“Kull Wieħed Iġorr it-Tagħbija Tiegħu”
“Kull wieħed minna se jagħti kont tiegħu nnifsu lil Alla.” —RUMANI 14:12.
1. Liema responsabbiltà ffaċċjaw it-tliet Ebrej?
TLIET żgħażagħ Ebrej li kienu jgħixu Babilonja ffaċċjaw deċiżjoni taʼ ħajja jew mewt. Għandhom huma jmilu quddiem ix-xbieha immensa, kif talbet il-liġi tal-pajjiż? Jew għandhom jirrifjutaw li jqimuha u jintefgħu ġo forn taʼ nar iħeġġeġ? Sidrak, Mesak u Għabednegu ma kellhomx żmien biex jitolbu l-parir taʼ xi ħadd; lanqas biss kellhom bżonn jagħmlu dan. Mingħajr ma qagħdu jaħsbuha huma ddikjaraw: “Kun af, sultan, li allatek m’aħniex se naqduhom, u l-istatwa tad-deheb li int waqqaft m’aħniex se nqimuha.” (Danjel 3:1-18) It-tliet Ebrej refgħu t-tagħbija tar-responsabbiltà tagħhom.
2. Min, fil-fatt, ħa d-deċiżjoni taʼ Pilatu dwar Ġesù Kristu, u ħeles dan lill-gvernatur Ruman mir-responsabbiltà?
2 Xi sitt sekli wara, il-gvernatur semaʼ lakkużi kontra r-raġel. Wara li eżamina l-każ, hu kkonvinċa ruħu li l-akkużat huwa innoċenti. Xorta waħda, il-folla riedet toqtlu. Wara li pprova jirrifjuta t-talba tagħhom, il-gvernatur ma riedx iġorr it-tagħbija tar-responsabbiltà tiegħu u ċeda għall-pressjoni. Wara li ħasel idejh, hu qal: “Jien innoċenti mid-demm taʼ dan ir-raġel.” Imbagħad tahom ir-raġel biex isammruh maʼ zokk. Iva, minflok ma ġarr ir-responsabbiltà tiegħu biex jieħu deċiżjoni dwar Ġesù Kristu, Ponzju Pilatu ħalla lil oħrajn jiddeċiedu għalih. Ħasel kemm ħasel idejh, Pilatu xorta kien għadu responsabbli għas-sentenza inġusta li ta lil Ġesù.—Mattew 27:11-26; Luqa 23:13-25.
3. Għala m’għandniex inħallu lil ħaddieħor jiddeċiedi għalina?
3 Xi ngħidu għalik? Meta jkollok bżonn tieħu xi deċiżjonijiet, tagħmel bħat-tliet Ebrej, jew tħalli lil ħaddieħor jiddeċiedi għalik? M’huwiex faċli meta tkun trid tieħu xi deċiżjoni. Hemm bżonn li wieħed ikun matur sabiex jagħmel għażliet tajbin. Per eżempju, il-ġenituri jridu jieħdu deċiżjonijiet tajbin għaċ-ċkejknin tagħhom. Ċertament li huwa diffiċli ħafna li tieħu deċiżjoni meta s-sitwazzjoni hija komplikata u jridu jiġu kunsidrati diversi fatturi. Madankollu, ir-responsabbiltà biex nieħdu d-deċiżjonijiet m’hijiex tant diffiċli li għandha tiġi inkluża mat-“toqol,” jew l-affarijiet taʼ inkwiet, li dawk li għandhom “kwalifiki spiritwali” jistgħu jġorru għalina. (Galatin: 6:1, 2) Għall-kuntrarju, din hija tagħbija li għaliha “kull wieħed minna se jagħti kont tiegħu nnifsu lil Alla.” (Rumani 14:12) “Kull wieħed iġorr it-tagħbija tiegħu,” tgħid il-Bibbja. (Galatin 6:5) Allura, kif nistgħu aħna nieħdu deċiżjonijiet għaqlin fil-ħajja? L-ewwel, għandna nagħrfu l-limitazzjonijiet umani tagħna u naraw x’hemm bżonn biex inpattu għalihom.
Fattur Essenzjali
4. Liema lezzjoni importanti ferm dwar li nieħdu deċiżjonijiet għandna nitgħallmu mid-diżubbidjenza taʼ l-ewwel koppja umana?
4 Fil-bidu taʼ l-istorja tal-bniedem, l-ewwel koppja ħadet deċiżjoni li ġabet konsegwenzi diżastrużi. Huma għażlu li jieklu mill-frott tas-siġra taʼ tagħrif it-tajjeb u l-ħażin. (Ġenesi 2:16, 17) Fuq liema ħaġa kienet ibbażata d-deċiżjoni tagħhom? “Il-mara rat li s-siġra kienet tajba għall-ikel u tiġbdek fil-għajn, u s-siġra tħajjrek,” tgħid il-Bibbja. “U ħadet mill-frott u kielet. Mbagħad tat ukoll lil żewġha, li kien magħha, u kiel.” (Ġenesi 3:6) L-għażla t’Eva kienet ibbażata fuq xewqa egoistika. L-azzjoni tagħha wasslet lil Adam biex jagħmel bħalha. B’riżultat taʼ dan, id-dnub u l-mewt ‘infirxu fuq il-bnedmin kollha.’ (Rumani 5:12) Id-diżubbidjenza taʼ Adam u Eva għandha tgħallimna lezzjoni importanti ħafna dwar il-limiti tal-bniedem: Sakemm ma jżommx mal-gwida divina, il-bniedem għandu t-tendenza li jieħu deċiżjonijiet ħżiena.
5. Liema gwida pprovdielna Ġeħova, u x’għandna nagħmlu biex nibbenefikaw minnha?
5 Kemm għandna nkunu grati li Alla Ġeħova tana direzzjoni! L-Iskrittura tgħidilna: “Minn warajk jisimgħu widnejk kliem li jwissik u jgħidlek: ‘Din hi t-triq; għaddi minnha, sew jekk tikser lejn il-lemin, sew lejn ix-xellug.’” (Isaija 30:21) Ġeħova jkellimna permezz tal-Kelma ispirata tiegħu, il-Bibbja. Aħna għandna nistudjaw l-Iskrittura u niksbu għarfien eżatt minnha. Sabiex nagħmlu għażliet tajbin, aħna għandna nieħdu mill-“ikel solidu [li] hu għan-nies maturi.” “Bl-użu,” aħna wkoll ‘għandna s-sensi tagħna mħarrġin biex nagħrfu nagħżlu kemm it-tajjeb u kemm il-ħażin.’ (Ebrej 5:14) Aħna nistgħu nħarrġu ssensi tagħna billi napplikaw dak li nitgħallmu mill-Kelma t’Alla.
6. X’inhu meħtieġ sabiex il-kuxjenza tagħna tiffunzjona b’mod xieraq?
6 Xi ħaġa li hija essenzjali fil-proċess taʼ li nieħdu deċiżjonijiet hija l-fakultà li writna tal-kuxjenza. Din il-fakultà għandha l-abbiltà li tagħmel ġudizzju, u biha nistgħu niġu “akkużati jew skużati.” (Rumani 2:14, 15) Però, sabiex il-kuxjenza tagħna tiffunzjona b’mod xieraq għandha tiġi mħarrġa bl-għarfien eżatt mill-Kelma t’Alla u ssir sensittiva minħabba l-applikar taʼ din il-Kelma. Kuxjenza li mhix imħarrġa tistaʼ faċilment tiġi effettwata minn tradizzjonijiet u drawwiet lokali. L-affarijiet taʼ madwarna u l-opinjonijiet taʼ nies oħrajn jistgħu wkoll jiżvijawna. X’jiġrilha l-kuxjenza tagħna jekk ninjorawha ripetutament meta tniggiżna u niksru l-livelli divini? Maż-żmien, din tistaʼ timmarka fil-fond bħallikieku “b’ħadida mikwija,” u ssir bħal ġilda iebsa li jkollha farrett—ma tibqax tħoss u ma tirreaġixxix. (1 Timotju 4:2) Mill-banda l-oħra, kuxjenza mħarrġa mill-Kelma t’Alla hija gwida taʼ min joqgħod fuqha.
7. Liema fattur essenzjali jistaʼ jgħinna nieħdu deċiżjonijiet għaqlin?
7 Għalhekk, għandna bżonn għarfien eżatt taʼ l-Iskrittura u l-abbiltà li napplikawh sabiex inġorru r-responsabbiltà li nieħdu deċiżjonijiet għaqlin. Minflok ma naqbdu u naslu għal konklużjonijiet meta niffaċċjaw xi għażliet, aħna għandna nieħdu l-ħin biex infittxu dwar prinċipji Bibliċi u nużaw l-abbiltà tal-ħsieb hekk kif napplikawhom. Anki meta jkollna nieħdu deċiżjoni immedjata—bħalma għamlu Sidrak, Mesak u Għabednegu—aħna se nkunu preparati tajjeb jekk ikollna għarfien eżatt tal-Kelma t’Alla u l-kuxjenza tagħna tkun ġiet imħarrġa bih. Sabiex nifhmu kif il-fatt li nirsistu lejn il-maturità jistaʼ jtejjeb l-abbiltà tagħna biex nieħdu deċiżjonijiet, ejja nikkunsidraw żewġ oqsma tal-ħajja.
Maʼ Min Għandna Nissieħbu?
8, 9. (a) Liema prinċipji juru l-bżonn li nevitaw sħubija ħażina? (b) Is-sħubija ħażina tfisser biss li tissieħeb direttament maʼ nies li m’għandhomx prinċipji? Spjega.
8 “Titqarrqux,” kiteb l-appostlu Pawlu. “Kumpanija ħażina tħassar id-drawwiet siewja.” (1 Korintin 15:33) Ġesù Kristu qal lid-dixxipli tiegħu: “M’intomx parti mid-dinja.” (Ġwanni 15:19) Meta nitgħallmu dawn il-prinċipji, aħna faċilment nifhmu l-bżonn li nevitaw sħubija maż-żienja, l-adulteri, il-ħallelin, is-sakranazzi, u nies bħal dawn. (1 Korintin 6:9, 10) Hekk kif nagħmlu progress fl-għarfien tal-verità tal-Bibbja, madankollu, nirrealizzaw li meta nqattgħu ħin maʼ individwi bħal dawn billi narawhom fil-films, fuq it-televixin, jew fuq l-iskrins tal-kompjuter jew billi naqraw dwarhom fil-kotba huwa daqstant ieħor taʼ ħsara. Jistaʼ jingħad l-istess dwar sħubija fiċ-chat rooms fuq l-Internet “maʼ nies qarrieqa.”—Salm 26:4.
9 Imma xi ngħidu dwar li nissieħbu mill-qrib maʼ dawk li għandhom mnejn ikunu nodfa moralment imma li huma neqsin mill-fidi fl-Alla l-veru? L-Iskrittura tgħidilna: “Id-dinja kollha qiegħda taħt il-qawwa tal-Ħażin.” (1 Ġwanni 5:19) Dan jgħinna nifhmu li sħubija ħażina m’hijiex biss dik taʼ nies li jħallu kollox għaddej jew li jkollhom morali baxxi. Għalhekk, inkunu għaqlin jekk nikkultivaw sħubija mill-qrib maʼ dawk biss li jħobbu lil Ġeħova.
10. X’se jgħinna nieħdu deċiżjonijiet maturi fejn jidħlu kuntatti li jkollna mad-dinja?
10 M’huwiex possibbli u lanqas ma hemm bżonn li nevitaw kompletament kuntatti maʼ dawk tad-dinja. (Ġwanni 17:15) Kemm jekk nieħdu sehem fil-ministeru Kristjan, nattendu l-iskola, jew immorru għax-xogħol, f’kull każ ikollna kuntatti mad-dinja. Kristjan li huwa miżżewweġ lil xi ħadd li ma jemminx għandu mnejn li jkollu kuntatti mad-dinja iktar minn oħrajn. Madankollu, meta nħarrġu s-sensi tagħna aħna nifhmu li hemm baħar jaqsam bejn li jkollna kuntatt bilanċjat u neċessarju mad-dinja għal li nifformaw rabtiet mill-qrib magħha. (Ġakbu 4:4) Għalhekk, aħna nistgħu nieħdu deċiżjonijiet maturi dwar jekk irridux nipparteċipaw f’attivitajiet żejda fl-iskola, bħal avvenimenti taʼ l-isports u ż-żfin, u nattendu parties u ikliet li jiġu rranġati għall-impjegati.
L-Għażla taʼ l-Impjieg Tagħna
11. X’għandna nikkunsidraw l-ewwel meta nieħdu deċiżjonijiet dwar l-impjieg?
11 Meta napplikaw il-prinċipji tal-Bibbja b’maturità se niġu megħjunin biex nieħdu deċiżjonijiet dwar kif inwettqu l-obbligu tagħna ħalli ‘nipprovdu għall-membri taʼ darna.’ (1 Timotju 5:8) L-ewwel m’għandna nikkunsidraw huwa t-tip taʼ xogħol innifsu—x’jitlobna nagħmlu. Jekk nagħżlu tip taʼ xogħol li jappoġġa dak li hu kundannat direttament fil-Bibbja, dan żgur li jkun ħażin. Għalhekk, il-Kristjani veri ma jaċċettawx impjiegi li għandhom mnejn jinkludu idolatrija, serq, użu ħażin tad-demm, jew xi prattiċi oħrajn li m’humiex Skritturali. Aħna m’aħniex se nigdbu jew inqarrqu, anki jekk min jimpjegana jitlobna nagħmlu hekk.—Atti 15:29; Rivelazzjoni 21:8.
12, 13. Liema huma xi fatturi minbarra x-xogħol innifsu li huma importanti meta niġu biex nieħdu deċiżjonijiet dwar l-impjieg?
12 Xi ngħidu jekk l-impjieg ma jmurx kontra xi ħtieġa divina speċifika? Hekk kif aħna nikbru fl-għarfien tal-verità u ntejbu s-sensi tagħna biex nagħżlu, aħna naslu biex nagħrfu fatturi oħrajn li għandna nikkunsidraw. Xi ngħidu jekk ix-xogħol jinvolvina f’xi prattika mhux Skritturali, bħal li nwieġbu t-telefon fi stabbiliment tal-logħob taʼ l-ażżard? Is-sors minfejn ġejja l-paga u l-post taʼ l-impjieg huma fatturi li għandna nikkunsidraw ukoll. Per eżempju, sejjer Kristjan, li hu kuntrattur li jaħdem għal rasu, jaċċetta li jitħallas biex ibajjad xi waħda mill-knejjes tal-Kristjaneżmu, u b’hekk ikun qed jappoġġa r-reliġjon falza?—2 Korintin 6:14-16.
13 Xi ngħidu jekk f’okkażjoni minnhom il-wieħed li jħaddimna jaċċetta kuntratt biex ibajjad xi post taʼ qima falza? F’dan il-każ, aħna jkollna bżonn nikkunsidraw fatturi bħal kemm għandna awtorità fuq dak li qiegħed isir u safejn nistgħu ninvolvu ruħna. U xi ngħidu jekk inwettqu xi servizz leġittimu, bħal ngħidu aħna li nwasslu l-posta f’komunità, inkluż f’postijiet li jippromwovu prattiċi ħżiena? M’għandux il-prinċipju li nsibu f’Mattew 5:45 jeffettwana meta niġu biex nieħdu deċiżjoni? Ma rridux ninsew kif il-kuxjenza tagħna tistaʼ tiġi effettwata jekk nagħmlu dan ix-xogħol ġurnata wara l-oħra. (Ebrej 13:18) Tabilħaqq, meta nġorru t-tagħbija tar-responsabbiltà tagħna biex nieħdu deċiżjonijiet maturi dwar l-impjieg jeħtieġ li min-naħa tagħna nsinnu s-sensi tagħna biex nagħżlu u nħarrġu l-fakultà tal-kuxjenza li tana Alla.
“Fih Aħseb f’Kull Ma Tagħmel”
14. Meta niġu biex nieħdu deċiżjonijiet, liema miżuri għandna nieħdu?
14 Xi ngħidu għad-deċiżjonijiet li nieħdu dwar affarijiet oħrajn, bħal li nfittxu edukazzjoni sekulari u naċċettaw jew nirrifjutaw ċerta kura medika? Meta niġu biex nieħdu kwalunkwe deċiżjoni, għandna naċċertaw ruħna dwar liema prinċipji Bibliċi japplikaw, u mbagħad nużaw l-abbiltà tagħna biex nirraġunaw sabiex napplikawhom. “Ittama fil-Mulej b’qalbek kollha, u tafdax fl-għaqal tiegħek,” qal l-għaref Sultan Salamun taʼ Iżrael tal-qedem. “Fih aħseb f’kull ma tagħmel, u hu jwittilek triqatek.”—Proverbji 3:5, 6.
15. Aħna x’nitgħallmu mill-Kristjani taʼ l-ewwel seklu dwar li nieħdu deċiżjonijiet?
15 Ħafna drabi, l-għażliet li nagħmlu jeffettwaw lil oħrajn, u dan għandna nikkunsidrawh. Per eżempju, il-Kristjani taʼ l-ewwel seklu ma baqgħux iżjed taħt il-ħafna restrizzjonijiet tal-Liġi Mosajka fuq l-ikel. Huma setgħu jagħżlu li jieklu ċertu ikel li kien kunsidrat imniġġes taħt il-Liġi u li ma kienx oġġezzjonabbli b’modi oħra. Madankollu, l-appostlu Pawlu kiteb dwar il-laħam t’annimal li setaʼ kien konness maʼ xi tempju taʼ l-idoli: “Jekk l-ikel ifixkel lil ħija, qatt iktar ma nerġaʼ niekol laħam, biex ma nfixkilx lil ħija.” (1 Korintin 8:11-13) Il-Kristjani tal-bidu ġew imħeġġin jikkunsidraw il-kuxjenza t’oħrajn sabiex ma jfixkluhomx. Bid-deċiżjonijiet tagħna m’għandniex ‘inkunu taʼ tfixkil.’—1 Korintin 10:29, 32.
Fittex l-Għerf Divin
16. It-talb kif jistaʼ jgħinna nieħdu deċiżjonijiet?
16 Għajnuna li m’hemmx prezzha biex tgħinna nieħdu deċiżjonijiet hija t-talb. “Jekk xi ħadd minnkom jonqsu l-għerf,” jgħid id-dixxiplu Ġakbu, “ħa jibqaʼ jitlob lil Alla, għax hu jagħti b’mod ġeneruż u mingħajr ma jċanfar lil ħadd; u jingħatalu.” (Ġakbu 1:5) B’fiduċja, aħna nistgħu nduru lejn Ġeħova bit-talb u nistaqsu għall-għerf li għandna bżonn sabiex nieħdu deċiżjonijiet xierqa. Meta nitkellmu maʼ l-Alla l-veru dwar x’jikkonċernana u nfittxu l-gwida tiegħu, l-ispirtu qaddis jistaʼ jgħinna nifhmu aħjar l-iskritturi li nkunu qed nikkunsidraw u niftakru f’dawk li forsi konna nsejniehom.
17. Oħrajn kif jistgħu jgħinuna fil-proċess taʼ li nieħdu deċiżjoni?
17 Jistgħu oħrajn jgħinuna nieħdu deċiżjonijiet? Iva, Ġeħova pprovda wħud maturi fil-kongregazzjoni. (Efesin 4:11, 12) Huma jistgħu jintalbu jagħtu pariri, b’mod partikulari jekk id-deċiżjoni hija waħda serja. Uħud li għandhom dehen spiritwali profond u esperjenza fil-ħajja jistgħu jiġbdu l-attenzjoni tagħna lejn prinċipji Bibliċi oħrajn li jistgħu jeffettwaw id-deċiżjoni tagħna u jgħinuna ‘naċċertaw ruħna minn dak li hu iktar importanti.’ (Filippin 1:9, 10) Madankollu, din it-twissija hija importanti: Għandna noqogħdu attenti li ma nħallux lil ħaddieħor jieħu deċiżjonijiet għalina. It-tagħbija tar-responsabbiltà għandna nġorruha aħna.
Dejjem Se Jkun Tajjeb ir-Riżultat?
18. X’nistgħu ngħidu dwar ir-riżultat taʼ deċiżjoni tajba?
18 Id-deċiżjonijiet li huma bbażati b’mod sod fuq prinċipji Bibliċi u meħudin b’kuxjenza tajba, dejjem se jwasslu għal riżultat tajjeb? Maż-żmien, iva. Imma, xi drabi, għall-ewwel l-effett jistaʼ ma jkunx favorevoli. Sidrak, Mesak, u Għabednegu kienu jafu li l-mewt setgħet tirriżulta mid-deċiżjoni tagħhom li ma jqimux ix-xbieha immensa. (Danjel 3:16-19) Bl-istess mod, wara li l-appostli qalu lis-Sinedriju Lhudi li huma riedu jobdu lil Alla bħala ħakkiem iktar milli lill-bnedmin, huma ġew imsawtin qabel ma nħelsu. (Atti 5:27-29, 40) Iktar minn hekk, “iż-żmien u ċ-ċirkustanzi” jistgħu jeffettwaw ħażin ir-riżultat taʼ kwalunkwe deċiżjoni li nkunu ħadna. (Koħèlet 9:11) Jekk b’xi mod ikollna nbatu minkejja li nkunu ħadna deċiżjoni tajba, nistgħu nkunu fiduċjużi li Ġeħova se jgħinna nissaportu u se jberikna fil-futur.—2 Korintin 4:7.
19. Kif nistgħu aħna b’kuraġġ inġorru t-tagħbija tar-responsabbiltà tagħna biex nieħdu deċiżjonijiet?
19 Għalhekk, meta nieħdu deċiżjonijiet għandna nfittxu prinċipji Skritturali u nużaw l-abbiltà tal-ħsieb tagħna biex napplikawhom. Kemm aħna grati li Ġeħova tana l-għajnuna tiegħu billi pprovda l-ispirtu tiegħu u lil uħud maturi fil-kongregazzjoni! Permezz taʼ gwida u provvedimenti bħal dawn, ejja b’kuraġġ inġorru t-tagħbija tar-responsabbiltà tagħna biex nieħdu deċiżjonijiet għaqlin.
X’Tgħallimt?
• Liema fattur essenzjali jistaʼ jgħinna nieħdu deċiżjonijiet tajbin?
• Kif jistaʼ l-fatt li nagħmlu progress lejn il-maturità jeffettwa l-għażla tas-sħubija tagħna?
• Liema huma xi fatturi importanti li għandna nikkunsidraw meta niġu biex nieħdu deċiżjonijiet dwar xi impjieg?
• Liema għajnuna hija disponibbli biex nieħdu deċiżjonijiet?
[Stampa f’paġna 22]
Id-diżubbidjenza taʼ Adam u Eva tgħallimna lezzjoni importanti
[Stampa f’paġna 24]
Qabel ma tieħu xi deċiżjoni importanti, fittex prinċipji divini