Kif Tirreaġixxi Int għall-Ipokrisija?
FIL-ĠNIEN tal-Ġetsemani, Ġuda l-Iskarjota resaq lejn Ġesù u “biesu [“b’mod teneru ferm,” NW].” Hekk kienu mdorrijin jagħmlu biex juru l-imħabba tenera tagħhom. Imma għal Ġuda din kienet biss reċta. Hu għamel hekk biex dawk li ġew miegħu dak il-lejl setgħu jagħrfu lil Ġesù u jarrestawh. (Mattew 26:48, 49) Ġuda kien ipokrita—bniedem li juri wiċċ b’ieħor, xi ħadd li jaħbi l-motivi ħżiena tiegħu wara maskra taʼ sinċerità. Il-kelma Griega għal “ipokrita” tfisser “wieħed li jwieġeb” u tistaʼ tfisser ukoll attur tal-palk. Maż-żmien, il-kelma bdiet tintuża biex tirreferi għal xi ħadd li kien jaġixxi b’tali mod sabiex iqarraq b’ħaddieħor.
Kif tirreaġixxi int għall-ipokrisija? Per eżempju, tħossok irrabjat x’ħin tara kull reklam daqsiex tas-sigaretti minkejja l-evidenza ċara li dawn tant jagħmlu ħsara lis-saħħa? Tħossok mgħaddab minħabba l-ipokrisija taʼ dawk li jkollhom it-tfal fdati f’idejhom biex jieħdu ħsiebhom imma minflok jabbużaw minnhom? Tħossok imweġġaʼ meta ssir taf li ħabib li kont taħlef bih ittradiek? L-ipokrisija reliġjuża kif teffettwak?
“Ħażin Għalikom . . . Uċuħ b’Oħra!”
Ikkunsidra l-atmosfera reliġjuża meta Ġesù kien fuq l-art. L-iskribi u l-Fariżej kienu jippretendu li huma għalliema leali tal-Liġi t’Alla, imma fir-realtà kienu jimlew l-imħuħ b’tagħlim uman li kien idawwar l-attenzjoni tan-nies ’il bogħod minn Alla. L-iskribi u l-Fariżej bi skruplu kbir ħadu l-liġi kelma b’kelma, imma għalqu għajnejhom għall-prinċipji essenzjali li jirriflettu l-imħabba u l-mogħdrija. Quddiem in-nies kienu jippretenduha taʼ qaddisin, imma fil-moħbi kienu jagħmlu kull xorta taʼ ħażen. L-għemejjel tagħhom qatt ma kienu jaqblu maʼ kliemhom. Dak li kienu jagħmlu kienu jagħmluh “għal għajnejn in-nies.” Kienu jixbhu l-‘oqbra mbajda li minn barra jidhru sbieħ, u minn ġewwa mimlija għadam tal-mejtin u kull xorta taʼ ħmieġ.’ Bil-qlubija kollha, Ġesù kien jikxef l-ipokrisija tagħhom u kemm-il darba qalilhom: “Ħażin għalikom intom il-kittieba u l-Fariżej, uċuħ b’oħra!”—Mattew 23:5, 13-31.
Kieku kont tgħix f’dak iż-żmien, x’aktarx li, bħal kwalunkwe bniedem ieħor taʼ qalb onesta, kont tistmerrha dik l-ipokrisija reliġjuża li kien hemm. (Rumani 2:21-24; 2 Pietru 2:1-3) Imma kont int tħalli l-ipokrisija taʼ l-iskribi u l-Fariżej twebbislek qalbek li tasal biex tiċħad kwalunkwe reliġjon, inkluż dik li kienu jgħallmu u jipprattikaw Ġesù Kristu u d-dixxipli tiegħu? Ma kienx dan jiswielek taʼ deni?
Il-kondotta ipokrita taʼ nies reliġjużi għandha mnejn iġġagħalna nistmerru r-reliġjon. Madankollu, jekk naġixxu b’dan il-mod inkunu qed inħallu dan jagħmina u jżommna milli naraw is-sinċerità taʼ dawk li jipprattikaw il-qima vera. Dak l-istess ħajt li nkunu bnejna għall-protezzjoni jistaʼ fil-fatt iżommna lura milli jkollna ħbieb ġenwini. Għalhekk, ir-reazzjoni tagħna lejn l-ipokrisija għandha tkun raġunevoli u bilanċjata.
“Iftħu Għajnejkom”
L-ewwel, irridu nsiru nafu kif nagħrfu min hu ipokrita u min m’huwiex. Dan mhux dejjem ikun faċli. Ċerta familja kellha tħallas prezz għoli ferm għal dan. L-omm kienet waqgħet f’koma. Il-familja tagħha fetħet kawża kontra l-isptar minħabba li dak li ġara sar bi traskuraġni kbira, u qabbdet avukat li kien ukoll qassis taʼ knisja lokali. Għalkemm inqatgħet li l-isptar kellu jħallas madwar Lm1,478,260, it-traġedja tal-familja kompliet tikber. L-omm mietet fqira, u lanqas biss kellhom flus biex iħallsulha l-funeral. Dan kif? Għaliex kważi s-somma kollha marret fil-but taʼ l-avukat. Ġurnal dwar il-liġi stqarr hekk dwar dan l-avukat: “Li kieku aġixxa bħalma ppriedka . . . , il-messaġġ tiegħu kien ikun ‘ejja nisolħu’ u mhux ‘ejja nitolbu.’” Kif nistgħu nipproteġu lilna nfusna minn nies taʼ din il-kwalità?
“Iftħu għajnejkom.” Dan hu l-parir li Ġesù ta lin-nies li kienu qed iħabbtu wiċċhom maʼ l-ipokrisija reliġjuża fi żmienu. (Mattew 16:6; Luqa 12:1) Iva, irridu noqogħdu b’sebaʼ għajnejn. Xi nies jistgħu jgħidu li għandhom l-aqwa intenzjonijiet u forsi wkoll jidhru li huma verament sinċieri, imma jeħtieġ li noqogħdu attenti kemm jistaʼ jkun u ma nemmnuhomx sempliċement għax jidhru li huma tajbin. Jekk inkunu nafu li hawn ħafna flus foloz fl-idejn, ma niċċekkjawhomx bir-reqqa l-flus tagħna?
Anki fil-kongregazzjoni Kristjana vera dehru xi ipokriti. Id-dixxiplu Ġuda wissiena dwarhom, u qal: “Dawn huma l-blat moħbi taħt l-ilma fil-festi taʼ mħabba tagħkom filwaqt li jiffesteġġaw magħkom, rgħajja li jżoqqu lilhom infushom bla biżaʼ; sħab bla ilma li jinġarr ’l hawn u ’l hinn mill-irjieħ; siġar fl-aħħar tal-ħarifa, imma bla frott.”—Ġuda 12, NW.
Meta ‘nżommu għajnejna miftuħin’ inkunu qed nevitaw li niġu mqarrqin minn xi ħadd li minn barra jidher li jħobbna imma fil-fatt ikun egoist u jħobb ixerred opinjonijiet li ma jkunux ibbażati fuq il-Kelma t’Alla. Bħal blata ppontata moħbija taħt wiċċ l-ilma kalm, bniedem bħal dan jistaʼ jikkaġuna nawfraġju spiritwali għal dawk li ma jkunux attenti. (1 Timotju 1:19) Wieħed ipokrita jistaʼ jagħmel ħafna wegħdi t’għajnuna spiritwali imma fil-fatt ikun qisu ‘sħaba bla ilma’—ma jipproduċix qatra waħda li hi waħda. Bħal siġra li ma tagħmilx frott, wieħed li jqarraq ma jipproduċi ebda frott Kristjan ġenwin. (Mattew 7:15-20; Galatin 5:19-21) Iva, jeħtieġ li noqogħdu għassa kontra nies qarrieqa bħal dawn. Iżda dan irridu nagħmluh mingħajr ma naħsbu ħażin f’kulħadd.
“Tiġġudikawx”
Kemm hu faċli, taʼ bnedmin imperfetti li aħna, li naraw in-nuqqasijiet taʼ ħaddieħor waqt li ninjoraw tagħna! Għalhekk, din it-tendenza tistaʼ faċilment twassalna għall-ipokrisija. Ġesù qal: “Ja wiċċ b’ieħor, neħħi l-ewwel it-travu li għandek f’għajnek int, ħalli mbagħad tara sewwa tneħħi t-tibna minn għajn ħuk!” Nagħmlu tajjeb li nieħdu l-parir tiegħu: “Tiġġudikawx, biex ma tkunux iġġudikati; għax bl-istess ġudizzju li tagħmlu intom, tkunu ġġudikati . . . Xi trid tħares lejn it-tibna li hemm f’għajn ħuk? Għax ma tarax it-travu li għandek f’għajnek int?”—Mattew 7:1-5.
Meta xi drabi naraw oħrajn jaġixxu b’mod li għalina jidher ipokrita, irridu noqogħdu attenti biex ma naqbdux u nittimbrawhom bħala ipokriti. Per eżempju, l-appostlu Pietru biex jogħġob lil dawk il-Lhud minn Ġerusalemm li kienu qed iżuru Antjokja ‘beda jaħrab u jitwarrab minn’ adoraturi sħabu li kienu Ġentili. Barnaba ‘wkoll ħalla ruħu jitħajjar minn Pietru u oħrajn f’dan il-wiri taʼ ħaġa b’oħra.’ Pietru għamel dan minkejja l-fatt li kellu l-privileġġ uniku li jiftaħ it-triq biex il-Ġentili jkunu jistgħu jiġu milqugħin fil-kongregazzjoni Kristjana. (Galatin 2:11-14; Atti 10:24-28, 34, 35) Imma l-iżball li għamlu Barnaba u Pietru żgur li ma poġġiehomx fl-istess kategorija taʼ l-iskribi u l-Fariżej jew taʼ Ġuda l-Iskarjota.
“Qisu li l-Imħabba Tagħkom Ma Tkunx Wiċċ b’Ieħor”
“Meta tagħmel il-ġid lil ħaddieħor,” wissa Ġesù, “tikrix xi trumbettier biex jgħaddi quddiemek—bħalma jagħmlu dawk l-atturi fis-sinagogi u fit-toroq biex ikunu ċerti li kulħadd jammirahom.” (Mattew 6:2, Phillips) “Qisu li l-imħabba tagħkom ma tkunx wiċċ b’ieħor,” kiteb l-appostlu Pawlu. (Rumani 12:9) Hu inkuraġġixxa liż-żagħżugħ Timotju biex juri “mħabba li toħroġ minn qalb safja . . . u minn fidi sinċiera [“mingħajr ipokrisija,” NW].” (1 Timotju 1:5) Jekk l-imħabba u l-fidi tagħna huma ġenwini—bla ebda sinjal taʼ egoiżmu u qerq—kulħadd se jafdana. Inkunu nistgħu verament insaħħu u ninkuraġġixxu lil dawk taʼ madwarna. (Filippin 2:4; 1 Ġwann 3:17, 18; 4:20, 21) U fuq kollox, se jkollna l-approvazzjoni taʼ Jehovah.
Mill-banda l-oħra, l-ipokrisija eventwalment se tkun tfisser id-daqqa tal-mewt għal dawk li jipprattikawha. Fl-aħħar, l-ipokrisija se toħroġ kompletament fil-beraħ. “Xejn ma hu mgħotti li ma jinkixifx,” qal Ġesù Kristu, “u xejn ma hu moħbi li ma jsirx magħruf.” (Mattew 10:26; Luqa 12:2) L-għaref Sultan Salamun iddikjara: “Għax Alla [veru] jġib għall-ħaqq tiegħu l-għemejjel kollha, sa l-inqas ħaġa moħbija, sew tajba u sew ħażina.”—Koħèlet 12:14.
Sadanittant, għala għandna nħallu l-ipokrisija t’oħrajn teffettwana tant li ċċaħħadna mill-imħabba ġenwina taʼ ħbieb sinċieri? Nistgħu noqogħdu attenti mingħajr ma nkunu suspettużi żżejjed. U ejja nagħmlu ħilitna kollha biex inżommu l-imħabba u l-fidi tagħna ħelsin mill-ipokrisija.—Ġakbu 3:17; 1 Pietru 1:22.
[Stampi f’paġna 22]
Kont int tħalli l-ipokrisija taʼ l-iskribi u l-Fariżej tbiegħdek minn Ġesù Kristu u mid-dixxipli tiegħu?