċiżjoni kienet żbaljata. “Iż-​żmien u ċ-​ċirkustanzi” mhux mistennijin jistgħu jeffettwaw ħażin ir-​riżultat taʼ saħansitra deċiżjonijiet li jkunu ttieħdu b’intenzjoni tajba. (Koħèlet 9:11) Iktar minn hekk, xi drabi Jehovah jħalli l-​għawġ jiġi fuqna biex iservi taʼ prova għall-​ġenwinità tal-​lealtà tagħna. Ġakobb kellu jissara l-​lejl kollu maʼ anġlu qabel ma ħa l-​barka mingħandu. (Ġenesi 32:​24-26) Aħna wkoll forsi jkollna nissaraw maʼ l-​għawġ, anki meta nkunu qed nagħmlu t-​tajjeb. Iżda meta d-​deċiżjonijiet li nieħdu jkunu fi qbil mar-​rieda t’Alla, nistgħu nkunu fiduċjużi li hu se jgħinna nissaportu u li fl-​aħħar mill-​aħħar iberikna.—2 Korintin 4:7.

Għaldaqstant, meta tieħu xi deċiżjoni importanti, tistrieħx fuq l-​għerf li għandek. Fittex il-​prinċipji tal-​Bibbja li japplikaw għalik. Tkellem maʼ Jehovah dwar il-​kwistjoni. Fejn ikun possibbli, tkellem maʼ Kristjani sħabek li huma maturi, u mbagħad agħmel il-​qalb. Uża b’mod responsabbli l-​libertà taʼ l-​għażla li tak Alla. Ħu deċiżjoni tajba u uri lil Jehovah li qalbek hi retta quddiemu.

[Stampa f’paġna 28]

Fittex fil-​Kelma t’Alla qabel ma tieħu deċiżjonijiet importanti

[Stampi f’paġna 29]

Tkellem maʼ Jehovah dwar id-​deċiżjonijiet li trid tieħu

[Stampi f’paġna 30]

Id-​deċiżjonijiet ewlenin tiegħek tistaʼ tiddiskutihom maʼ Kristjani maturi

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja