Il-Knisja u l-Istat f’Biżanzju
IL-FUNDATUR tal-Kristjanità kien ċar ħafna dwar id-differenza kbira li għandu jkun hemm bejn is-segwaċi tiegħu u d-dinja taʼ bnedmin ’il bogħod minn Alla. Ġesù qal lis-segwaċi tiegħu: “Kieku intom kontu tad-dinja, id-dinja kienet tħobbkom bħalma tħobb dak li hu tagħha; iżda billi m’intomx tad-dinja, għax jien ħriġtkom mid-dinja, id-dinja tobgħodkom.” (Ġwann 15:19) Quddiem Pilatu, rappreżentant tal-qawwa politika taʼ żmienu, Ġesù ddikjara: “Is-saltna tiegħi m’hijiex taʼ din id-dinja.”—Ġwann 18:36.
Sabiex iwettqu r-responsabbiltà tagħhom li jippridkaw “sa truf l-art,”il-Kristjani kellhom jevitaw li jiġu
aljenati bi kwistjonijiet sekulari. (Atti 1:8) Bħal Ġesù, il-Kristjani tal-bidu ma kinux jindaħlu fil-politika. (Ġwann 6:15) Kulħadd setaʼ jara li l-Kristjani leali ma kinux jidħlu għal pożizzjonijiet t’awtorità jew amministrattivi. Iżda maż-żmien ma baqax hekk.
Parti mid-Dinja
Xi ftit taż-żmien wara li mietu l-aħħar appostli, il-mexxejja reliġjużi ma sabuhiex bi tqila biex jibdew ibiddlu l-ħarsa tagħhom rigward ir-relazzjoni tagħhom mad-dinja. Huma bdew jimmaġinaw “saltna” li mhux biss kienet fid-dinja imma kienet ukoll parti minnha. Nitgħallmu ħafna jekk nagħtu titwila lejn il-mod kif ir-reliġjon u l-politika ntrabtu flimkien fl-Imperu Biżantin—l-Imperu Ruman tal-Lvant, bil-belt kapitali tiegħu Biżanzju (illum Istanbul).
F’soċjetà fejn tradizzjonalment ir-reliġjon kellha rwol ferm importanti, il-Knisja Biżantina, biċ-ċentru tagħha f’Biżanzju, kellha ħafna poter. Panayotis Christou, kittieb taʼ l-istorja tal-knisja, darba għamel din l-osservazzjoni: “Il-Biżantini kienu jemmnu li l-imperu tagħhom fuq l-art kien xbieha tas-Saltna t’Alla.” Madankollu, l-awtorità imperjali mhux dejjem kienet taqbel maʼ din l-idea. Minħabba f’hekk, ir-relazzjoni bejn il-Knisja u l-Istat kultant kienet tkun imqallba. The Oxford Dictionary of Byzantium jistqarr li l-isqfijiet taʼ Kostantinopli, jew Biżanzju, kienu jġibu ruħhom b’modi differenti. Kien hemm min beżaʼ u ssottometta ruħu għal xi ħakkiem potenti, kien hemm min ħadem id f’id maʼ l-imperatur, u kien hemm min b’kuraġġ kbir ħadha qatta bla ħabel kontra r-rieda imperjali.
Il-patrijarka taʼ Kostantinopli, il-kap tal-Knisja tal-Lvant, sar figura importanti u influwenti ħafna. Hu kien jinkuruna lill-imperatur, u għalhekk dan taʼ l-aħħar kien mistenni li jkun difensur leali tal-Knisja Ortodossa. Il-patrijarka kien ukoll għani ħafna, ladarba kellu f’idejh ir-riżorsi kollha tal-knisja. Il-poter tiegħu ma kienx ġej biss mill-awtorità li kellu fuq għadd kbir taʼ patrijiet imma wkoll mill-influwenza li kellu fuq il-lajċi.
Taʼ spiss, il-patrijarka kien f’pożizzjoni li jisfida ’l-imperatur. Hu setaʼ jhedded bl-iskomunika—u hekk jimponi r-rieda tiegħu f’isem Alla—jew inkella juża metodi oħra li bihom setaʼ jniżżel ’l-imperatur mis-siġġu tal-poter.
Meta barra l-belt kapitali, l-amministrazzjoni ċivili bdiet titlef il-qawwa tagħha bil-mod il-mod, l-isqfijiet taʼ dawn il-bliet taʼ spiss saru l-iktar irġiel qawwija, b’poter daqs dak taʼ gvernatur tal-provinċja. Kienu l-isqfijiet infushom li għenu biex jintgħażlu dawn il-gvernaturi. Huma kienu jindaħlu f’każijiet li jkunu fil-qorti u fi kwistjonijiet sekulari li fihom tkun imdaħħla l-knisja—u kultant anki meta ma tkunx. Fattur li għen ħafna f’dan kien il-fatt li kien hemm għaxriet t’eluf taʼ qassisin u patrijiet, u dawn kollha kienu suġġetti għall-isqfijiet lokali tagħhom.
Politika u Simonija
Bħalma rajna s’issa, l-uffiċċju pastorali sar ħaġa waħda mal-politika. Iktar minn hekk, l-għadd kbir taʼ membri tal-kleru u l-attivitajiet reliġjużi tagħhom kienu jeħtieġu somom kbar taʼ flus. Il-biċċa l-kbira tal-kleru li kellhom pożizzjoni għolja kienu jgħixu fil-lussu. Hekk kif il-knisja kompliet iżżid fil-poter u l-għana tagħha, il-faqar u l-qdusija taʼ l-appostli għebu. Xi qassisin u isqfijiet xtraw il-ħatra tagħhom. Is-simonija kienet komuni sa l-ogħla pożizzjonijiet tal-ġerarkija. Xi membri tal-kleru, appoġġati minn individwi għonja u persważivi, kienu jmorru quddiem l-imperatur u jagħmlu l-almu tagħhom biex jiksbu pożizzjoni ekkleżjastika.
It-tixħim kien ukoll mezz li bih jiġu influwenzati mexxejja reliġjużi taʼ pożizzjoni għolja. Wara li l-Imperatriċi Zoe (ċ. 978-1050 E.K.) rat kif għamlet biex jinqatel żewġha Rumanu III, għax riedet tiżżewweġ lill-ħabib tagħha li wara sar l-Imperatur Mikiel IV, sejħet malajr malajr lill-Patrijarka Alessju biex imur il-palazz. Hemmhekk, il-patrijarka sar jaf bil-mewt taʼ Rumanu u biċ-ċerimonja taż-żwieġ li kien mistenni jagħmel. Il-fatt li dak in-nhar fil-għaxija l-knisja kienet se tiċċelebra l-Ġimgħa l-Kbira ħoloq daqsxejn taʼ problema għal Alessju. Madankollu, hu aċċetta r-rigali ġenerużi li offrietlu l-imperatriċi u għamel kif talbitu.
Taħt l-Awtorità taʼ l-Imperatur
Kultant, matul l-istorja taʼ l-Imperu Biżantin, l-imperatur kien juża d-dritt attwali tiegħu li jaħtar lil min jidhirlu hu meta kien jiġi biex jagħżel il-patrijarka taʼ Kostantinopli. Matul perijodi bħal dawn, ħadd ma setaʼ jsir patrijarka kontra r-rieda taʼ l-imperatur jew iżomm dik il-pożizzjoni għal żmien twil.
L-Imperatur Androniku II (1260-1332) kellu jbiddel il-patrijarka disaʼ darbiet. Fil-biċċa l-kbira tal-każi, l-objettiv kien li fuq is-siġġu tal-patrijarka jkun hemm l-iktar kandidat li jkun lest li jċedi. Skond il-ktieb The Byzantines, ċertu patrijarka saħansitra wiegħed bil-miktub lill-imperatur “li jagħmel dak kollu li jitlob minnu, ikun kemm ikun kontra l-liġi, u jżomm lura milli jagħmel xi ħaġa li setgħet iddejqu.” L-imperaturi pprovaw darbtejn jimponu r-rieda tagħhom fuq il-knisja billi kkonsagraw bħala patrijarka prinċep mill-familja rjali. L-Imperatur Rumanu I poġġa fil-kariga taʼ patrijarka lil ibnu Teofilat, sempliċi tifel taʼ 16-il sena.
Meta l-patrijarka kien jonqos li jogħġob lill-imperatur, is-sovran setaʼ jġagħlu jinżel mill-kariga tiegħu jew inkella jlaqqaʼ sinodu biex ineħħih min-nofs. Il-ktieb Byzantium jagħmel din l-osservazzjoni: ‘Matul l-istorja tal-Biżantini, l-awtoritajiet għoljin u saħansitra l-influwenza diretta taʼ l-Imperatur beda jkollhom sehem dejjem iktar dominanti fl-għażla taʼ l-isqfijiet.’
L-imperatur, bil-patrijarka maġenbu, kien ukoll jippresiedi f’konċilji ekkleżjastiċi. Hu kien imexxi d-dibattiti, joħroġ b’xi artikli tal-fidi, u jargumenta maʼ l-isqfijiet kif ukoll maʼ l-eretiċi, li għalihom l-aħħar kelma li kellu kienet li jorbtuhom m’arblu u jaħarquhom. L-imperatur kien ukoll jikkonferma u jimplimenta l-kanoni li kienu jiġu adottati mill-konċilju. Hu kien jakkuża lil dawk li kienu jiħduha kontrih mhux biss bi tradiment imma wkoll bħala li kienu għedewwa tal-knisja u t’Alla. “Fil-Knisja ma jrid isir xejn li jkun kontra r-rieda u l-ordnijiet taʼ l-Imperatur,” qal patrijarka li kien jgħix fis-sitt seklu. Ġeneralment, l-isqfijiet li kienu jkunu maʼ l-imperatur—irġiel sofistikati, flessibbli, u li malajr jiġu influwenzati b’daqsxejn żegħil u tixħim—ftit li xejn kienu jipprotestaw, l-istess bħal dak taʼ fuqhom.
Per eżempju, meta l-Patrijarka Injazju (ċ 799-878 E.K.) rrifjuta li jqarben lill-Prim Ministru Barda, il-ministru ħadha kontrih. Barda akkuża lil Injazju li kien imdaħħal f’intriċċ u tradiment. Il-patrijarka ġie arrestat u eżiljat. Minfloku, il-ministru ħabrek biex itellaʼ lil Fozju, raġel li ma kellu x’jaqsam xejn mal-knisja u li f’sitt ijiem telaʼ l-iskaluni kollha taʼ l-ordni ekkleżjastiku sa ma spiċċa fil-pożizzjoni taʼ patrijarka. Kellu Fozju l-kwalifiki għal din il-pożizzjoni? Hu ġie deskritt bħala raġel “t’ambizzjoni assoluta, arroganza straordinarja, u kapaċità politika li ma bħalha.”
Domma f’Idejn il-Politiċi
Id-dibattiti fuq l-ortodossija u l-ereżija taʼ spiss kienu jaħbu oppożizzjoni politika, u ħafna imperaturi kienu iktar influwenzati minn xi fattur politiku milli minn xi xewqa biex jintroduċu duttrina ġdida. B’mod ġenerali, l-imperatur kellu d-dritt li joħroġ xi domma u jesiġi li l-knisja tobdi r-rieda tiegħu.
Per eżempju, l-Imperatur Erakliju (575-641 E.K.) ħadem kemm felaħ biex jipprova jfejjaq il-firda li kien hemm rigward in-natura taʼ Kristu, speċjalment għax din kienet qed thedded li tifred l-imperu tiegħu li kien diġà dgħajjef u bla saħħa. Hu pprova jagħmel kompromess billi introduċa duttrina ġdida msejħa Monoteliżmu.a Imbagħad, biex ikun ċert mil-lealtà min-naħa tal-provinċji fin-nofsinhar taʼ l-imperu tiegħu, Erakliju għażel patrijarka taʼ Lixandra ġdid, Ċiru taʼ Fasi, li approva d-duttrina appoġġata mill-imperatur. L-imperatur mhux biss għamel lil Ċiru patrijarka imma għamlu wkoll prefett taʼ l-Eġittu, b’awtorità fuq il-ħakkiema tal-post. B’daqsxejn taʼ persekuzzjoni u pressjoni, Ċiru rnexxielu jikseb il-kunsens tal-biċċa l-kbira tal-knisja Eġizzjana.
Ħsad Qares
Kif setgħu dawn l-iżviluppi u l-ġrajjiet jirriflettu l-kliem u l-ispirtu tat-talba li għamel Ġesù, li fiha talab biex is-segwaċi tiegħu ma jkunux “tad-dinja”?—Ġwann 17:14-16.
L-hekk imsejħa mexxejja Kristjani fi żmien il-Biżantini u wara, kellhom iħallsu qares għall-indħil tagħhom fil-kwistjonijiet politiċi u militari tad-dinja. X’tikkonkludi minn dan ir-rakkont storiku li kkunsidrajna fil-qosor? Kisbuh il-mexxejja tal-Knisja Biżantina l-favur t’Alla u taʼ Ġesù Kristu?—Ġakbu 4:4.
Il-Kristjanità vera ma bbenefikat xejn minn dawn il-mexxejja reliġjużi ambizzjużi u mir-relazzjonijiet politiċi tagħhom. Din it-taħlita taʼ reliġjon u politika mhux biss kienet nieqsa mill-qdusija imma wkoll irrappreżentat ħażin lir-reliġjon pura li għallem Ġesù. Jalla nitgħallmu mill-istorja u ma nkunu ebda parti mid-dinja.
[Nota taʼ taħt]
a Il-monoteliżmu jsostni li għalkemm Kristu għandu n-natura t’Alla kif ukoll dik taʼ bniedem, hu għandu rieda waħda.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 10]
“DONNU XI ALLA JIPPASSIĠĠA FIS-SMEWWIET”
Il-ġrajjiet marbutin mal-Patrijarka Mikiel Ċerularju (ċ. 1000-1059) huma tipiċi taʼ l-irwol li kellu l-kap tal-knisja fl-affarijiet taʼ l-Istat u l-ambizzjonijiet involuti. Wara li sar patrijarka, Ċerularju beda jimmira għal pożizzjoni iktar għolja. Hu ġie deskritt bħala li kien arroganti, prużuntuż, u iebes—“bl-imġiba tiegħu kien qisu xi alla jippassiġġa fis-smewwiet.”
Minħabba l-kilba li kellu għall-poter, Ċerularju ħoloq il-firda mal-papa f’Ruma fl-1054, u ġagħal lill-imperatur jaċċetta din id-diviżjoni. Ferħan bir-rebħa tiegħu, Ċerularju rranġa biex ipoġġi lil Mikiel VI fuq it-tron u għenu jsaħħaħ il-poter tiegħu. Sena wara, Ċerularju ġagħal lil dan l-imperatur jirriżenja u minfloku poġġa fuq it-tron lil Iżakk Komnenu (ċ. 1005-1061).
Il-konflitt bejn il-patrijarkat u l-imperu kompla jiħrax. Ċerularju—ċert mill-appoġġ tal-pubbliku—hedded, esiġa, u beda juża l-vjolenza. Kittieb taʼ l-istorja li kien jgħix f’dak iż-żmien innota: “Hu bassar il-waqgħa taʼ l-Imperatur b’lingwaġġ komuni u vulgari, billi qal, ‘Jien tellajtek, ja imbeċilli; imma jien inkissrek.’” Madankollu, Iżakk Komnenu arrestah, tefgħu l-ħabs, u eżiljah f’Imbros.
Dawn l-eżempji juru kemm il-patrijarka taʼ Kostantinopli setaʼ joħloq inkwiet u kemm setaʼ jirreżisti l-imperatur bla biżaʼ. L-imperatur taʼ sikwit kellu jħabbat wiċċu maʼ rġiel bħal dawn, li kienu politikanti abbli, kapaċi jisfidaw mhux biss ’l-imperatur imma wkoll l-eżerċtu.
[Mappa/Stampa f’paġna 9]
(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)
Sa Fejn Kien Mifrux L-Imperu Biżantin
Ravenna
Ruma
MAĊEDONJA
Kostantinopli
Il-Baħar l-Iswed
Niċea
Efesu
Antijokja
Ġerusalemm
Lixandra
Il-Baħar Mediterran
[Sors]
Mappa: Mountain High Maps® Copyright © 1997 Digital Wisdom, Inc.
[Stampi f’paġna 10]
Komnenu
Rumanu III (fuq ix-xellug)
Mikiel IV
L-Imperatriċi Zoe
Rumanu I (fuq ix-xellug)
[Sorsi]
Komnenu, Rumanu III, u Mikiel IV: Bil-korteżija tal-Classical Numismatic Group, Inc.; L-Imperatriċi Zoe: Hagia Sophia; Rumanu I: Ritratt bil-korteżija taʼ Harlan J. Berk, Ltd.
[Stampa f’paġna 12]
Fozju
[Stampa f’paġna 12]
Erakliju u ibnu
[Sorsi]
Erakliju u ibnu: Ritratt bil-korteżija taʼ Harlan J. Berk, Ltd.; l-elementi kollha tad-disinn, paġni 8-12: Mill-ktieb L’Art Byzantin III Ravenne Et Pompose