Il-Kristjani Veri Kollha Huma Evanġelizzaturi
“Għannu lill-Mulej, bierku ismu! Ħabbru minn jum għal ieħor is-salvazzjoni tiegħu.”—SALM 96:2.
1. In-nies liema aħbar tajba għandhom bżonn jisimgħu, u x-Xhieda taʼ Jehovah kif inhuma eżemplari f’li jxerrdu din l-aħbar?
F’DINJA fejn kuljum iseħħ xi diżastru, huwa verament taʼ faraġ li tkun taf li bħalma tgħid il-Bibbja, il-gwerer, il-kriminalità, il-ġuħ, u l-moħqrija se jispiċċaw dalwaqt. (Salm 46:10 [46:9, NW]; 72:3, 7, 8, 12, 16) Tabilħaqq, m’hijiex din aħbar tajba li kulħadd jeħtieġ li jismaʼ? Hekk jaħsbu x-Xhieda taʼ Jehovah. Huma magħrufin kullimkien bħala wħud li jippridkaw “aħbar tajba taʼ xi ħaġa aħjar.” (Isaija 52:7, NW) Huwa minnu li ħafna Xhieda sofrew il-persekuzzjoni għax kienu determinati li jxandru l-aħbar tajba. Imma huma jħobbuhom lin-nies u jixtiqulhom il-ġid. U x’isem tajjeb għamlu għalihom infushom ix-Xhieda bħala nies taʼ żelu u perseveranza!
2. X’inhi raġuni waħda għala x-Xhieda taʼ Jehovah huma żelużi?
2 Iż-żelu tax-Xhieda taʼ Jehovah illum jixbah lil dak tal-Kristjani taʼ l-ewwel seklu. Dwar dawn taʼ l-aħħar, il-ġurnal Kattoliku Ruman L’Osservatore Romano qal b’mod korrett: “Malli kienu jitgħammdu, l-ewwel Kristjani kienu jħossuh bħala d-dmir tagħhom li jxerrdu l-Evanġelju. Minn fomm għal fomm, l-ilsiera xandru l-Evanġelju.” Ix-Xhieda taʼ Jehovah għala huma daqshekk żelużi, bħalma kienu l-Kristjani tal-bidu? L-ewwelnett, għaliex l-aħbar tajba li jxandru ġejja mingħand Alla Jehovah innifsu. Jistaʼ jkun hemm raġuni aħjar minn din għaż-żelu tagħhom? L-ippridkar tagħhom huwa bi tweġiba għall-kliem tas-salmista: “Għannu lill-Mulej, bierku ismu! Ħabbru minn jum għal ieħor is-salvazzjoni tiegħu.”—Salm 96:2.
3. (a) Liema hi t-tieni raġuni għala x-Xhieda taʼ Jehovah huma żelużi? (b) X’inhu involut fis-“salvazzjoni” minn Alla?
3 Kliem is-salmista jfakkarna fit-tieni raġuni għala x-Xhieda taʼ Jehovah huma żelużi. Il-messaġġ tagħhom huwa messaġġ taʼ salvazzjoni. Xi individwi jaħdmu fil-qasam mediku, jew dak soċjali, jew ekonomiku, jew f’oqsma oħrajn biex itejbu l-kwalità tal-ħajja taʼ sħabhom il-bnedmin, u dawn l-isforzi huma taʼ min ifaħħarhom. Imma kulma jistaʼ jagħmel il-bniedem għal bniedem ieħor huwa limitat ferm meta tqabblu mas-“salvazzjoni” minn Alla. Permezz taʼ Ġesù Kristu, Jehovah se jsalva lill-ġwejdin mid-dnub, mill-mard, u mill-mewt. Dawk li jibbenefikaw se jgħixu għal dejjem! (Ġwann 3:16, 36; Apokalissi 21:3, 4) Illum, is-salvazzjoni hija waħda mill-“għeġubijiet” li jitkellmu dwarha l-Kristjani bi tweġiba għall-kliem li ġej: “Xandru fost il-ġnus is-sebħ tiegħu, fost il-popli kollha l-għeġubijiet tiegħu. Għax kbir il-Mulej, taʼ min ifaħħru ħafna, tal-biżaʼ aktar mill-allat kollha.”—Salm 96:3, 4.
L-Eżempju tas-Sid
4-6. (a) Liema hi t-tielet raġuni għala x-Xhieda taʼ Jehovah huma żelużi? (b) Ġesù kif wera żelu għax-xogħol taʼ l-ippridkar taʼ l-aħbar tajba?
4 Hemm it-tielet raġuni għala x-Xhieda taʼ Jehovah huma żelużi. Huma jsegwu l-eżempju taʼ Ġesù Kristu. (1 Pietru 2:21) Dan il-bniedem perfett aċċetta b’qalbu kollha l-inkarigu li jwassal il-bxara t-tajba lill-ġwejdin. (Isaija 61:1; Luqa 4:17-21) B’hekk, hu sar evanġelizzatur, xandâr taʼ l-aħbar tajba. Hu vvjaġġa mal-Galilija u l-Lhudija kollha, “ixandar l-Evanġelju tas-Saltna.” (Mattew 4:23) U peress li kien jaf li ħafna kienu se jaċċettaw din l-aħbar tajba, hu qal lid-dixxipli tiegħu: “Il-ħsad huwa kbir, iżda l-ħaddiema ftit. Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu.”—Mattew 9:37, 38.
5 Fi qbil mat-talba tiegħu stess, Ġesù ħarreġ lil oħrajn biex ikunu evanġelizzaturi. Wara ftit taż-żmien, hu bagħat lill-appostli tiegħu waħedhom u qalilhom: “Intom u sejrin, xandru u għidu li s-Saltna tas-Smewwiet waslet.” Kien se jkun iktar prattiku għalihom li joħolqu xi sistemi biex itaffu l-problemi soċjali taʼ żmienhom? Jew iktar kien imisshom involvew ruħhom fil-politika biex jiġġieldu kontra l-korruzzjoni tant mifruxa f’dak iż-żmien? Le. Minflok, Ġesù stabbilixxa l-livell għall-evanġelizzaturi Kristjani kollha meta qal lis-segwaċi tiegħu: “Intom u sejrin, xandru.”—Mattew 10:5-7.
6 Iktar tard, Ġesù bagħat lil grupp ieħor taʼ dixxipli biex iħabbru: ‘Is-Saltna taʼ Alla waslet.’ Meta ġew lura biex jirrapportaw is-suċċess tal-vjaġġ tagħhom bħala evanġelizzaturi, Ġesù ried itir bil-ferħ. Hu talab: “Nfaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax int dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin.” (Luqa 10:1, 8, 9, 21) Id-dixxipli taʼ Ġesù, li qabel kienu jaħdmu iebes bħala sajjieda, bdiewa, u f’xogħlijiet oħra bħal dawn, kienu bħal tfal ċkejknin meta tqabbilhom mal-mexxejja reliġjużi taʼ dak il-ġens, li kellhom edukazzjoni għolja. Imma d-dixxipli ġew imħarrġin biex ixandru l-aqwa aħbar tajba li teżisti.
7. Wara li Ġesù telaʼ s-sema, is-segwaċi tiegħu lil min ippridkawha l-ewwel l-aħbar tajba?
7 Wara li Ġesù telaʼ s-sema, is-segwaċi tiegħu komplew ixerrdu l-aħbar tajba taʼ salvazzjoni. (Atti 2:21, 38-40) Lil min ippridkaw l-ewwel? Marru huma għand il-ġnus li ma kinux jafu lil Alla? Le, l-ewwel qasam għall-attività tagħhom kien Iżrael, poplu li kien ilu midħla taʼ Jehovah għal iktar minn 1,500 sena. Kellhom huma d-dritt li jippridkaw f’pajjiż fejn Jehovah kien diġà qed jiġi meqjum? Iva. Ġesù kien qalilhom: “Tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalemm, fil-Lhudija kollha u s-Samarija u sa truf l-art.” (Atti 1:8) Iżrael kellu bżonn jismaʼ l-aħbar tajba daqskemm kellu bżonn jismagħha kwalunkwe ġens ieħor.
8. Illum ix-Xhieda taʼ Jehovah kif jimitaw lis-segwaċi taʼ Ġesù li għexu fl-ewwel seklu?
8 B’mod simili, illum ix-Xhieda taʼ Jehovah jippridkaw fid-dinja kollha. Huma jaħdmu id f’id maʼ l-anġlu li ra Ġwanni u li kellu “l-Evanġelju taʼ dejjem ħalli jxandru lil min jgħammar fuq l-art, lil kull ġens, tribù, lsien u poplu.” (Apokalissi 14:6) Fis-sena 2001, huma kienu attivi f’235 pajjiż u territorju, inkluż postijiet li normalment jitqiesu bħala Kristjani. Jagħmlu ħażin ix-Xhieda taʼ Jehovah li jippridkaw f’postijiet fejn il-Kristjaneżmu diġà stabbilixxa l-knejjes tiegħu? Xi wħud hekk jgħidu, u għandhom mnejn saħansitra jqisu dan l-evanġelizzar bħala li huwa “serq tan-nagħaġ.” Madankollu, ix-Xhieda taʼ Jehovah jiftakru f’dak li kien iħoss Ġesù għal-Lhud umlin taʼ żmienu. Għalkemm diġà kellhom saċerdozju, Ġesù ma ħasibhiex darbtejn biex jgħidilhom l-aħbar tajba. Hu “tħassarhom, għax kienu mdejjqa u mitluqa bħal nagħaġ bla ragħaj.” (Mattew 9:36) Meta x-Xhieda taʼ Jehovah isibu nies umlin li m’għandhomx għarfien dwar Jehovah u s-Saltna tiegħu, għandhom huma jżommu lura l-aħbar tajba minn individwi bħal dawn għaliex xi reliġjon issostni li għandha l-awtorità fuqhom? Waqt li nsegwu l-eżempju taʼ l-appostli taʼ Ġesù, aħna nwieġbu le. L-aħbar tajba trid tiġi pridkata “lill-ġnus kollha,” mingħajr eċċezzjoni.—Mark 13:10.
Il-Kristjani tal-Bidu Kollha Kienu Evanġelizzaturi
9. Fl-ewwel seklu, fil-kongregazzjoni Kristjana min ħa sehem fix-xogħol taʼ l-ippridkar?
9 Fl-ewwel seklu, min ħa sehem fix-xogħol taʼ l-ippridkar? Il-fatti juru li l-Kristjani kollha kienu evanġelizzaturi. L-awtur W. S. Williams jinnota: “L-evidenza ġenerali hi li l-Kristjani kollha fil-Knisja tal-bidu . . . ppridkaw l-evanġelju.” Rigward il-ġrajjiet li seħħew nhar jum il-Pentekoste tas-sena 33 E.K., il-Bibbja tgħid: “Mtlew ilkoll [irġiel u nisa] bl-Ispirtu s-Santu u bdew jitkellmu b’ilsna oħra, skond ma l-Ispirtu kien jagħtihom li jitkellmu.” L-evanġelizzaturi saru jinkludu rġiel u nisa, żgħar u kbar, ilsiera u nies ħielsa. (Atti 1:14; 2:1, 4, 17, 18; Ġoel 3:1, 2 [2:28, 29, NW]; Galatin 3:28) Meta ħafna Kristjani kellhom jaħarbu minn Ġerusalemm minħabba l-persekuzzjoni, “dawk li xterdu bdew ixandru l-kelma kull fejn marru.” (Atti 8:4) “Dawk li xterdu” kollha evanġelizzaw, mhux biss ftit uħud maħturin.
10. Liema inkarigu doppju twettaq qabel il-qerda tas-sistema Lhudija?
10 Hekk kienu jsiru l-affarijiet matul dawk is-snin tal-bidu. Ġesù pprofetizza: “Dan l-Evanġelju tas-Saltna jixxandar fid-dinja kollha, biex il-ġnus kollha jkollhom xhieda. Mbagħad jiġi t-tmiem.” (Mattew 24:14) Fit-twettiq taʼ dan il-kliem fl-ewwel seklu, l-evanġelju kien ġie mxandar maʼ kullimkien qabel ma l-eżerċti Rumani qerdu s-sistema reliġjuża u politika Lhudija. (Kolossin 1:23) Iżjed minn hekk, is-segwaċi kollha taʼ Ġesù obdew il-kmand tiegħu: “Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u taʼ l-Iben u taʼ l-Ispirtu s-Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien.” (Mattew 28:19, 20) Il-Kristjani tal-bidu ma ħeġġewx lill-ġwejdin biex jemmnu b’Ġesù u mbagħad telquhom għal rajhom mingħajr ma pprovdewlhom gwida, bħalma jagħmlu xi predikaturi moderni. Pjuttost, għallmuhom biex isiru dixxipli taʼ Ġesù, organizzawhom f’kongregazzjonijiet, u ħarrġuhom sabiex dawn imbagħad setgħu jippridkaw l-aħbar tajba u jagħmlu dixxipli. (Atti 14:21-23) Illum, ix-Xhieda taʼ Jehovah jagħmlu l-istess ħaġa.
11. Illum min jieħu sehem f’li jħabbar l-aqwa aħbar tajba lill-bnedmin?
11 Għadd taʼ Xhieda taʼ Jehovah, li mxew fuq l-eżempji taʼ Pawlu, Barnaba, u oħrajn fl-ewwel seklu, marru bħala missjunarji f’pajjiżi barranin. Xogħolhom verament għamel il-ġid, ladarba dawn ma involvewx ruħhom fil-politika jew b’xi mod ieħor tbiegħdu mill-inkarigu li jippridkaw l-aħbar tajba. Huma sempliċement obdew il-kmand taʼ Ġesù: “Intom u sejrin, xandru.” Madankollu, il-biċċa l-kbira mix-Xhieda taʼ Jehovah m’humiex missjunarji f’pajjiżi barranin. Ħafna minnhom jaqilgħu l-għajxien tagħhom billi jagħmlu xogħol sekulari, u oħrajn għadhom l-iskola. Xi wħud qegħdin irabbu t-tfal. Imma x-Xhieda kollha jaqsmu m’oħrajn l-aħbar tajba li tgħallmu huma. Żgħar u kbar, irġiel u nisa, huma jwieġbu bil-ferħ għat-twissija tal-Bibbja: “Ippriedka l-kelma, kun qiegħed tagħmel dan b’urġenza fi staġun favorevoli, fi staġun taʼ inkwiet.” (2 Timotju 4:2, NW) Bħall-Kristjani taʼ qabilhom fl-ewwel seklu, huma jkomplu “jgħallmu u jxandru bla waqfien li Ġesù hu l-Messija.” (Atti 5:42) Huma qegħdin iħabbru l-aqwa aħbar tajba għall-umanità.
Proselitiżmu jew Evanġelizzar?
12. X’inhu l-proselitiżmu, u kif qegħdin iħarsu lejh illum?
12 Fil-lingwa Griega hemm il-kelma pro·se’ly·tos, li tfisser “konvertit.” Minn din ġiet il-kelma “proselitiżmu,” li bażikament tfisser li tikkonverti lin-nies. Illum, xi wħud jgħidu li l-proselitiżmu jagħmel il-ħsara. Dokument pubblikat mill-Kunsill Dinji tal-Knejjes saħansitra jitkellem dwar “id-dnub tal-proselitiżmu.” Għala? Il-Catholic World Report jgħid: “Bis-sħiq kontinwu taʼ l-ilmenti Ortodossi, il-‘proselitiżmu’ assuma t-tifsira negattiva taʼ konverżjoni sforzata.”
13. X’inhuma xi eżempji taʼ proselitiżmu li ġab il-ħsara?
13 Jagħmel ħsara l-proselitiżmu? Jistaʼ jkun. Ġesù qal li l-proselitiżmu taʼ l-iskribi u l-Fariżej kien taʼ ħsara għal dawk li kkonvertew għar-reliġjon tagħhom. (Mattew 23:15) Ċertament, il-“konverżjoni sforzata” hija ħażina. Per eżempju, skond il-kittieb taʼ l-istorja Ġużeppi Flavju, meta l-Makkabi Ġwanni Irkanu rażżan lill-Idumin, hu “ppermettielhom jibqgħu f’pajjiżhom bil-patt li jagħmlu ċ-ċirkonċiżjoni u jkunu lesti li josservaw il-liġijiet tal-Lhud.” Jekk riedu jgħixu taħt il-ħakma tal-Lhud, l-Idumin kellhom jipprattikaw ir-reliġjon Lhudija. Il-kittieba taʼ l-istorja jgħidulna li fit-tmien seklu E.K., Karlumanju rebaħ lis-Sassoni pagani taʼ l-Ewropa taʼ Fuq u sforzahom b’mod brutali biex jikkonvertu.a Iżda, kemm kienu sinċieri l-konverżjonijiet tas-Sassoni jew taʼ l-Idumin? Per eżempju, kemm kienet ġenwina r-rabta li kellu s-Sultan Idumi Erodi mal-Liġi taʼ Mosè li kienet imnebbħa minn Alla, speċjalment meta pprova joqtol lil Ġesù tarbija?—Mattew 2:1-18.
14. Xi wħud mill-missjunarji tal-Kristjaneżmu kif jagħmlu pressjoni fuq in-nies biex jikkonvertuhom?
14 Jiġu n-nies sforzati biex jikkonvertu llum? F’ċertu sens, hemm min jiġi. Huwa rapportat li ċerti missjunarji tal-Kristjaneżmu joffru boroż taʼ studju barra ’l pajjiż lil uħud li jkunu lesti jikkonvertu għar-reliġjon tagħhom. Jew forsi lil xi refuġjat imġewwaħ l-ewwel iġagħluh jattendi għal servizz reliġjuż sabiex ikun jistaʼ jikseb razzjon taʼ ikel. Skond stqarrija li ħarġet fl-1992 minn konvenzjoni taʼ Isqfijiet Ortodossi, “il-proselitiżmu kultant iseħħ permezz taʼ lixka materjali u kultant b’diversi forom taʼ vjolenza.”
15. Ix-Xhieda taʼ Jehovah jagħmlu proselitiżmu fit-tifsira moderna tal-kelma? Spjega.
15 Li tisforza lin-nies biex ibiddlu r-reliġjon tagħhom huwa ħażin. Ċertament, ix-Xhieda taʼ Jehovah ma jaġixxux hekk.b Għalhekk, huma ma jagħmlux proselitiżmu fit-tifsira moderna tal-kelma. Minflok, bħall-Kristjani taʼ l-ewwel seklu, huma jippridkaw l-aħbar tajba lil kulħadd. Kulmin jaċċetta minn rajh jiġi mistieden biex jieħu iktar għarfien permezz taʼ studju tal-Bibbja. Dawk li juru interess jitgħallmu jpoġġu l-fidi tagħhom f’Alla u fl-iskopijiet tiegħu. Din il-fidi hija bbażata b’mod sod fuq għarfien eżatt mill-Bibbja. B’riżultat taʼ dan, huma jsejħu isem Alla, Jehovah, biex isalvaw. (Rumani 10:13, 14, 17) Jekk jaċċettawx l-aħbar tajba jew le hija kwistjoni taʼ għażla persunali. Xejn ma jsir bilfors. Kieku jsir hekk, il-konverżjoni tkun bla sinifikat. Biex tkun aċċettata minn Alla, il-qima trid tiġi mill-qalb.—Dewteronomju 6:4, 5; 10:12.
L-Evanġelizzar fi Żmienna
16. Ix-xogħol taʼ l-evanġelizzar tax-Xhieda taʼ Jehovah kif żdied fi żmienna?
16 Fi żmienna, ix-Xhieda taʼ Jehovah ippridkaw l-aħbar tajba tas-Saltna bi twettiq akbar taʼ Mattew 24:14. Mezz prominenti fix-xogħol tagħhom taʼ l-evanġelizzar kien ir-rivista It-Torri taʼ l-Għassa.c Fl-1879, meta ġew pubblikati l-ewwel ħarġiet taʼ It-Torri taʼ l-Għassa, ir-rivista kellha ċirkulazzjoni taʼ madwar 6,000 kopja b’lingwa waħda. Fis-sena 2001, iktar minn 122 sena wara, iċ-ċirkulazzjoni laħqet 23,042,000 kopja b’141 lingwa. Maʼ din iż-żjieda kien hemm it-tkabbir fl-attività taʼ evanġelizzar tax-Xhieda taʼ Jehovah. Qabbel il-ftit eluf taʼ sigħat kull sena li tqattgħu fix-xogħol taʼ l-evanġelizzar fis-seklu 19 mal-1,169,082,225 siegħa dedikati għax-xogħol taʼ l-ippridkar fis-sena 2001. Qis l-4,921,702 studji tal-Bibbja bla ħlas li ġew kondotti bejn wieħed u ieħor kull xahar. X’ammont enormi taʼ xogħol mill-aħjar twettaq! U dan sar minn 6,117,666 predikatur attiv tas-Saltna.
17. (a) Liema tip t’allat foloz jiġu meqjumin illum? (b) X’jeħtieġ li jkun jaf kulħadd, minkejja l-lingwa, in-nazzjonalità, jew l-istat soċjali tiegħu?
17 Is-salmista jgħid: “Kollha frugħa l-allat tal-popli; Jaħweh hu li għamel is-smewwiet!” (Salm 96:5) Fid-dinja sekularizzata taʼ llum, in-nazzjonaliżmu, l-emblemi nazzjonali, l-individwi prominenti, l-affarijiet materjali, u saħansitra l-għana nnifsu saru oġġetti taʼ qima. (Mattew 6:24; Efesin 5:5; Kolossin 3:5) Mohandas K. Gandhi darba qal: “Hija l-opinjoni soda tiegħi li . . . l-Ewropa llum hija Kristjana fl-isem biss. Qed tqim tassew lil Mammona [il-flus].” Il-fatt hu li l-aħbar tajba jeħtieġ li tinstemaʼ kullimkien. Kulħadd, hi x’inhi l-lingwa, in-nazzjonalità, jew l-istat soċjali tiegħu, jeħtieġ li jkun jaf dwar Jehovah u dwar l-iskopijiet tiegħu. Aħna nixtiequ li kulħadd jaġixxi fuq il-kliem tas-salmista: “Agħtu lill-Mulej sebħ u qawwa; agħtu lill-Mulej is-sebħ taʼ ismu!” (Salm 96:7, 8) Ix-Xhieda taʼ Jehovah jgħinu lil oħrajn jitgħallmu dwar Jehovah sabiex dawn ikunu jistgħu jagħtuh glorja b’mod xieraq. U dawk li jaċċettaw jibbenefikaw bil-kbir. Liema benefiċċji jgawdu? Dawn se jiġu diskussi fl-artiklu li jmiss.
[Noti taʼ taħt]
a Skond The Catholic Encyclopedia, matul ir-Riforma l-ordni li biha reliġjon kienet tiġi sforzata fuq xi poplu kienet espressa bil-qawl: Cuius regio, illius et religio (Fi kliem ieħor dan ifisser: “Min jaħkem il-pajjiż jiddeċiedi wkoll ir-reliġjon tal-pajjiż.”)
b F’laqgħa tal-Kummissjoni taʼ l-Istati Uniti għal-Libertà Reliġjuża Internazzjonali li saret fis-16 taʼ Novembru, 2000, parteċipant għamel distinzjoni bejn dawk li jipprovaw jisforzaw lin-nies biex jikkonvertu u l-attività tax-Xhieda taʼ Jehovah. Ġie notat li meta x-Xhieda taʼ Jehovah jippridkaw lil oħrajn, dan jagħmluh b’tali mod li persuna tkun tistaʼ sempliċement tgħid “M’iniex interessata” u tagħlaq il-bieb.
c It-titlu sħiħ tar-rivista huwa It-Torri taʼ l-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Jehovah.
Tistaʼ Tispjega?
• Ix-Xhieda taʼ Jehovah għala huma evanġelizzaturi żelużi?
• Ix-Xhieda taʼ Jehovah għala jippridkaw saħansitra fejn il-Kristjaneżmu stabbilixxa l-knejjes tiegħu?
• Ix-Xhieda taʼ Jehovah għala ma jagħmlux proselitiżmu fit-tifsira moderna tal-kelma?
• Ix-xogħol taʼ l-evanġelizzar tax-Xhieda taʼ Jehovah kif kiber fi żmienna?
[Stampa f’paġna 9]
Ġesù kien evanġelizzatur żeluż u ħarreġ lil oħrajn biex jagħmlu l-istess xogħol
[Stampa f’paġna 10]
Fil-kongregazzjoni taʼ l-ewwel seklu kulħadd ħa sehem fl-evanġelizzar
[Stampa f’paġna 11]
Li tisforza lin-nies biex ibiddlu r-reliġjon tagħhom huwa ħażin