Għandu l-Kleru Jippriedka l-Politika?
“IL-PARTEĊIPAZZJONI fil-politika tistaʼ tgħin lill-foqra, qal arċisqof Kanadiż lil xi pellegrini . . . Anki jekk is-sistema politika tidher li mhix fi qbil mar-rieda t’Alla, ‘jeħtieġ li nieħdu sehem sabiex inkunu nistgħu nġibu ġustizzja għall-foqra.’”—Catholic News.
Rapporti taʼ mexxejja reliġjużi prominenti li jitkellmu favur il-parteċipazzjoni fil-politika huma komuni; u m’hijiex xi ħaġa rari li mexxejja reliġjużi jkollhom kariga politika. Xi wħud ipprovaw inaddfu l-politika. Oħrajn huma ammirati u mfakkrin għall-kampanji tagħhom fuq kwistjonijiet bħall-ugwaljanza razzjali u l-qerda tal-jasar.
Minkejja dan, ħafna lajċi jħossuhom skomdi meta l-predikaturi tagħhom iżommu maʼ xi naħa jew oħra fi kwistjonijiet politiċi. “Dawk li xi drabi wrew dubji dwar l-attività tal-kleru tagħhom fil-politika kienu wħud li jattendu l-Knisja Evanġelika,” qal artiklu fil-Christian Century fuq it-teoloġija politika. Ħafna nies reliġjużi jħossu li l-knisja hija post sagru wisq għall-politika.
Dan iqajjem xi mistoqsijiet interessanti li jikkonċernaw lil dawk kollha li jixtiequ jaraw dinja aħjar. Jistgħu l-predikaturi tal-Kristjanità jnaddfu l-politika?a Huwa l-ippridkar tal-politika l-mod li Alla qed juża biex iġib gvern u dinja aħjar? Bdiet il-Kristjanità bħala mod ġdid kif tiġi prattikata l-politika?
Kif Bdiet il-Politika f’Isem Kristu
Fil-ktieb The Early Church, l-istorjografu Henry Chadwick jgħid li l-kongregazzjoni Kristjana tal-bidu kienet magħrufa għall-“indifferenza lejn il-pussess tal-poter f’din id-dinja.” Kienet “komunità li ma tiħux sehem fil-politika, li ma taqlax inkwiet, u kienet paċifista.” A History of Christianity jgħid: “Kien hemm ħafna fost il-Kristjani li kienu konvinti li ħadd mill-membri tagħhom m’għandu jkollu kariga politika . . . Saħansitra fil-bidu tat-tielet seklu, Ippolitu qal li skond l-istorja kienet id-drawwa tal-Kristjani li maġistrat ċiviku jirriżenja mill-kariga tiegħu jekk ried jingħaqad mal-Knisja.” Però, bil-mod il-mod irġiel li kienu jixxennqu għall-poter bdew jieħdu t-tmexxija f’ħafna kongregazzjonijiet u taw lilhom infushom titli impressjonanti. (Atti 20:29, 30) Xi wħud xtaqu jkunu kemm mexxejja reliġjużi u kemm politikanti. Bidla f’daqqa fil-gvern taʼ Ruma tat lil dawn il-membri tal-kleru l-opportunità li riedu.
Fis-sena 312 E.K., l-Imperatur Ruman Kostantinu, li kien pagan, beda jħares b’mod favorevoli lejn il-Kristjanità taʼ l-isem. Ħaġa taʼ l-iskantament, l-isqfijiet tal-knisja kienu lesti jagħmlu kompromess maʼ l-imperatur pagan biex jagħtihom il-privileġġi. “Il-Knisja bdiet tinvolvi ruħha iktar u iktar f’deċiżjonijiet politiċi importanti,” kiteb Henry Chadwick. X’effett kellha l-parteċipazzjoni fil-politika fuq il-mexxejja reliġjużi?
Kif il-Politika Effettwat lill-Predikaturi
L-idea li Alla kien se juża membri tal-kleru bħala politikanti ġiet imħeġġa speċjalment minn Wistin, teologu Kattoliku taʼ influwenza kbira li kien jgħix fil-ħames seklu. Hu immaġina l-knisja taħkem fuq il-ġnus u ġġib il-paċi għall-umanità. Imma l-istorjografu H. G. Wells kiteb: “L-istorja taʼ l-Ewropa mill-ħames sal-ħmistax-il seklu hi fil-parti l-kbira l-istorja taʼ kif falliet din l-idea grandjuża li jkun hemm gvern divin dinji.” Il-Kristjaneżmu lanqas għall-Ewropa ma ġab paċi, aħseb u ara għad-dinja kollha. Ħafna tilfu l-fiduċja tagħhom f’dik li kienet meqjusa bħala l-Kristjanità. X’mar ħażin?
Ħafna li kienu jgħidu li jippridkaw il-Kristjanità nġibdu fil-politika b’intenzjonijiet tajbin, imma mbagħad sabu lilhom infushom jipparteċipaw fil-ħażen. Martin Luteru, predikatur u traduttur tal-Bibbja, hu famuż għall-isforzi tiegħu biex jagħmel riforma fil-Knisja Kattolika. Madankollu, il-waqfa qalbiena tiegħu kontra d-duttrini tal-knisja għamlitu popolari maʼ dawk li kellhom motivi politiċi biex jirribellaw. Luteru tilef ir-rispett taʼ ħafna meta hu wkoll beda jagħti l-opinjoni tiegħu dwar kwistjonijiet politiċi. Għall-ewwel żamm mar-raħħala li kienu qed jirribellaw kontra n-nobbli oppressivi. Imbagħad, meta r-ribelljoni saret vjolenti, hu inkuraġġixxa lin-nobbli biex jeqirdu r-ribelljoni, u hekk għamlu billi qatlu eluf brutalment. Mhix ħaġa taʼ l-iskantament li r-raħħala kkunsidrawh bħala traditur. Luteru ħeġġeġ ukoll lin-nobbli fir-ribelljoni tagħhom stess kontra l-imperatur Kattoliku. Fil-fatt, il-Protestanti, kif bdew jissejħu s-segwaċi taʼ Luteru, ifformaw moviment politiku mill-bidu. Il-poter kif effettwah lil Luteru? Għamlu bniedem korrott. Per eżempju, għalkemm hu għall-ewwel oppona lil dawk li kienu jisforzaw lil min ma kienx jaqbel maʼ l-ideat reliġjużi tagħhom, iktar tard inkuraġġixxa lill-politikanti ħbiebu biex jaħarqu ħajjin lil dawk li opponew il-magħmudija tat-trabi.
Ġwanni Kalvinu kien membru tal-kleru famuż f’Ġinevra, imma kellu wkoll influwenza politika kbira. Meta Mikiel Servetu wera li t-Trinità m’għandhiex bażi Skritturali, Kalvinu uża l-influwenza politika tiegħu biex jappoġġa l-qtil taʼ Servetu, li ġie maħruq ħaj maʼ zokk. Kemm tbiegħdu bl-ikrah mit-tagħlim taʼ Ġesù!
Forsi dawn l-irġiel insew dak li tgħid il-Bibbja fl-1 Ġwanni 5:19: “Id-dinja kollha qiegħda taħt idejn il-Ħażin.” Kienet ix-xewqa sinċiera tagħhom li jnaddfu l-politika taʼ żmienhom, jew kien il-prospett li jkollhom il-poter u ħbieb f’pożizzjonijiet għoljin li ħajjarhom? Kien x’kien il-każ, kien messhom ftakru fil-kliem ispirat taʼ Ġakbu, dixxiplu taʼ Ġesù: “Ma tafux li l-ħbiberija mad-dinja hija l-għadu taʼ Alla? Min mela jrid isir ħabib tad-dinja huwa għadu taʼ Alla.” (Ġakbu 4:4) Ġakbu kien jaf li, dwar is-segwaċi tiegħu, Ġesù kien qal: “Huma m’humiex tad-dinja, kif jiena m’iniex tad-dinja.”—Ġwanni 17:14.
Minkejja dan, waqt li jirrikonoxxu li l-Kristjani m’għandhom ikunu ebda parti mill-ħażen tad-dinja, ħafna joġġezzjonaw li jkunu newtrali politikament, verament ‘mhux tad-dinja.’ Huma jsostnu li newtralità bħal din iżżomm lill-Kristjani milli juru mħabba għal oħrajn b’mod attiv. Huma jemmnu li l-mexxejja tal-knisja għandhom jagħtu l-opinjoni tagħhom u jieħdu sehem biex jikkumbattu l-korruzzjoni u l-inġustizzja. Imma n-newtralità li għallem Ġesù veru ttellef lil dak li jkun milli juri interess attiv f’oħrajn? Jistaʼ Kristjan jibqaʼ separat minn kwistjonijiet politiċi li jġibu l-firda u fl-istess ħin jipprovdi għajnuna prattika għal oħrajn? L-artiklu li jmiss se jwieġeb dawn il-mistoqsijiet.
[Nota taʼ taħt]
a Il-politika ġiet imfissra bħala “l-attivitajiet assoċjati mat-tmexxija taʼ pajjiż jew post, speċjalment id-dibattiti jew il-konflitt bejn l-individwi jew il-partiti li għandhom il-poter jew qed jittamaw li jakkwistawh.”—The New Oxford Dictionary of English.
[Stampa f’paġna 4]
Mexxejja reliġjużi għamlu kompromess maʼ ħakkiema bħall-Imperatur Kostantinu, biex jieħdu l-poter politiku
[Sors]
Musée du Louvre, Paris
[Stampi f’paġna 5]
Mexxejja reliġjużi magħrufin għala nġibdu lejn il-politika?
Wistin
Luteru
Kalvinu
[Sorsi]
Wistin: Ritratt ICCD; Kalvinu: Ritratt minn Holbein, mill-ktieb The History of Protestantism (Vol. II)