Qiegħda n-Newtralità Ttellef l-Imħabba Kristjana?
SABIEX tkun Kristjan jirrikjedi iktar milli sempliċement taqra l-Bibbja, titlob, u tkanta għanjiet nhar taʼ Ħadd. Jirrikjedi li tagħmel affarijiet kemm għal Alla u kemm għall-bnedmin. Il-Bibbja tgħid: “Ma nħobbux bil-kliem u t-tpaċpiċ, imma bl-għemil u bis-sewwa.” (1 Ġwanni 3:18) Ġesù kellu interess ġenwin f’oħrajn, u l-Kristjani jridu jimitaw lilu. L-appostlu Pawlu ħeġġeġ lil sħabu fit-twemmin biex dejjem ikollhom ħafna x’jagħmlu “fil-ħidma tal-Mulej.” (1 Korintin 15:58) Imma x’inhi din il-ħidma, jew ix-xogħol, tal-Mulej? Ifisser dan li tipprova tbiddel il-politika tal-gvern għall-benefiċċju tal-foqra u l-imgħakksin? Ġesù hekk għamel?
Għalkemm Ġesù ġie mħeġġeġ biex jindaħal fi kwistjonijiet politiċi jew iżomm maʼ xi naħa jew oħra, hu rrifjuta li jagħmel dan. Hu rrifjuta meta Satana offrielu l-poter fuq is-saltniet kollha tad-dinja, irrifjuta li jidħol f’argument dwar il-ħlas tat-taxxa, u warrab meta n-nies ipprovaw jagħmluh sultan. (Mattew 4:8-10; 22:17-21; Ġwanni 6:15) Imma n-newtralità tiegħu ma waqqfitux milli jaħdem għall-benefiċċju t’oħrajn.
Ġesù kkonċentra fuq dak li setaʼ jġib benefiċċji dejjiema għal oħrajn. Meta pprovda ikel għal ħamest elef ruħ u fejjaq il-morda ġab serħan temporanju għal xi wħud, imma t-tagħlim tiegħu pprovda barkiet dejjiema għall-umanità kollha. Ġesù sar magħruf sempliċement bħala “l-Għalliem,” u mhux bħala wieħed li jorganizza kampanji t’għajnuna. (Mattew 26:18, NW; Mark 5:35, NW; Ġwanni 11:28, NW) Hu qal: “Jien għalhekk twelidt, u għalhekk ġejt fid-dinja, biex nixhed għall-verità.”—Ġwanni 18:37.
Nippridkaw Xi Ħaġa Aħjar mill-Politika
Il-verità li għallem Ġesù ma kinitx teorija politika. Għall-kuntrarju, kienet ċentrata fuq is-Saltna li tagħha hu nnifsu kien se jkun is-Sultan. (Luqa 4:43) Din is-Saltna hija gvern fis-smewwiet, u se tieħu post l-amministrazzjonijiet umani kollha u ġġib paċi dejjiema għall-umanità. (Isaija 9:5, 6 [9:6, 7, NW]; 11:9; Danjel 2:44) Għalhekk, hija l-unika tama vera għall-umanità. M’hijiex iktar turija taʼ mħabba li tiddikjara din it-tama żgura għall-futur minflok ma tinkuraġġixxi lin-nies jafdaw fil-bnedmin biex jipprovdu futur fiż-żgur? Il-Bibbja tgħid: “La tittamawx fil-kbarat, għax il-bniedem ma jsalvakomx. Malli toħroġ ruħu, lejn l-art jerġaʼ jmur; jintemmu dakinhar ħsibijietu. Hieni min f’Alla taʼ Ġakobb isib l-għajnuna tiegħu, min għandu t-tama fil-Mulej, Alla tiegħu.” (Salm 146:3-5) Għalhekk, minflok ma bagħat lid-dixxipli tiegħu biex jippridkaw dwar mod aħjar kif jorganizzaw il-gvernijiet, Ġesù għallimhom jippridkaw l-aħbar tajba jew “l-Evanġelju tas-Saltna.”—Mattew 10:6, 7; 24:14.
Għalhekk, din hi “l-ħidma tal-Mulej” li predikaturi Kristjani huma kmandati jagħmlu. Minħabba li s-sudditi tas-Saltna t’Alla għandhom iħobbu lil xulxin, is-Saltna se jirnexxilha telimina l-faqar billi tqassam ir-riżorsi taʼ l-umanità b’mod bilanċjat. (Salm 72:8, 12, 13) Din hija aħbar tajba u żgur taʼ min jippridkaha.
Illum, ix-Xhieda taʼ Jehovah huma organizzati għal din “il-ħidma tal-Mulej” f’235 pajjiż. Fi qbil mal-kmand taʼ Ġesù, huma jirrispettaw il-gvernijiet kollha. (Mattew 22:21) Imma huma jħarsu wkoll dan il-kliem li ta lis-segwaċi tiegħu: “M’intomx tad-dinja, għax jien ħriġtkom mid-dinja.”—Ġwanni 15:19.
Xi wħud li qabel kienu jippridkaw il-politika nbidlu wara li għamlu studju bir-reqqa tal-Bibbja. Politikant Taljan li kien membru taʼ l-Azzjoni Kattolika, organizzazzjoni kontrollata mill-knisja, qal: “Jien bdejt nieħu sehem fil-politika għax ħassejt li individwu għandu jikkontribwixxi b’mod attiv għall-iżvilupp politiku u soċjali tas-soċjetà.” Wara li rriżenja minn sindku taʼ belt sabiex jippriedka s-Saltna t’Alla bħala wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah, hu spjega għala l-isforzi taʼ nies sinċieri fil-politika jfallu. “Id-dinja hi dik li hi, mhux għax nies deċenti ma pprovawx itejbu l-kundizzjonijiet soċjali, imma, pjuttost, għax l-isforzi sinċieri tal-ftit ġew megħlubin mill-ħażen tal-ħafna.”
Minkejja li l-Kristjani veri ma jinvolvux ruħhom fil-politika sabiex jippridkaw l-unika tama vera għall-umanità, dan ma jżommhomx milli jgħinu lil oħrajn b’modi prattiċi. Il-Kristjani jgħinu lin-nies isiru sudditi tas-Saltna t’Alla u dawn min-naħa tagħhom jitgħallmu jbiddlu attitudnijiet distruttivi, jirrispettaw l-awtoritajiet, itejbu l-ħajja tal-familja, u jkollhom ħarsa bilanċjata tal-ġid materjali. Saħansitra iktar importanti, ix-Xhieda taʼ Jehovah jgħinu lin-nies igawdu relazzjoni intima m’Alla.
Il-predikaturi tas-Saltna t’Alla jagħmlu l-ġid lis-soċjetà li jgħixu fiha. Imma iktar minn dan, huma jidderieġu lin-nies biex ipoġġu l-fiduċja tagħhom fi gvern li huwa veru u li se jġib paċi dejjiema għal dawk kollha li jħobbu lil Alla. Bħala riżultat tan-newtralità tagħhom, dawn il-Kristjani huma ħielsa biex jipprovdu l-iktar għajnuna dejjiema u prattika li tistaʼ tinkiseb illum.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 7]
Minn Politikant għal Xandâr tas-Saltna t’Alla
Meta kien tifel, Átila tgħallem it-teoloġija tal-liberazzjoni mill-kappillan tiegħu f’Belém, il-Brażil. Hu kien jieħu pjaċir jismaʼ li l-umanità eventwalment se tinħeles mill-moħqrija u ngħaqad maʼ komunità attivista, fejn tgħallem jorganizza marċi taʼ protesta u kampanji taʼ diżubbidjenza ċivili.
Imma Átila kien jieħu pjaċir ukoll jgħallem lit-tfal f’din il-komunità minn ktieb li xi ħadd kien tah, Listening to the Great Teacher.a Dan il-ktieb kien jitkellem dwar kondotta tajba u ubbidjenza lejn l-awtoritajiet. Dan ġiegħel lil Átila jaħseb għala dawk li jappoġġaw it-teoloġija tal-liberazzjoni ma jsegwux il-livelli morali għoljin taʼ Ġesù u għala xi wħud jinsewhom lin-nies maħqurin meta jieħdu l-poter. Hu ma baqax jipparteċipa f’attivitajiet tal-komunità. Iktar tard, ix-Xhieda taʼ Jehovah ħabbtulu l-bieb u tkellmu miegħu dwar is-Saltna t’Alla. Ma damx ma beda jistudja l-Bibbja u jitgħallem dwar ir-rimedju veru għall-moħqrija taʼ l-umanità.
Meta kien qed jistudja l-Bibbja, Átila attenda seminar Kattoliku fuq il-fidi u l-politika. “Dawn huma żewġ modi taʼ kif tħares lejn l-istess sitwazzjoni,” spjegaw dawk li kienu qed jgħallmu. Attenda wkoll laqgħa fis-Sala tas-Saltna. X’differenza! Per eżempju, ma kien hemm ħadd ipejjep, jixrob l-alkoħol, jew jgħid ċajt oxxen. Hu ddeċieda li jingħaqad magħhom fix-xogħol taʼ l-ippridkar, u wara ftit taż-żmien tgħammed. Issa jistaʼ jara għala t-teoloġija tal-liberazzjoni mhix is-soluzzjoni vera għall-problemi tal-foqra.
[Nota taʼ taħt]
a Pubblikat mix-Xhieda taʼ Jehovah.
[Stampi f’paġna 6]
In-newtralità taʼ ministri Kristjani ma żżommhomx milli jgħinu lil oħrajn