LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w02 1/1 pp. 13-19
  • Il-Barkiet li Ġġib Magħha l-Aħbar Tajba

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Barkiet li Ġġib Magħha l-Aħbar Tajba
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Evanġelizzazzjoni Llum
  • Aħbar Tajba li Ġġib Barkiet Eterni
  • L-​Aħbar Tajba Tbiddel lin-​Nies
  • L-​Aħbar Tajba —Barka għall-​Ġwejdin
  • ‘Farraġ lill-​Imnikktin Kollha’
  • Barka għall-​Komunità
  • Il-Kristjani Veri Kollha Huma Evanġelizzaturi
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • ‘Inġibu Aħbar Tajba taʼ Xi Ħaġa Aħjar’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • ‘Farraġ lill-Imnikktin Kollha’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
  • Farrġu lill-Imnikktin
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
w02 1/1 pp. 13-19

Il-​Barkiet li Ġġib Magħha l-​Aħbar Tajba

“Il-​Mulej ikkonsagrani, biex inwassal il-​bxara t-​tajba lill-​fqajrin, bagħatni ndewwi l-​qalb miksura; . . . biex infarraġ lill-​imnikktin.”—ISAIJA 61:​1, 2.

1, 2. (a) Ġesù min wera li kien, u kif? (b) Liema barkiet ġabet l-​aħbar tajba mħabbra minn Ġesù?

DARBA minnhom f’jum is-​Sabat, kmieni fil-​ministeru tiegħu, Ġesù kien fis-​sinagoga ġo Nazaret. Skond m’għandna miktub, “tawh f’idejh il-​ktieb taʼ Isaija l-​profeta, fetħu u sab fejn kien hemm miktub dan li ġej: ‘L-​Ispirtu tal-​Mulej fuqi, għax hu kkonsagrani . . . [biex] inwassal il-​bxara t-​tajba.’” Ġesù kompla jaqra mis-​silta profetika. Imbagħad qagħad bil-​qiegħda u qal: “Din il-​kitba seħħet illum, intom u tisimgħu.”—Luqa 4:​16-21.

2 B’dan il-​mod, Ġesù identifika ruħu bħala l-​evanġelizzatur li kien profetizzat, ix-​xandâr taʼ l-​aħbar tajba u dak li jġib il-​faraġ. (Mattew 4:23) U x’aħbar tajba kellu biex ixandar Ġesù! Hu għarraf lis-​semmiegħa tiegħu: “Jiena d-​dawl tad-​dinja. Min jiġi warajja ma jimxix fid-​dlam, iżda jkollu d-​dawl tal-​ħajja.” (Ġwann 8:12) Hu qal ukoll: “Jekk iżżommu fil-​kelma tiegħi, tkunu tassew dixxipli tiegħi, u tagħrfu l-​verità u l-​verità teħliskom.” (Ġwann 8:​31, 32) Iva, Ġesù kellu “l-​kliem tal-​ħajja taʼ dejjem.” (Ġwann 6:​68, 69) Id-​dawl, il-​ħajja, il-​libertà—żgur li dawn huma barkiet li rridu ngħożżuhom!

3. Id-​dixxipli taʼ Ġesù liema aħbar tajba ppridkaw?

3 Wara l-​Pentekoste tas-​sena 33 E.K., id-​dixxipli komplew ix-​xogħol taʼ l-​evanġelizzar li kien beda Ġesù. Huma ppridkaw “l-​Evanġelju tas-​Saltna” kemm lill-​Iżraelin kif ukoll lin-​nies tal-​ġnus. (Mattew 24:14; Atti 15:7; Rumani 1:16) Dawk li aċċettaw il-​messaġġ saru jafu min hu Alla Jehovah. Huma nħelsu mill-​jasar reliġjuż u saru parti mill-​ġens spiritwali ġdid, l-​“Iżrael taʼ Alla,” li l-​membri tiegħu għandhom il-​prospett li jaħkmu għal dejjem fis-​sema maʼ Sidhom, Ġesù Kristu. (Galatin 5:1; 6:16; Efesin 3:​5-7; Kolossin 1:​4, 5; Apokalissi 22:5) Dawn kienu tabilħaqq barkiet għonja!

L-​Evanġelizzazzjoni Llum

4. L-​inkarigu biex nippridkaw l-​aħbar tajba b’liema mod qed jitwettaq illum?

4 Illum, il-​Kristjani midlukin, appoġġati minn “kotra kbira” taʼ “nagħaġ oħra” li dejjem qed tiżdied, ikomplu jwettqu l-​inkarigu profetiku li fil-​bidu ngħata lil Ġesù. (Apokalissi 7:9; Ġwann 10:16) B’riżultat taʼ dan, l-​aħbar tajba qed tiġi pridkata fuq skala li qatt ma kien hawn bħalha qabel. F’235 pajjiż u territorju, ix-​Xhieda taʼ Jehovah ħarġu ‘biex iwasslu l-​bxara t-​tajba lill-​fqajrin, idewwu l-​qalb miksura; biex iħabbru l-​ħelsien lill-​imjassrin, u lill-​ħabsin il-​ftuħ tal-​ħabs; biex iniedu s-​sena tal-​grazzja tal-​Mulej, u jum il-​vendetta taʼ Alla tagħna; biex ifarrġu lill-​imnikktin.’ (Isaija 61:​1, 2) Għalhekk, ix-​xogħol taʼ l-​evanġelizzar li qed jagħmlu l-​Kristjani qed ikompli jġib barkiet lil ħafna u faraġ ġenwin lil “dawk kollha li jinsabu f’kull xorta taʼ hemm.”—2 Korintin 1:​3, 4.

5. Rigward l-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba, ix-​Xhieda taʼ Jehovah kif inhuma differenti mill-​knejjes tal-​Kristjaneżmu?

5 Huwa minnu li l-​knejjes tal-​Kristjaneżmu jiffinanzjaw xi għamliet taʼ evanġelizzazzjoni. Ħafna jibagħtu l-​missjunarji biex jagħmlu proselitiżmu f’pajjiżi oħrajn. Per eżempju, The Orthodox Christian Mission Center Magazine jirrapporta fuq l-​attività tal-​missjunarji Ortodossi f’Madagaskar, fl-​Afrika t’Isfel, fit-​Tanzanija, u f’Żimbabwe. Madankollu, fil-​Knisja Ortodossa, kif ukoll fil-​knejjes l-​oħrajn tal-​Kristjaneżmu, il-​biċċa l-​kbira mill-​membri ma jiħdux sehem f’dan ix-​xogħol. B’kuntrast, ix-​Xhieda taʼ Jehovah dedikati kollha jistinkaw biex jieħdu sehem fl-​evanġelizzar. Huma jirrealizzaw li x-​xandir taʼ l-​aħbar tajba huwa evidenza taʼ kemm hi ġenwina l-​fidi tagħhom. Qal Pawlu: “Wieħed jemmen f’qalbu biex ikollu l-​ġustizzja u jistqarr b’xufftejh biex ikollu s-​salvazzjoni.” Fil-​fatt, fidi li ma tqanqalx lil dak li jkun biex jaġixxi hija mejta.—Rumani 10:10; Ġakbu 2:17.

Aħbar Tajba li Ġġib Barkiet Eterni

6. Liema aħbar tajba qed tiġi pridkata llum?

6 Ix-​Xhieda taʼ Jehovah jippridkaw l-​aqwa aħbar li tistaʼ tiġi pridkata. Huma jiftħu l-​Bibbji tagħhom u juru lil dawk li jkunu lesti li jisimgħu illi Ġesù ssagrifika ħajtu biex lill-​bnedmin jagħtihom il-​mezz kif jersqu lejn Alla, il-​maħfra tad-​dnubiet, u t-​tama taʼ ħajja taʼ dejjem. (Ġwann 3:16; 2 Korintin 5:​18, 19) Huma jħabbru li s-​Saltna t’Alla ġiet stabbilita fis-​sema taħt is-​Sultan midluk, Ġesù Kristu, u li dalwaqt din se tneħħi l-​ħażen minn fuq l-​art u tieħu ħsieb li jerġaʼ jkun hawn Ġenna taʼ l-​art. (Apokalissi 11:15; 21:​3, 4) Biex iwettqu l-​profezija taʼ Isaija, huma jinformaw lill-​ġirien tagħhom li issa hija “s-​sena tal-​grazzja tal-​Mulej” meta l-​bnedmin għadhom jistgħu jaċċettaw l-​aħbar tajba. Huma jwissu wkoll li dalwaqt se jiġi “jum il-​vendetta taʼ Alla tagħna” meta Jehovah se jġib fi tmiem lill-​ħżiena li ma jindmux.—Salm 37:​9-11.

7. Liema esperjenza turi l-​unità tax-​Xhieda taʼ Jehovah, u huma għala jgawdu din l-​unità?

7 F’dinja maħkuma mit-​traġedji u d-​diżastri, din hi l-​unika aħbar tajba li għandha benefiċċji eterni. Min jaċċettaha jsir parti minn fratellanza magħquda mad-​dinja kollha taʼ Kristjani li ma jħallux id-​differenzi nazzjonali, tribwali, jew ekonomiċi jifirduhom. Huma ‘libsu l-​imħabba, li hi l-​qofol tal-​perfezzjoni.’ (Kolossin 3:14; Ġwann 15:12) Dan deher is-​sena l-​oħra f’ċertu pajjiż Afrikan. Għodwa waħda n-​nies tal-​belt kapitali stenbħu bil-​ħoss taʼ l-​isparar. Kien qed iseħħ attentat taʼ kolp taʼ stat. Meta l-​ġrajjiet ħadu xejra etnika, familja taʼ Xhieda ġiet kritikata għaliex tat il-​kenn lil Xhieda oħrajn taʼ tribù differenti. Il-​familja wieġbet: “F’darna hawn joqogħdu biss Xhieda taʼ Jehovah.” Għalihom, id-​differenzi etniċi ma kinux importanti; imma l-​imħabba Kristjana—li jfarrġu lil dawk fil-​bżonn—kienet. Qariba tagħhom li mhix Xhud ikkummentat: “Il-​membri tar-​reliġjonijiet kollha ttradew lill-​adoraturi sħabhom. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah biss m’għamlux hekk.” Ħafna esperjenzi simili rapportati minn pajjiżi mtertqin bil-​ġlied ċivili juru li x-​Xhieda taʼ Jehovah verament iħobbu lis-​sħubija kollha taʼ l-​aħwa.—1 Pietru 2:17.

L-​Aħbar Tajba Tbiddel lin-​Nies

8, 9. (a) Dawk li jaċċettaw l-​aħbar tajba liema bidliet jagħmlu? (b) Liema esperjenzi juru l-​qawwa taʼ l-​aħbar tajba?

8 L-​aħbar tajba għandha x’taqsam maʼ dik li Pawlu sejħilha ‘l-​ħajja taʼ issa u dik li għad trid tiġi.’ (1 Timotju 4:8) Din mhux biss toffri tama meraviljuża u ċerta għall-​futur imma wkoll iġġib titjib fil-​“ħajja taʼ issa.” Bħala individwi, ix-​Xhieda taʼ Jehovah jiġu gwidati mill-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja, biex iġibu ħajjithom fi qbil mar-​rieda t’Alla. (Salm 119:101) L-​istess personalitajiet tagħhom jiġġeddu hekk kif huma jikkultivaw kwalitajiet bħat-​tjieba u l-​lealtà.—Efesin 4:24.

9 Ikkunsidra l-​eżempju taʼ Franco li kellu problema li jitlagħlu malajr. Kulmeta l-​affarijiet ma kinux imorru kif jixtieq hu, kien jintilef u jsir vjolenti u jibda jkisser l-​affarijiet. Martu studjat il-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Jehovah, u l-​eżempju tagħhom bħala Kristjani bil-​mod il-​mod għen lil Franco jara li kellu jinbidel. Hu beda jistudja l-​Bibbja magħhom u fl-​aħħar irnexxielu juri l-​frott taʼ l-​ispirtu qaddis tas-​sliem u r-​rażan. (Galatin 5:​22, 23) Hu kien fost l-​492 li tgħammdu fil-​Belġju matul is-​sena taʼ servizz 2001. Ikkunsidra wkoll lil Alejandro. Dan iż-​żagħżugħ tant sar vizzjat bid-​drogi li wasal sal-​punt li jgħix minn fuq miżbla, u kien jiġbor dak li jistaʼ ħalli jbigħu sabiex ikun jistaʼ jixtri d-​drogi. Meta kellu 22 sena, ix-​Xhieda taʼ Jehovah stiednu lil Alejandro biex jistudja l-​Bibbja, u dan aċċetta. Hu beda jaqra l-​Bibbja kuljum u jattendi l-​laqgħat Kristjani. Hu tant naddaf ħajtu malajr li f’inqas minn sitt xhur setaʼ jieħu sehem fix-​xogħol taʼ l-​evanġelizzar, u kien wieħed mill-​10,115 li għamlu dan ix-​xogħol is-​sena l-​oħra fil-​Panama.

L-​Aħbar Tajba —Barka għall-​Ġwejdin

10. Min jaċċettaha l-​aħbar tajba, u l-​ħarsa tagħhom kif tinbidel?

10 Isaija pprofetizza li l-​aħbar tajba kienet se tiġi pridkata lill-​ġwejdin. Min huma dawn il-​ġwejdin? Huma dawk li jiġu deskritti fil-​ktieb taʼ l-​Atti bħala “magħżula għall-​ħajja taʼ dejjem.” (Atti 13:48) Huma individwi umlin li jinstabu fis-​setturi kollha tas-​soċjetà u li jiftħu qalbhom għall-​messaġġ tal-​verità. Dawn jitgħallmu illi li jagħmlu r-​rieda t’Alla jġib barkiet li huma bil-​wisq iktar għonja minn kwalunkwe ħaġa li toffri d-​dinja sekulari. (1 Ġwann 2:​15-17) Iżda, ix-​Xhieda taʼ Jehovah kif jilħqu l-​qlub fix-​xogħol tagħhom taʼ l-​evanġelizzar?

11. Skond Pawlu, l-​aħbar tajba kif għandha tiġi pridkata?

11 Sewwa, ikkunsidra l-​eżempju taʼ l-​appostlu Pawlu, li kiteb lill-​Korintin: “Meta jiena wasalt għandkom, ħuti, ma ġejtx inħabbrilkom il-​Misteru taʼ Alla bi kliem kbir jew għaref. Ma ppretendejtx li kont naf xi ħaġa fostkom, ħlief lil Ġesù Kristu, u ’l dan imsallab.” (1 Korintin 2:​1, 2) Pawlu ma pprovax jimpressjona lis-​semmiegħa tiegħu b’kemm kien jaf. Hu m’għallem xejn ħlief fatti żgurati minn Alla, fatti li llum insibuhom fil-​Bibbja. Innota wkoll l-​inkuraġġiment li Pawlu ta lil Timotju, l-​evanġelizzatur sieħbu: “Xandar il-​kelma, insisti.” (2 Timotju 4:2) Timotju kellu jippriedka “l-​kelma,” il-​messaġġ t’Alla. Pawlu kiteb ukoll lil Timotju: “Agħmel mill-​aħjar biex iġġib ruħek quddiem Alla, bħala bniedem li għadda mill-​prova, bħala ħaddiem li m’għandux mniex jistħi, li jxandar bir-​reqqa l-​kelma tal-​verità.”—2 Timotju 2:15.

12. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah illum kif jagħtu kas il-​kliem u l-​eżempju taʼ Pawlu?

12 Ix-​Xhieda taʼ Jehovah jagħtu kas l-​eżempju taʼ Pawlu, kif ukoll il-​kliem li qal lil Timotju. Huma jirrikonoxxu l-​qawwa tal-​Kelma t’Alla u jagħmlu użu tajjeb minnha hekk kif ifittxu li juru lill-​ġirien tagħhom kliem xieraq taʼ tama u faraġ. (Salm 119:52; 2 Timotju 3:​16, 17; Lhud 4:12) Huwa minnu li huma jagħmlu użu tajjeb mil-​letteratura Biblika sabiex dawk li juru interess ikunu jistgħu jiksbu iktar għarfien dwar il-​Bibbja għall-​kumdità tagħhom. Imma lin-​nies huma dejjem ifittxu li juruhom kliem mill-​Iskrittura. Huma jafu li l-​Kelma mnebbħa t’Alla se tqanqal il-​qlub taʼ nies umlin. U l-​fatt li jużawha b’dan il-​mod isaħħaħ il-​fidi tagħhom stess ukoll.

‘Farraġ lill-​Imnikktin Kollha’

13. Fis-​sena 2001, minħabba liema ġrajjiet inħolqot ħtieġa kbira li jingħata faraġ lill-​imnikktin?

13 Is-​sena 2001 kellha s-​sehem tagħha f’dawk li huma diżastri, u b’riżultat taʼ dan, ħafna individwi kellhom bżonn il-​faraġ. F’Settembru li għadda seħħ eżempju li jispikka fl-​Istati Uniti, bl-​attakki terroristiċi fuq il-​World Trade Center fi New York u l-​Pentagon qrib Washington, D.C. Kif baqaʼ xxokkjat il-​pajjiż kollu b’dawn l-​attakki! Quddiem ġrajjiet bħal dawn, ix-​Xhieda taʼ Jehovah jagħmlu ħilithom biex iwettqu l-​inkarigu tagħhom li joffru ‘faraġ lill-​imnikktin kollha.’ Għandna ftit esperjenzi li juru kif huma jagħmluh dan.

14, 15. Xi Xhieda f’żewġ okkażjonijiet differenti kif kienu kapaċi jużaw l-​iskritturi b’mod effettiv biex ifarrġu lill-​imnikktin?

14 Waħda Xhud li tevanġelizza full-time avviċinat lil waħda mara fuq il-​bankina u staqsietha x’kienet taħseb dwar l-​attakki terroristiċi taʼ dan l-​aħħar. Il-​mara nfexxet tibki. Hi qalet li kienet imdejqa għall-​aħħar u xtaqet li setgħet tgħin b’xi mod. Ix-​Xhud qaltilha li Alla hu interessat ferm fina lkoll, u qratilha Isaija 61:​1, 2. Dan il-​kliem imnebbaħ minn Alla deher li jagħmel sens għal din il-​mara li qalet li kulħadd kien imnikket. Hi aċċettat fuljett u talbet lix-​Xhud biex iżżurha d-​dar.

15 Żewġ Xhieda rġiel li kienu qed jieħdu sehem fix-​xogħol taʼ l-​evanġelizzar iltaqgħu maʼ raġel li kien qed jaħdem fil-​garaxx tiegħu. Huma offrew li juruh kliem taʼ faraġ mill-​Iskrittura minħabba t-​traġedja reċenti fil-​World Trade Center. Bil-​kunsens tiegħu qrawlu t-​2 Korintin 1:​3-7, li jinkludi l-​kliem: ‘Permezz taʼ Kristu joktor il-​faraġ.’ Ir-​raġel apprezza li x-​Xhieda ġirien tiegħu kienu qed jaqsmu maʼ ħaddieħor xi ħaġa taʼ faraġ u qal: “Jalla Alla jbierek ix-​xogħol meraviljuż li qegħdin tagħmlu.”

16, 17. Liema żewġ esperjenzi juru l-​qawwa li għandha l-​Bibbja biex tgħin lil individwi li huma qalbhom sewda jew mifxulin minħabba t-​traġedji?

16 Xhud li kien qed jerġaʼ jżur lil nies li kienu wrew interess iltaqaʼ maʼ iben taʼ mara li qabel kienet uriet interess u spjega li kien imħasseb dwar kif il-​ġirien kienu sejrin wara t-​traġedja reċenti. Ir-​raġel baqaʼ skantat meta sar jaf li x-​Xhud kien ħa mill-​ħin tiegħu stess biex iżur lin-​nies u jara kif inhuma sejrin. Hu qal li kien qed jaħdem qrib ġmielu tal-​World Trade Center meta seħħ l-​attakk u rah iseħħ mill-​bidu sa l-​aħħar. Meta staqsa għala Alla jippermetti s-​sofferenza, ix-​Xhud qralu xi versi mill-​Bibbja, inkluż Salm 37:​39, li jgħid: “Is-​salvazzjoni tal-​ġusti mill-​Mulej; hu l-​kenn tagħhom fi żmien l-​għawġ.” Ir-​raġel staqsa bi ħlewwa kif ix-​Xhud u l-​familja tiegħu kienu sejrin, stiednu biex jerġaʼ jżuru, u esprima apprezzament mill-​qalb għaż-​żjara li għamillu.

17 Waħda oħra mill-​eluf taʼ mnikktin li tfarrġu mix-​Xhieda taʼ Jehovah fil-​ġranet taʼ wara l-​attakki terroristiċi kienet mara li x-​Xhieda ltaqgħu magħha meta kienu qegħdin iżuru lill-​ġirien tagħhom. Hi kienet inkwetata għall-​aħħar b’dak li kien ġara u qagħdet tismaʼ hekk kif huma qrawlha Salm 72:​12-14: “Hu jeħles lill-​fqir li jsejjaħlu, u lill-​imsejken li m’għandux min jgħinu. Iħenn għad-​dgħajjef u għall-​fqajjar; il-​ħajja tal-​fqajrin isalva. Jeħlishom mill-​qerq u mill-​moħqrija [“vjolenza,” NW]; demmhom għażiż quddiem għajnejh.” Kemm kien fih sinifikat dan il-​kliem! Il-​mara talbet lix-​Xhieda biex jerġgħu jaqrawlha l-​versi u stidnithom jidħlu ġewwa biex ikomplu d-​diskussjoni. Sakemm spiċċat il-​konversazzjoni, kien inbeda studju tal-​Bibbja.

18. Wieħed Xhud kif għen lill-​ġirien tiegħu meta stidnuh biex jitlob għan-​nom tagħhom?

18 Wieħed Xhud jaħdem f’restorant li qiegħed f’komunità pjuttost sinjura fejn in-​nies qabel ma tantx kienu wrew interess fl-​aħbar tajba tas-​Saltna. Wara l-​attakki terroristiċi, din il-​komunità dehret imbeżżgħa. Nhar il-​Ġimgħa fil-​għaxija wara l-​attakk, il-​maniġer tar-​restorant stiednet lil kulħadd joħroġ barra u jżomm xemgħa f’idu waqt li josservaw mument taʼ riflessjoni fil-​kwiet biex jiftakru fil-​vittmi. B’rispett lejn is-​sentimenti tagħhom, ix-​Xhud ħareġ ukoll u qagħad sieket fuq il-​bankina. Il-​maniġer kienet taf li hu kien ministru tax-​Xhieda taʼ Jehovah, u għalhekk wara l-​perijodu taʼ riflessjoni, staqsietu jekk iridx jgħid talba għal kulħadd. Ix-​Xhud aċċetta. Fit-​talba tiegħu, hu semma n-​niket kbir li kien mifrux maʼ kullimkien imma qal li dawk li tilfu l-​maħbubin tagħhom m’għandhomx għalfejn jitnikktu bla tama. Hu tkellem dwar iż-​żmien meta ġrajjiet terribbli bħal dawn mhux se jseħħu iktar u qal li kulħadd setaʼ jersaq iktar qrib lejn dak Alla tal-​faraġ permezz taʼ għarfien eżatt mill-​Bibbja. Wara li qalet “Amen,” il-​maniġer—flimkien maʼ iktar minn 60 persuna li kienu barra r-​restorant—resqet lejn ix-​Xhud, irringrazzjatu, għannqitu, u qaltlu li t-​talba tiegħu kienet l-​isbaħ waħda li qatt semgħet.

Barka għall-​Komunità

19. Liema esperjenza turi li xi wħud jirrikonoxxu l-​livelli għoljin tax-​Xhieda taʼ Jehovah?

19 Speċjalment f’dawn il-​ġranet, komunitajiet fejn ix-​Xhieda taʼ Jehovah huma attivi jibbenefikaw mill-​preżenza tagħhom—bħalma osservaw ħafna individwi. Kif jistaʼ poplu li jħabrek għas-​sliem, l-​onestà, u l-​morali nodfa ma jagħmilx ġid? F’pajjiż fl-​Asja Ċentrali, ix-​Xhieda ltaqgħu maʼ uffiċjal irtirat taʼ dik li qabel kienet l-​aġenzija taʼ sigurtà taʼ l-​istat. Hu qal li darba ġie inkarigat biex jinvestiga diversi organizzazzjonijiet reliġjużi. Meta investiga lix-​Xhieda taʼ Jehovah, baqaʼ impressjonat bl-​onestà u l-​kondotta tajba tagħhom. Hu ammira l-​fidi soda tagħhom u l-​fatt li t-​tagħlim tagħhom hu bbażat fuq l-​Iskrittura. Dan ir-​raġel aċċetta li jibda studju tal-​Bibbja.

20. (a) X’turi l-​attività rapportata mix-​Xhieda taʼ Jehovah is-​sena l-​oħra? (b) Liema ħaġa tindika li għad hemm ħafna xogħol xi jsir, u kif inħarsu aħna lejn il-​privileġġ li għandna taʼ l-​evanġelizzar?

20 Mill-​ftit esperjenzi li rrakkontajna f’dan l-​artiklu, mill-​eluf li setgħu jiġu rakkontati, jidher ċar li x-​Xhieda taʼ Jehovah kellhom ħafna x’jagħmlu matul is-​sena taʼ servizz 2001.a Huma tkellmu maʼ miljuni taʼ nies, farrġu lil ħafna li kienu mnikktin, u x-​xogħol taʼ l-​evanġelizzar tagħhom ġab riżultati tajbin. Kien hemm 263,431 li ssimbolizzaw id-​dedikazzjoni tagħhom lil Alla permezz tal-​magħmudija. Madwar id-​dinja, l-​għadd taʼ evanġelizzaturi żdied b’1.7 fil-​mija. U l-​fatt li 15,374,986 attendew għall-​Mafkar annwali tal-​mewt taʼ Ġesù jindika li għad hemm ħafna xogħol iktar xi jsir. (1 Korintin 11:​23-26) Jalla nkomplu nfittxu lill-​ġwejdin li jaċċettaw l-​aħbar tajba. U sakemm tkompli s-​sena taʼ grazzja taʼ Jehovah, jalla nkomplu nfarrġu lil dawk taʼ “qalb miksura.” Xi privileġġ imbierek għandna! Żgur li lkoll kemm aħna nidwu kliem Isaija: “Nifraħ fuq li nifraħ bil-​Mulej, taqbeż bil-​ferħ ruħi b’Alla tiegħi.” (Isaija 61:10) Jalla Alla jkompli jużana hekk kif iwettaq dan il-​kliem profetiku: “Il-​Mulej [Sovran Jehovah] inibbet il-​ġustizzja u l-​foħrija, quddiem kollha kemm huma l-​ġnus.”—Isaija 61:11.

[Nota taʼ taħt]

a It-tabella f’paġni 19 sa 22 tagħti r-​rapport taʼ l-​attività tax-​Xhieda taʼ Jehovah matul is-​sena taʼ servizz 2001.

X’Tiftakar?

• Il-ġwejdin kif tbierku bl-​aħbar tajba li ppriedka Ġesù?

• Liema barkiet kellhom dawk li wieġbu għax-​xogħol taʼ l-​evanġelizzar tad-​dixxipli taʼ Ġesù fl-​ewwel seklu?

• Uħud li kienu lesti li jisimgħu llum kif tbierku bl-​aħbar tajba?

• Kif inħarsu aħna lejn il-​privileġġ li għandna bħala evanġelizzaturi?

[Tabella f’paġna 19-22]

RAPPORT TAS-SENA TAʼ SERVIZZ 2001 TAX-XĦIEDA TAʼ JEHOVAH MADWAR ID-DINJA

(Ara rivista)

[Stampi f’paġna 15]

Ix-​Xhieda taʼ Jehovah dejjem jiftakru r-​responsabbiltà li għandhom biex jevanġelizzaw

[Stampi f’paġna 17]

Dawk li jaċċettaw l-​aħbar tajba jsiru parti minn fratellanza magħquda mad-​dinja kollha

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja