Ix-Xizjani Poplu Misterjuż taʼ l-Imgħoddi
ARA ġejja l-kavallerija taʼ ġens nomadu, għaddejja bil-galopp, ittajjar it-trab, u bl-ixkejjer fuq kull naħa tas-sarġ tagħhom imborġati bil-priża. Dan il-poplu misterjuż kien jiddomina l-witat bla siġar taʼ l-Ewrasja minn madwar is-sena 700 sas-sena 300 Q.E.K. Imbagħad għabu, imma mhux qabel ma ħallew il-marka tagħhom fl-istorja tal-bniedem. Hemm ħjiel tagħhom saħansitra fil-Bibbja. Dawn kienu x-Xizjani.
Għal sekli sħaħ, in-nomadi flimkien maʼ qtajjaʼ taʼ żwiemel salvaġġi kienu jiġġerrew f’artijiet iħaddru bejn il-Muntanji Karpazji taʼ l-Ewropa tal-lvant u dik li llum hija x-xlokk tar-Russja. Mat-tmien seklu Q.E.K., l-azzjoni militari taʼ l-Imperatur Ċiniż Hsüan ġagħlithom jitilqu lejn il-punent. Waqt li kienu fi triqithom lejn il-punent, ix-Xizjani ġġieldu u keċċew liċ-Ċimmerji, li kienu jikkontrollaw il-Kawkasu u l-inħawi fit-tramuntana tal-Baħar l-Iswed.
Fit-tfittxija għal iktar rikkezzi, ix-Xizjani ġarrew kulma sabu fil-kapitali Assirjana, Ninwè. Iktar tard huma ngħaqdu maʼ l-Assirja kontra l-Medja, il-Babilonja, u ġnus oħra. Saħansitra waslu biex attakkaw it-tramuntana taʼ l-Eġittu. Il-fatt li l-belt taʼ Betsan fil-grigal taʼ Iżrael iktar tard bdiet tissejjaħ Xitopoli għandu mnejn jindika li dik il-belt għamlet xi żmien maħkuma mix-Xizjani.—1 Samwel 31:11, 12.
Maż-żmien, ix-Xizjani ssetiljaw fil-witat li llum huma magħrufin bħala r-Rumanija, il-Moldova, l-Ukraina, u n-nofsinhar tar-Russja. Hemmhekk huma stagħnew għax kienu jinnegozjaw mal-Griegi u maʼ dawk li kienu jkabbru l-qamħ f’artijiet fejn illum hemm l-Ukraina u n-nofsinhar tar-Russja. Ix-Xizjani kienu jinnegozjaw mal-Griegi billi jpartu l-qamħ, l-għasel, il-ġlud, u l-bhejjem maʼ l-inbid, id-drappijiet, l-armi, u xogħlijiet artistiċi. B’hekk huma kellhom ġid bir-radam.
Rikkieba taż-Żwiemel Impressjonanti
Għal dawn il-gwerriera tal-wita, iż-żiemel kien importanti daqskemm kien importanti l-ġemel għan-nies tad-deżert. Ix-Xizjani kienu rikkieba eċċellenti u kienu fost l-ewwel nies li użaw is-sarġ u l-istaffa. Kienu jieklu l-laħam taż-żiemel u jixorbu l-ħalib tad-debba. Fil-fatt, iż-żwiemel kienu joffruhom bħala sagrifiċċji maħruqa. Meta kien imut xi gwerrier Xizjan, iż-żiemel tiegħu kien jiġi maqtul u kien jingħata difna bl-unuri kollha—komplut bix-xedd, u l-ornamenti l-oħra kollha.
Bħalma juri l-kittieb taʼ l-istorja, Erodotu, ix-Xizjani kellhom drawwiet krudili għall-aħħar. Waħda minnhom kienet li jużaw l-iskutella tar-ras taʼ xi wieħed mill-vittmi tagħhom biex jixorbu minnha. Fl-attakki tagħhom, huma kienu jeqirdu lill-għedewwa tagħhom bi xwabel tal-ħadid, imnanar tal-ġlied, lanez, u vleġeġ bil-ponta li jċarrtu l-laħam.
Oqbra Mgħammrin b’Kollox għall-Eternità
Ix-Xizjani kienu jipprattikaw is-seħer u kienu jgħidu li jitkellmu maʼ l-allat. Huma kienu jqimu n-nar u alla omm. (Dewteronomju 18:10-12) Għalihom, il-qabar kien id-dar tal-mejtin. L-ilsiera u l-annimali kienu jiġu sagrifikati biex jaqdu lil sidhom mejjet wara mewtu. Jingħad li t-teżor u l-qaddejja taʼ daru kienu jakkumpanjaw lill-mejjet lejn id-“dinja l-oħra.” F’wieħed mill-oqbra rjali, instabu ħames qaddejja rġiel mixħutin b’riġlejhom lejn sidhom, lesti biex iqumu u jkomplu jaqdu dmirhom.
Il-ħakkiema kienu jindifnu flimkien maʼ ħafna offerti, u matul il-perijodu tal-vistu, ix-Xizjani kienu jxerrdu d-demm tagħhom u jaqtgħu xagħarhom. Erodotu kiteb: “Kienu jaqtgħu parti minn widnejhom, iqaxxru xagħarhom, jagħmlu farretti madwar dirgħajhom, iċarrtu ġbinhom u mneħirhom, u jtaqqbu idhom ix-xellugija bil-vleġeġ.” B’kuntrast, il-liġi li Alla ta lill-Iżraelin li kienu jgħixu fl-istess żmien tax-Xizjani kienet tikkmanda: “Tqattgħux ġisimkom għall-mejjet.”—Levitiku 19:28.
Ix-Xizjani ħallew warajhom eluf taʼ kurgans (munzelli li kienu jgħattu l-oqbra). Bosta ornamenti li nstabu fil-kurgans jiddeskrivu l-ħajja taʼ kuljum tax-Xizjani. Fl-1715, il-Kżar Russu Pietru l-Kbir beda jġemmaʼ fdalijiet bħal dawn, u llum, wieħed jistaʼ jara dawn l-oġġetti jlellxu f’mużewijiet fir-Russja u fl-Ukraina. Din l-arti “annimaleska” tinkludi żwiemel, ajkli, falkuni, qtates, panteri, ċriev kbar u żgħar, għasafar grifuni, u ljuni grifuni (ħlejjaq tal-mitoloġija li jkollhom il-ġisem t’annimal bil-ġwienaħ jew mingħajr ġwienaħ u r-ras t’annimal ieħor).
Ix-Xizjani u l-Bibbja
Il-Bibbja ssemmi lix-Xizjani darba biss direttament. F’Kolossin 3:11 naqraw: “Fih ma hemmx Grieg jew Lhudi, ċirkonċiż jew mhux, Barbaru jew Skita [jew, Xizjan], lsir jew ħieles, iżda Kristu f’kollox u f’kulħadd.” Meta l-appostlu Kristjan Pawlu kiteb dan il-kliem, it-terminu Grieg għal “Skita,” jew Xizjan, ma kienx jindika ġens speċifiku, imma l-agħar fost il-popli mhux ċivilizzati. Pawlu kien qed jenfasizza li taħt l-influwenza taʼ l-ispirtu qaddis taʼ Jehovah, jew il-forza attiva tiegħu, saħansitra individwi bħal dawn setgħu jilbsu personalità li togħġob lil Alla.—Kolossin 3:9, 10.
Xi arkeoloġi jaħsbu li l-isem Askenaż li jinsab f’Ġeremija 51:27 hu l-istess isem Ashguzai bl-Assirjan, terminu li kien japplika għax-Xizjani. Xi twavel kunejformi jgħidu dwar kif dan il-poplu u n-nies taʼ Minni ngħaqdu flimkien f’rewwixta kontra l-Assirja fis-sebaʼ seklu Q.E.K. Preċiż qabel ma Ġeremija beda jipprofetizza, ix-Xizjani baqgħu għaddejjin bla m’għamlu ebda ħsara minn ħdejn l-art taʼ Ġuda fi triqithom lejn l-Eġittu u lura. Minħabba f’hekk, ħafna min-nies li semgħu lil Ġeremija jbassar attakk fuq Ġuda min-naħa tat-tramuntana bdew jiddubitaw jekk il-profezija tiegħu kinitx eżatta.—Ġeremija 1:13-15.
Xi studjużi tal-Bibbja jaħsbu li Ġeremija 50:42 qed jalludi għax-Xizjani, meta jgħid: “Il-qaws u l-vleġeġ jaqbdu; kiefra, nies bla ħniena, għajathom ikarwat bħall-baħar, u ż-żwiemel jirkbu. Lesti bħal bniedem wieħed għat-taqtigħa, għalik, bint Babilonja!” Imma dan il-vers japplika primarjament għall-Medi u l-Persjani, li ħadu lil Babilonja taħt idejhom fis-sena 539 Q.E.K.
Ġie suġġerit li “l-art taʼ Magog” li tissemma f’kapitli 38 u 39 taʼ Eżekjel tirreferi għat-tribujiet Xizjani. Iżda, “l-art taʼ Magog” għandha sinifikat simboliku. Jidher ċar li din tirreferi għall-viċinanza taʼ l-art, fejn ġew imwaddbin Satana u l-anġli tiegħu wara l-gwerra li saret fis-sema.—Apokalissi 12:7-17.
Ix-Xizjani kienu involuti fit-twettiq tal-profezija taʼ Naħum li kienet tbassar il-qerda taʼ Ninwè. (Naħum 1:1, 14) Il-Kaldin, ix-Xizjani, u l-Medi ġarrew kulma sabu f’Ninwè fis-sena 632 Q.E.K., u kkaġunaw il-waqgħa taʼ l-Imperu Assirjan.
Għejbien Misterjuż
Ix-Xizjani għabu, imma għala? “Il-verità hi li aħna sempliċement ma nafux x’ġara,” jgħid arkeologu famuż mill-Ukraina. Xi wħud jemmnu li l-kilba għall-ġid materjali dgħajfithom, u b’hekk fl-ewwel u t-tieni seklu Q.E.K. ċedew għal grupp ġdid taʼ nomadi mill-Asja—is-Sarmazjani.
Oħrajn jaħsbu li kien il-ġlied bejn il-gruppi Xizjani li wassal għall-għejbien tagħhom. Jerġaʼ oħrajn jgħidu li baqaʼ ftit Xizjani fost l-Ossetjani tal-Kawkasu. Kien x’kien il-każ, dan il-poplu misterjuż taʼ l-imgħoddi ħalla l-marka tiegħu fl-istorja tal-bniedem, storja li għamlet l-isem Xizjan sinonimu mal-krudeltà.
[Mappa f’paġna 24]
(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)
◻ Belt Antika
• Belt Moderna
Danubju
XIZJA ← ROTTA TAʼ EMIGRAZZJONI
• Kiev
Dnieper
Dniester
Il-Baħar l-Iswed
OSSETJA
Il-Muntanji Kawkasu
Il-Baħar Kaspju
ASSIRJA ← ROTOT TAʼ L-INVAŻJONIJIET
◻ Ninwè
Tigri
MEDJA ← ROTOT TAʼ L-INVAŻJONIJIET
MESOPOTAMJA
BABILONJA
◻ Babilon
Ewfrat
L-IMPERU PERSJAN
◻ Susa
Il-Golf Persjan
PALESTINA
• Betsan (Xitopoli)
EĠITTU ← ROTOT TAʼ L-INVAŻJONIJIET
Nil
Il-Baħar Mediterran
GREĊJA
[Stampi f’paġna 25]
Ix-Xizjani kienu poplu gwerrier
[Sors]
The State Hermitage Museum, St. Petersburg
[Stampi f’paġna 26]
Ix-Xizjani nnegozjaw mal-Griegi billi partu oġġetti maʼ xogħlijiet artistiċi, u b’hekk saru għonja ħafna
[Sors]
Bil-korteżija taʼ l-Ukraine Historic Treasures Museum, Kiev