LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g 3/15 pp. 12-13
  • Għala saċerdot biddel ir-​reliġjon tiegħu

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għala saċerdot biddel ir-​reliġjon tiegħu
  • Stenbaħ!—2015
  • Materjal Simili
  • Kif Qtajt l-Għatx Spiritwali Tiegħi
    Stenbaħ!—2003
  • “Ridt Naqdi lil Alla”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
Stenbaħ!—2015
g 3/15 pp. 12-13
Antonio Della Gatta jistudja l-​Bibbja maʼ koppja żagħżugħa

INTERVISTA | ANTONIO DELLA GATTA

Għala saċerdot biddel ir-​reliġjon tiegħu

WARA li studja għal disaʼ snin, Antonio Della Gatta kien ordnat saċerdot fl-​1969. Iktar tard, qeda bħala rettur, jew kap, taʼ seminarju qrib Napli, l-​Italja. Waqt li kien hemm, wara ħafna studju u meditazzjoni, hu kkonkluda li r-​reliġjon Kattolika mhix ibbażata fuq il-​Bibbja. Hu tkellem maʼ Stenbaħ! dwar l-​isforz li għamel biex ifittex lil Alla.

Jekk jogħġbok għidilna dwar tfulitek.

Antonio Della Gatta juri ritratt tiegħu nnifsu bħala saċerdot żagħżugħ

Jiena twelidt l-​Italja fl-​1943. Trabbejt maʼ ħuti bniet u subien f’raħal żgħir fejn missieri kien bidwi u mastrudaxxa. Il-​ġenituri tagħna rabbewna bħala Kattoliċi tajbin.

Għala ridt issir saċerdot?

Bħala tifel, kont inħobb nismaʼ lill-​qassisin fil-​knisja. Kont nissaħħar nismaʼ l-​vuċijiet tagħhom, kif ukoll nara r-​ritwali impressjonanti. Għalhekk, f’qalbi verament ridt insir saċerdot. Meta kelli 13-​il sena, ommi ħaditni ngħix fi skola li kienet tipprepara lis-​subien għal studji iżjed avanzati biex isiru saċerdoti.

It-​taħriġ tiegħek kien jinvolvi studju tal-​Bibbja?

Mhux eżatt. Meta kelli 15-​il sena, wieħed mill-​għalliema tiegħi tani kopja tal-​Evanġelji—ir-​rakkonti storiċi tal-​ħajja u l-​ministeru taʼ Ġesù—u jiena qrajt il-​ktieb diversi drabi. Meta kelli 18-​il sena, mort Ruma biex nistudja fl-​universitajiet pontifikali, li huma direttament taħt l-​awtorità tal-​papa. Studjajt il-​Latin, il-​Grieg, l-​istorja, il-​filosofija, il-​psikoloġija, u t-​teoloġija. Għalkemm konna nitgħallmu bl-​amment u ngħidu b’vuċi għolja xi versi mill-​Bibbja u konna nisimgħu qari mill-​Bibbja fil-​prietki taʼ nhar taʼ Ħadd, ma konniex fil-​fatt nistudjaw il-​Bibbja.

Inti sirt rettur. Dan ifisser li kont tgħallem?

Ix-​xogħol tiegħi kien iżjed amministrattiv. Imma kont ngħallem klassijiet fuq id-​digrieti tal-​Konċilju Vatikan II.

Għala bdejt tiddubita r-​reliġjon li kellek?

Kien hemm tliet affarijiet li kienu jinkwetawni. Il-knisja kienet involuta fil-politika. Il-kondotta ħażina fost il-kleru u l-parruċċani kienet tollerata. U ċertu tagħlim Kattoliku kien jidher li ma kienx tajjeb. Kif, pereżempju, Alla ta’ mħabba jista’ jikkastiga lin-nies għal dejjem wara l-mewt? Ukoll, Alla verament iridna nirripetu t-talb għal mijiet ta’ drabi fir-rużarju?a

X’għamilt?

Bid-​dmugħ iċarċar minn għajnejja, tlabt għal gwida. Ukoll, xtrajt kopja taʼ Bibbja Kattolika, The Jerusalem Bible, li kienet ġiet ippubblikata reċentement bit-​Taljan, u bdejt naqraha. Imbagħad darba l-​Ħadd filgħodu, wara l-​quddiesa, waqt li kont qed indendel il-​libsa tiegħi, żewġt irġiel ġew is-​seminarju. Huma introduċew lilhom infushom miegħi bħala Xhieda taʼ Ġeħova. Tkellimna għal iżjed minn siegħa dwar il-​Bibbja u dak li tgħid dwar il-​karatteristiki li jidentifikaw ir-​reliġjon vera.

X’impressjoni ħadt tal-​viżitaturi?

Ammirajt il-​konvinzjoni tagħhom u kemm kien faċli għalihom li jsibu siltiet minn edizzjoni Kattolika tal-​Bibbja. Iktar tard, Xhud ieħor, jismu Mario, beda jiġi għandi. Hu kien paċenzjuż u leali—kull nhar taʼ Sibt filgħodu, xemx jew xita, kien iċempel il-​qanpiena tas-​seminarju fid-​disgħa.

X’ħasbu s-​saċerdoti l-​oħra dwar dawn iż-​żjajjar?

Stidinthom biex jingħaqdu magħna fid-​diskussjonijiet tagħna, imma ħadd minnhom ma ħa bis-​serjetà l-​istudju tal-​Bibbja. Imma jiena kont nieħu pjaċir. Kont qed nitgħallem affarijiet tal-​għaġeb, pereżempju, għala Alla jippermetti l-​ħażen u s-​sofferenza—xi ħaġa li kienet ilha tħawwadni.

Is-​superjuri tiegħek ipprovaw jaqtgħulek qalbek milli tistudja l-​Bibbja?

Fl-​1975, mort Ruma diversi drabi biex nispjega l-​ħarsa tiegħi. Is-​superjuri tiegħi pprovaw ibiddluli l-​ħsieb tiegħi, imma ħadd minnhom m’uża l-​Bibbja. Finalment, fid-​9 taʼ Jannar 1976, ktibt lill-​Vatikan biex nistqarr li ma kontx għadni nikkunsidra lili nnifsi Kattoliku. Jumejn wara, tlaqt mis-​seminarju u mort bil-​ferrovija biex nattendi l-​ewwel laqgħa tiegħi max-​Xhieda taʼ Ġeħova, li nzertat kienet assemblea li inkludiet diversi kongregazzjonijiet. Kollox kien tant differenti minn dak li kont imdorri bih jien! Kull Xhud kellu Bibbja u segwa mal-​kelliema huma u jiddiskutu suġġetti differenti.

Il-​familja tiegħek x’ħasbu dwar dan kollu?

Ħafna minnhom kienu opponewni bl-​aħrax. Sirt naf, madankollu, li wieħed minn ħuti kien qed jistudja max-​Xhieda fil-​Lombardija, reġjun fit-​Tramuntana tal-​Italja. Mort għandu, u x-​Xhieda t’hemmhekk għenuni nsib xogħol u post fejn ngħix. Iktar tard dik is-​sena, tgħammidt bħala wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

Fl-​aħħar, inħossni verament qrib Alla

Għandek xi dispjaċir?

Lanqas xejn! Fl-​aħħar, inħossni verament qrib Alla, għax dak li naf dwaru hu bbażat fuq il-​Bibbja, mhux fuq il-​filosofija jew it-​tradizzjoni tal-​knisja. U nistaʼ ngħallem lil oħrajn b’konvinzjoni u sinċerità.

a Il-​Bibbja tagħti tweġibiet ċari għal dawn il-​mistoqsijiet u ħafna oħrajn. Ikklikkja fuq TAGĦLIM TAL-​BIBBJA > MISTOQSIJIET DWAR IL-​BIBBJA MWEĠBIN.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja