Proklamaturi tas-Saltna Jirrapportaw
“Ridt Naqdi lil Alla”
“OĦORĠU minnha, poplu tiegħi.” Din kienet għajta anġelika li semaʼ l-appostlu Ġwanni fl-ewwel seklu E.K. Fi żmienna, miljuni taʼ nies b’qalb onesta ħadu azzjoni u ħarbu minn “Babilonja l-Kbira,” l-imperu dinji taʼ reliġjon falza. (Apokalissi 18:1-4) Fosthom hemm Wilner, mill-Ħaiti, li jirrakkonta l-esperjenza tiegħu.
“Twelidt fl-1956 ġewwa familja Kattolika devota f’belt żgħira jisimha St. Marc, fil-Ħaiti. Tistaʼ timmaġina kemm ferħu tal-familja meta, flimkien maʼ tnejn oħra mill-belt tagħna, intgħażilt biex nattendi s-seminarju f’St. Michel de l’Atalaye, fil-Ħaiti. Iktar tard, fl-1980, bagħtuna Stavelot, il-Belġju, għal iktar taħriġ. Hemmhekk attendejna wkoll università Kattolika.
“Għall-ewwel kelli entużjażmu kbir biex insir saċerdot. Ġurnata minnhom, fil-kamra taʼ l-ikel, il-qassis li kien jieħu ħsieb il-grupp tagħna qalli biex nistenna għal ftit minuti għax ried ikellimni. Immaġina kif ħasadni meta qalli bla tlaqliq li kien miġbud lejja sesswalment! Jien irrifjutajt l-avvanzi tiegħu imma dan kollu veru ddiżappuntani. Ktibt lill-familja tiegħi dwar l-inċident u ftit xhur wara tlaqt mis-seminarju, avolja huma ma ridunix nitlaq. Mort noqgħod fir-raħal u qbadt nistudja professjoni differenti.
“Meta erġajt lura f’St. Marc, kont tlift il-fiduċja kollha li kelli fil-Knisja Kattolika. Xorta waħda, ridt naqdi lil Alla, imma ma kontx naf x’kelli nagħmel. Ipprovajt il-knisja Avventista, il-knisja taʼ Ebenezer, u l-knisja tal-Mormoni. Spiritwalment kont mingħajr gwida.
“Imbagħad ftakart li meta kont għadni s-seminarju fil-Belġju, kont naqra l-Bibbja taʼ Crampon. Fiha kont skoprejt li Alla għandu isem. Għalhekk, bdejt nuża l-isem t’Alla u nitlob bil-ħeġġa biex jgħinni nsib ir-reliġjon vera.
“Ftit wara, tnejn mix-Xhieda taʼ Jehovah ġew joqogħdu fil-qrib. Huma kienu nies kwieti, rispettabbli, u dinjitużi. Bqajt impressjonat bil-mod taʼ ħajja tagħhom. Ġurnata fost l-oħrajn, waħda minnhom stidnitni biex nattendi l-Mafkar tal-mewt taʼ Kristu li jsir kull sena. Il-laqgħa kollha tant għoġbitni li rranġajt biex ikolli studju tal-Bibbja regulari max-Xhieda. Fi żmien sitt xhur, ikkonvinċejt ruħi li kont sibt it-triq it-tajba biex naqdi lil Alla. Iddedikajt ħajti lil Jehovah u tgħammidt fl-20 taʼ Novembru, 1988.”
Maż-żmien, Wilner qabad is-servizz full-time. Illum, hu jaqdi bħala anzjan fil-kongregazzjoni. Hu u martu, flimkien maż-żewġ uliedu, jaqdu ferħanin fil-kongregazzjoni.
[Stampa f’paġna 9]
Billi kien jaqra l-Bibbja, Wilner skopra li l-isem t’Alla hu Jehovah