Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Kellha effett ħażin l-imperfezzjoni tat-tfajla verġni Marija fuq it-tnissil taʼ Ġesù?
Rigward “it-tnissil taʼ Ġesù,” il-kliem ispirat jgħid: “Ommu Marija, wara li tgħarrset maʼ Ġużeppi, qabel ma marru joqogħdu flimkien, saret omm bil-ħidma taʼ l-Ispirtu s-Santu.” (Mattew 1:18) Tabilħaqq, l-ispirtu qaddis t’Alla kellu rwol importanti fit-tqala taʼ Marija.
Iżda, xi ngħidu dwar Marija? Kienet involuta l-bajda, jew l-ovum, tagħha biex hi tkun tistaʼ tinqabad tqila? Skond il-wegħdi li Alla għamel maʼ Abraham, Iżakk, Ġakobb, Ġuda, u s-Sultan David—l-antenati taʼ Marija—it-tifel imwieled kellu jkun id-dixxendent tagħhom fil-veru sens tal-kelma. (Ġenesi 22:18; 26:24; 28:10-14; 49:10; 2 Samwel 7:16) Inkella, kif setaʼ t-tifel li twieled lil Marija jkun werriet bi dritt taʼ dawn il-wegħdi divini? Hu kellu jkun l-iben tagħha fil-veru sens tal-kelma.—Luqa 3:23-34.
L-anġlu taʼ Jehovah kien deher lit-tfajla verġni Marija u qalilha: “Tibżax, Marija, għax inti sibt grazzja quddiem Alla. Ara, inti se tnissel fil-ġuf u jkollok iben u ssemmih Ġesù.” (Luqa 1:30, 31) It-tnissil jeħtieġ li bajda ssir fertili. Mid-dehra, Alla Jehovah ġiegħel bajda fil-ġuf taʼ Marija ssir fertili, u dan għamlu billi ttrasferixxa l-ħajja taʼ l-Iben uniġenitu tiegħu mill-qasam taʼ l-ispirti għal fuq l-art.—Galatin 4:4.
Jistaʼ jkun li tifel imnissel b’dan il-mod minn mara imperfetta jkun perfett u meħlus mid-dnub fl-organiżmu fiżiku tiegħu? Kif jaħdmu l-liġijiet taʼ l-eredità meta tingħaqad il-perfezzjoni maʼ l-imperfezzjoni? Ftakar li ġie użat l-ispirtu qaddis biex jittrasferixxi l-forza tal-ħajja perfetta taʼ l-Iben t’Alla u biex jikkaġuna t-tnissil. Dan ikkanċella kwalunkwe imperfezzjoni li kien hemm fil-bajda taʼ Marija, u b’hekk seħħ mudell ġenetiku li kien perfett mill-bidunett.
Minkejja dan, nistgħu nkunu ċerti li l-ħidma taʼ l-ispirtu qaddis t’Alla f’dak iż-żmien iggarantiet is-suċċess taʼ l-iskop t’Alla. L-anġlu Gabrijel spjega lil Marija: “L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek, u l-qawwa taʼ l-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek. U għalhekk dak li jitwieled minnek ikun qaddis, u jissejjaħ Bin Alla.” (Luqa 1:35) Iva, l-ispirtu qaddis t’Alla fforma bħal ħajt taʼ protezzjoni sabiex l-ebda imperfezzjoni jew effett taʼ ħsara ma jħassar l-iżvilupp taʼ l-embriju sa minn mindu ġie mnissel.
B’mod ċar, il-ħajja umana perfetta tiegħu, Ġesù kien jafha lil Missieru tas-sema, u mhux lil xi bniedem. Jehovah ‘ħejja ġisem’ għalih, u Ġesù—mit-tnissil tiegħu ’il quddiem—kien tassew “safi, maqtugħ mill-midinbin.”—Lhud 7:26; 10:5.
[Stampa f’paġna 19]
“Inti se tnissel fil-ġuf u jkollok iben”