Igglorifika lil Jehovah Billi Tgħix fi Qbil mal-Ħtiġijiet Tiegħu
“Inkabbru b’għana taʼ radd il-ħajr.”—SALM 69:31 (69:30, NW).
1. (a) Jehovah għala jixraqlu li jiġi glorifikat? (b) Kif nigglorifikawh b’radd il-ħajr?
JEHOVAH hu Alla li jistaʼ kollox, is-Sovran Universali, il-Ħallieq. B’rispett taʼ dan, ismu u l-iskopijiet tiegħu jixirqilhom jiġu glorifikati. Li tigglorifika lil Jehovah ifisser li jkollok l-akbar stima lejh, li tfaħħru u tweġġħu bil-kliem u bl-għemejjel tiegħek. Biex nagħmlu dan ‘b’radd il-ħajr’ hemm bżonn li dejjem inkunu grati għal dak li qed jagħmel magħna issa u għal dak li se jagħmel fil-futur. L-attitudni li għandu jkollna tidher f’Apokalissi 4:11, fejn ħlejjaq spirti leali fis-sema jiddikjaraw: “Jistħoqqlok, Mulej Alla tagħna, li tilqaʼ l-glorja u l-ġieħ u s-setgħa, għax int ħlaqt il-ħlejjaq kollha, u huma kienu u nħolqu bir-rieda tiegħek.” Kif nigglorifikawh lil Jehovah? Billi nitgħallmu dwaru u mbagħad nagħmlu dak li jeħtieġ minna. Għandna nħossuna bħas-salmista meta qal: “Għallimni nagħmel ir-rieda tiegħek, għax int Alla tiegħi.”—Salm 143:10.
2. Kif jistmahom Jehovah lil dawk li jigglorifikawh u lil dawk li ma jigglorifikawhx?
2 Jehovah japprezza lil dawk li jigglorifikawh. Għalhekk “hu jagħti l-ħlas xieraq lil dawk li jfittxuh.” (Lhud 11:6) X’inhu l-ħlas? F’talba lil Missieru tas-sema, Ġesù qal: “Din hi l-ħajja taʼ dejjem, li jagħrfu lilek, Alla waħdek veru, u lil Ġesù Kristu, li inti bgħatt.” (Ġwann 17:3) Iva, dawk li jigglorifikaw lil Jehovah b’radd il-ħajr se “jirtu l-art, u jgħammru fiha għal dejjem.” (Salm 37:29) Mill-banda l-oħra, “il-ħżiena m’għandhomx tama għal li ġej.” (Proverbji 24:20) U f’dawn l-aħħar jiem, il-ħtieġa li nigglorifikaw lil Jehovah hija urġenti għaliex hu dalwaqt se jeqred il-ħżiena u jsalva lit-tajbin. “U d-dinja bil-ġibdiet tagħha tgħaddi, iżda min jagħmel ir-rieda taʼ Alla jibqaʼ għal dejjem.”—1 Ġwann 2:17; Proverbji 2:21, 22.
3. Għala għandna noqogħdu attenti għall-ktieb taʼ Malakija?
3 Ir-rieda taʼ Jehovah insibuha fil-Bibbja, għax “l-Iskrittura kollha hija mnebbħa minn Alla.” (2 Timotju 3:16) Fil-Kelma t’Alla hemm ħafna rakkonti dwar kif Jehovah ibierek lil dawk li jigglorifikawh u x’jiġri lil dawk li ma jigglorifikawhx. Wieħed minn dawn ir-rakkonti jittratta dwar dak li ġara f’Iżrael fi żmien il-profeta Malakija. Għall-ħabta tas-sena 443 Q.E.K., meta Neħemija kien gvernatur taʼ Ġuda, Malakija kiteb il-ktieb li jġorr ismu. Dan il-ktieb b’messaġġ qawwi u eċċitanti fih informazzjoni u profeziji li ‘nkitbu bi twiddiba għalina li fuqna wasal tmiem iż-żminijiet.’ (1 Korintin 10:11) Jekk noqogħdu attenti għall-kliem taʼ Malakija, minnu nistgħu niksbu l-għajnuna biex nippreparaw ruħna għall-jum il-kbir taʼ Jehovah, li se jkun jum tal-biżaʼ, meta hu se jeqred din is-sistema mill-agħar.—Malakija 3:23 (4:5, NW).
4. Liema sitt punti qed jinġibdu għall-attenzjoni tagħna f’Malakija kapitlu 1?
4 Kif jistaʼ l-ktieb taʼ Malakija, miktub iżjed minn 2,400 sena ilu, jgħinna f’dan is-seklu 21 biex nippreparaw ruħna għal dak il-jum il-kbir taʼ Jehovah li se jkun jum tal-biżaʼ? L-ewwel kapitlu jiġbed l-attenzjoni tagħna lejn sitt punti, minn taʼ l-inqas, li huma importanti ferm biex nigglorifikaw lil Jehovah b’radd il-ħajr u sabiex niksbu l-favur tiegħu u l-ħajja taʼ dejjem: (1) Jehovah iħobb lill-poplu tiegħu. (2) Għandna nuru apprezzament lejn l-affarijiet sagri. (3) Jehovah jistenna minna li nagħtuh l-aħjar li nistgħu. (4) Il-qima vera hi mqanqla minn imħabba bla egoiżmu, u mhux mir-regħba. (5) Is-servizz li Alla jaċċetta m’huwiex xi formalità taʼ piż. (6) Kull wieħed minna jrid jagħti kont ’l Alla. Mela, issa, f’dan l-ewwel minn tliet artikli bbażati fuq il-ktieb taʼ Malakija, ejja nikkunsidraw kull wieħed minn dawn il-punti waqt li nagħtu ħarsa mill-qrib lejn Malakija kapitlu 1.
Jehovah Iħobb lill-Poplu Tiegħu
5, 6. (a) Jehovah għala ħabbu lil Ġakobb? (b) Jekk nimitaw il-fedeltà taʼ Ġakobb, x’nistgħu nistennew?
5 L-imħabba taʼ Jehovah tidher ċar mill-ewwel ftit versi taʼ Malakija. Il-ktieb jiftaħ bil-kliem: “Oraklu. Il-kelma tal-Mulej lil Iżrael.” Iktar minn hekk, Alla jgħid: “Ħabbejtkom.” Fl-istess vers, Jehovah jagħti eżempju billi jgħid: “Jien lil Ġakobb ħabbejtu.” Ġakobb kien raġel li wera fidi f’Jehovah. Maż-żmien, Jehovah biddel isem Ġakobb, tah l-isem taʼ Iżrael, u dan sar l-antenat tal-ġens taʼ Iżrael. Ġakobb kien maħbub minn Jehovah għax kien raġel taʼ fidi. Dawk minn fost il-poplu li wrew l-attitudni bħal taʼ Ġakobb lejn Jehovah kienu wkoll maħbubin Minnu.—Malakija 1:1, 2.
6 Jekk aħna nħobbu lil Jehovah u lealment inżommu qrib tal-poplu tiegħu, nistgħu nsibu faraġ fl-istqarrija taʼ l-1 Samwel 12:22: “Żgur li l-Mulej ma jarmix il-poplu tiegħu minħabba l-kobor taʼ ismu.” Jehovah iħobb lill-poplu tiegħu u jippremjah, fl-aħħar mill-aħħar bil-ħajja taʼ dejjem. Għalhekk, naqraw: “Afda fil-Mulej, u agħmel it-tajjeb; għammar fl-art, u tgħix b’moħħok mistrieħ; qiegħed fil-Mulej l-għaxqa tiegħek, u jagħtik dak li tixtieq qalbek.” (Salm 37:3, 4) L-imħabba lejn Jehovah tinvolvi punt ieħor li jinġieb għall-attenzjoni tagħna f’Malakija kapitlu 1.
Uri Apprezzament Lejn l-Affarijiet Sagri
7. Jehovah għala bagħdu lil Għesaw?
7 X’ħin naqraw Malakija 1:2, 3 nsibu li wara li Jehovah jgħid, “Jien lil Ġakobb ħabbejtu,” hu jistqarr, “Imma lil Għesaw bgħadtu.” Għala din id-differenza? Ġakobb igglorifika lil Jehovah, imma Għesaw, ħuh it-tewmi, ma gglorifikahx. Għesaw kien jissejjaħ ukoll Edom. F’Malakija 1:4, il-pajjiż taʼ Edom jissejjaħ “Art il-ħażen,” u l-abitanti tiegħu jiġu kundannati. L-isem Edom (li jfisser “Aħmar”) ngħata lil Għesaw wara li kien biegħ id-dritt prezzjuż tal-primoġenitura tiegħu lil Ġakobb għal daqsxejn soppa ħamra. “Il-primoġenitura Għesaw ma stmaha xejn,” jgħidilna Ġenesi 25:34. L-appostlu Pawlu ħeġġeġ lil sħabu fit-twemmin biex joqogħdu attenti li ħadd fosthom “ma jkun żieni u bla Alla [“ma japprezzax l-affarijiet sagri,” NW] bħal Għesaw li għal ikla waħda biegħ il-jedd tal-kbir fost l-aħwa.”—Lhud 12:14-16.
8. X’ġiegħel lil Pawlu jxebbah lil Għesaw maʼ bniedem żieni?
8 Pawlu għala qabbel l-azzjonijiet taʼ Għesaw maż-żína? Għaliex meta wieħed jaħsibha bħal Għesaw jistaʼ jibda jonqos li japprezza l-affarijiet sagri. Imbagħad, dan jistaʼ jwasslu biex jagħmel xi dnub serju, bħaż-żína. B’hekk, tajjeb li nistaqsu lilna nfusna: ‘Inħossni jien xi kultant ittantat li npartat il-wirt Kristjan tiegħi—il-ħajja taʼ dejjem—maʼ xi ħaġa temporanja bħalma hu platt soppa taʼ l-għads? Qiegħed jien, forsi bla ma nirrealizza, nistmerr l-affarijiet sagri?’ Għesaw kellu xewqa bla sabar li jissodisfa xenqa tal-ġisem. Lil Ġakobb qallu: “[“Isa,” “NW”] ħallini niekol, jekk jogħġbok, minn dan l-ikel ħamrani.” (Ġenesi 25:30) Sfortunatament, xi wħud mill-qaddejja t’Alla qishom qalu: “Isa, malajr! Għalfejn noqogħdu nistennew sakemm niżżewġu?” Ix-xewqa għall-pjaċiri sesswali akkost taʼ kollox saret qisha dak il-platt soppa taʼ Għesaw għalihom.
9. Kif nistgħu dejjem nuru biżaʼ u rispett profond lejn Jehovah?
9 Jalla qatt ma nistmerru l-affarijiet sagri billi nonqsu li nirrispettaw is-safa, l-integrità, u l-wirt spiritwali tagħna. Minflok ma nkunu bħal Għesaw, ejja nkunu leali bħal Ġakobb u nuru dejjem biżaʼ u rispett profond lejn Alla billi jkollna apprezzament profond għall-affarijiet sagri. Kif nistgħu nagħmlu dan? Billi noqogħdu attenti li ngħixu fi qbil mal-ħtiġijiet taʼ Jehovah. B’mod loġiku dan iwassalna għat-tielet punt li nisiltu minn Malakija kapitlu 1. X’inhu dan?
Nagħtu lil Jehovah l-Aħjar li Nistgħu
10. Il-qassisin b’liema mod kienu qed jistmerru lmejda taʼ Jehovah?
10 Il-qassisin taʼ Ġuda, li kienu jaqdu fit-tempju taʼ Ġerusalemm fi żmien Malakija, ma kinux qed joffru lil Jehovah l-aħjar sagrifiċċji. Malakija 1:6-8 jgħid: “‘L-iben iweġġaħ lil missieru, u l-qaddej lil sidu. Jekk mela jiena missier, fejn hu t-tweġġiħ tiegħi? U jekk jiena Sid, fejn hu l-biżaʼ minni?’ Jgħid il-Mulej taʼ l-eżerċti lilkom, qassisin li żżebilħu Ismi.” “Fiex żeblaħnieh Ismek?” staqsew il-qassisin. “Billi fuq l-artal tiegħi toffru ikel imniġġes,” wieġeb Jehovah. “Biex niġġisnieh?” staqsew il-qassisin. Għalhekk, Jehovah qalilhom: “Billi intom mingħalikom li l-mejda tal-Mulej jistaʼ wieħed imaqdarha.” Dawn il-qassisin urew li kienu jistmerru l-mejda taʼ Jehovah kull darba li ppreżentaw xi annimal difettuż, u qalu: “Dan m’hu xejn ħażin.”
11. (a) X’qal Jehovah dwar sagrifiċċji mhux aċċettabbli? (b) B’liema mod kienu ħatjin in-nies in ġenerali?
11 Imbagħad Jehovah irraġuna magħhom dwar dawn is-sagrifiċċji mhux aċċettabbli: “Mur, isa, offriha lill-gvernatur tiegħek: se jieħu gost bik? Jilqgħek tajjeb?” Le, il-gvernatur tagħhom ma kienx se jieħu pjaċir b’għotja bħal din. Iktar u iktar is-Sovran taʼ l-Univers; żgur mhux se jaċċetta offerti difettużi! U mhux il-qassisin biss kienu ħatjin. Veru, huma kienu qed juru stmerrija lejn Jehovah billi joffru s-sagrifiċċji fuq l-artal. Imma kienu bla ħtija n-nies in ġenerali? Dażgur li le! Kienu huma li għażlu l-annimali għomja, zopop, u morda, u li ġabuhom lill-qassisin biex jissagrifikawhom. Xi dnub kbir kien dan!
12. Kif niġu megħjunin biex nagħtu lil Jehovah l-aħjar li nistgħu?
12 Il-mod kif nuru lil Jehovah li aħna verament inħobbuh hu billi nagħtuh l-aħjar li nistgħu. (Mattew 22:37, 38) Kuntrarju għal dawk il-qassisin stinati taʼ żmien Malakija, l-organizzazzjoni taʼ Jehovah fi żmienna twasslilna ħafna tagħlim Skritturali mill-aħjar li jgħinna nigglorifikaw lil Jehovah b’radd il-ħajr billi ngħixu fi qbil mal-ħtiġijiet divini. Marbut maʼ dan hemm ir-rabaʼ punt importanti li nistgħu nisiltu minn Malakija kapitlu 1.
Il-Qima Vera Hi Mqanqla mill-Imħabba, Mhux mir-Regħba
13. X’kienu qed jagħmlu l-qassisin li juri li dawn kienu mqanqlin mir-regħba?
13 Il-qassisin taʼ żmien Malakija kienu egoisti, mingħajr imħabba, u kollhom regħba għall-flus. Kif nafu? Malakija 1:10 jgħid: “‘M’hux li fostkom kien hemm xi ħadd li jsakkar il-bibien ħalli ma tkebbsux nar għal xejn fuq l-artal tiegħi! M’għandix pjaċir bikom,’ jgħid il-Mulej taʼ l-eżerċti, ‘u minn idejkom ma nilqax offerti.’” Iva, dawk il-qassisin rgħiba riedu jitħallsu għal kull servizz l-iktar sempliċi li kienu jagħmlu fit-tempju. Riedu ħlas saħansitra biex jagħlqu l-bibien u biex ikebbsu n-nar fuq l-artal! Mhux taʼ b’xejn li Jehovah ‘ma kellux pjaċir bl-offerti minn idejhom’!
14. Għala nistgħu ngħidu li x-Xhieda taʼ Jehovah huma mqanqlin mill-imħabba?
14 Ir-regħba u l-egoiżmu tal-qassisin midinba f’Ġerusalemm tal-qedem ifakkruna li, skond il-Kelma t’Alla, ir-rgħiba ma jirtux is-Saltna t’Alla. (1 Korintin 6:9, 10) Meta naħsbu fuq il-mod kif dawk il-qassisin kienu qed jaqdu l-interessi tagħhom infushom, niġu megħjunin biex inżidu l-apprezzament tagħna għax-xogħol taʼ l-ippridkar li jagħmlu x-Xhieda taʼ Jehovah mad-dinja kollha. Dan huwa xogħol volontarju; aħna qatt ma nitolbu xi ħlas għall-ministeru tagħna. Le, “m’aħniex bħal ħafna li jinnegozjaw il-kelma taʼ Alla.” (2 Korintin 2:17) Bħal Pawlu, kull wieħed minna jistaʼ sinċerament jgħid: “Ħabbartilkom [“bil-ferħ,” NW] l-Evanġelju taʼ Alla b’xejn.” (2 Korintin 11:7) Innota li Pawlu ħabbar l-aħbar tajba bil-ferħ. Dan iwassalna għall-ħames punt li Malakija kapitlu 1 jiġbed għall-attenzjoni tagħna.
Is-Servizz lil Alla M’Huwiex Formalità taʼ Piż
15, 16. (a) X’attitudni kellhom il-qassisin lejn lofferti tas-sagrifiċċji? (b) Ix-Xhieda taʼ Jehovah kif joffru s-sagrifiċċji tagħhom?
15 Il-qassisin bla fidi f’Ġerusalemm tal-qedem kienu jqisu l-offerti tas-sagrifiċċji bħala formalità monotona. Kienet xi ħaġa taʼ piż għalihom. Bħalma ġie notat f’Malakija 1:13, Alla qalilhom: “Intom tgħidu: ‘Ara xi dwejjaq!’, u taqbdu tonfħu.” Dawn il-qassisin kienu jiddejqu bl-affarijiet sagri t’Alla, jew, f’kelma waħda, kienu jistmerruhom. Ejja nitolbu li aħna personalment qatt ma nsiru bħalhom. Minflok, jalla dejjem nuru l-ispirtu li jidher ċar fil-kliem taʼ l-1 Ġwann 5:3: “Din hi l-imħabba taʼ Alla, li nżommu l-kmandamenti tiegħu; u l-kmandamenti tiegħu m’humiex tqal.”
16 Ejja nieħdu pjaċir noffru sagrifiċċji spiritwali lil Alla, u qatt ma nqisuhom bħala xi ħaġa taʼ piż li tgħajjina. Jalla nagħtu kas taʼ dan il-kliem profetiku: “Għidulu [lil Jehovah]: ‘Int tneħħi l-ħażen kollu: ilqaʼ t-tajjeb, u nroddu frott xufftejna.’” (Hosegħa 14:3 [14:2, NW]) L-espressjoni “frott xufftejna” tindika sagrifiċċji spiritwali, il-kliem li ngħidu b’tifħir dwar Jehovah u l-iskopijiet tiegħu. Lhud 13:15 jgħid: “B’Ġesù, mela, ejjew noffru f’kull ħin lil Alla sagrifiċċju taʼ tifħir, jiġifieri l-kelma taʼ xufftejna li tistqarr ismu.” Kemm aħna ferħanin li s-sagrifiċċji spiritwali tagħna m’humiex sempliċi formalità, imma huma turija b’qalbna kollha taʼ mħabbitna għal Alla! Dan iwassalna għas-sitt punt li nistgħu nisiltu minn Malakija kapitlu 1.
Kull Wieħed Minna Jrid Jagħti Kont
17, 18. (a) Jehovah għala seħet lil min aġixxa bil-qerq? (b) X’ma kinux qiesu dawk li aġixxew bil-qerq?
17 In-nies li kienu jgħixu fi żmien Malakija kellhom jerfgħu responsabbiltà persunali għall-għemejjel tagħhom, u hekk ukoll aħna. (Rumani 14:12; Galatin 6:5) Għaldaqstant, Malakija 1:14 jistqarr: “Misħut il-wiċċ b’ieħor li fil-merħla tiegħu għandu bhima raġel [bla difett] u jwiegħdu lil Alla, u mbagħad lis-Sid joffrilu b’sagrifiċċju dak li hu difettuż.” Min kellu merħla ma kellux annimal wieħed biss—bħal, ngħidu aħna, xi nagħġa waħda—tant li ma kienx ikollu minfejn jagħżel. Meta kien jiġi biex jagħżel annimal għas-sagrifiċċju, ma kellux għalfejn jagħżel wieħed li kien agħma, zopp, jew marid. Jekk kien fil-fatt jagħżel bhima difettuża, kien ikun qed juri li jistmerr l-arranġament taʼ Jehovah għas-sagrifiċċji għax min kellu merħla annimali żgur li setaʼ jsib imqar wieħed li ma kellux dawn id-difetti!
18 Mhux taʼ b’xejn, mela, li Jehovah seħet lil min kien qed jaġixxi bil-qerq, lil dak li kellu annimal xieraq imma li minflok ġab—u forsi anki kellu jkaxkar—bhima għamja, zoppa, jew marida għand il-qassis għas-sagrifiċċju. Madankollu, m’hemm lanqas biss ħjiel li xi qassis indenja ruħu jikkwota mil-Liġi t’Alla biex jispjega li annimali difettużi ma kinux aċċettabbli. (Levitiku 22:17-20) Kulmin kien jirraġuna setaʼ jirrealizza li kien se jaħbatlu ħażin jekk jipprova jwikki rigal bħal dan lill-gvernatur. Imma fir-realtà huma kienu qed jittrattaw maʼ Jehovah, is-Sovran Universali, li hu ferm u ferm akbar minn kwalunkwe gvernatur uman. Malakija 1:14 ipoġġiha hekk il-kwistjoni: “‘Jien Sultan kbir,’ jgħid il-Mulej taʼ l-eżerċti, ‘u Ismi taʼ min jibżaʼ minnu fost il-ġnus.’”
19. Għal liema ħaġa nixxennqu, u x’għandna nkunu qed nagħmlu?
19 Bħala qaddejja leali t’Alla, aħna nixxennqu għall-jum meta l-Kbir Sultan, Jehovah, ikun meqjum mill-bnedmin kollha. F’dak iż-żmien, “l-art [żgur li tkun mimlija] bl-għarfien tal-Mulej bħalma l-baħar hu miksi bl-ilmijiet.” (Isaija 11:9) Sadanittant, ejja nagħmlu l-almu tagħna kollu biex ngħixu fi qbil mal-ħtiġijiet taʼ Jehovah billi nimitaw lis-salmista li qal: “Inkabbru b’għana taʼ radd il-ħajr.” (Salm 69:31 [69:30, NW]) Għal dan l-għan, Malakija għandu iktar pariri li nistgħu nibbenefikaw ħafna minnhom. Għalhekk, fiż-żewġ artikli li jmiss, se nikkunsidraw bir-reqqa partijiet oħra mill-ktieb taʼ Malakija.
X’Tiftakar?
• Għala għandna nigglorifikaw lil Jehovah?
• Is-sagrifiċċji tal-qassisin fi żmien Malakija għala ma kinux aċċettabbli f’għajnejn Jehovah?
• Kif noffru sagrifiċċju taʼ tifħir lil Jehovah?
• X’għandha tkun il-forza li tqanqalna għall-qima vera?
[Stampa f’paġna 9]
Il-profezija taʼ Malakija rreferiet għal żmienna
[Stampa f’paġna 10]
Għesaw m’apprezzax l-affarijiet sagri
[Stampa f’paġna 11]
Il-qassisin u n-nies offrew sagrifiċċji mhux aċċettabbli
[Stampa f’paġna 12]
Mad-dinja kollha, ix-Xhieda taʼ Jehovah joffru bla ħlas sagrifiċċji taʼ tifħir