LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w02 6/1 pp. 13-17
  • Sib l-Għaxqa Tiegħek fis-Sewwa taʼ Jehovah

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Sib l-Għaxqa Tiegħek fis-Sewwa taʼ Jehovah
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Insibu l-​Livell li Hu Ġust u Sewwa
  • Is-​Sewwa u s-​Salvazzjoni
  • Dawk li Huma Sewwa f’Għajnejn Alla
  • Tgħaxxaq bis-​Sewwa taʼ Jehovah
  • Ħobb il-Ġustizzja b’Qalbek Kollha
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
  • Ibqgħu Fittxu l-Ewwel “Is-Sewwa Tiegħu”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
  • Jekk Infittxu s-Sewwa Se Niġu Protetti
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • In-Nies taʼ Ġeħova Jħobbu s-Sewwa
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2022
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
w02 6/1 pp. 13-17

Sib l-​Għaxqa Tiegħek fis-​Sewwa taʼ Jehovah

“Min jimxi wara s-​sewwa u t-​tjieba jkollu l-​ħajja, il-​ħaqq, u l-​ġieh.”—PROVERBJI 21:​21, KŻ.

1. Illum, liema triqat tan-​nies wasslu għal riżultati diżastrużi?

“HEMM min jaħseb li triqtu dritta, mbagħad tmiemha jwasslu għall-​mewt.” (Proverbji 16:25) Kemm jiddeskrivi eżatt dan il-​proverbju t-​triqat tal-​biċċa l-​kbira tan-​nies illum! Bħala regola ġenerali, in-​nies huma konċernati biss li jagħmlu dak li hu sewwa f’għajnejhom, waqt li jinjoraw saħansitra l-​iktar bżonnijiet bażiċi taʼ l-​oħrajn. (Proverbji 21:2) Bil-​kliem jgħidu li josservaw il-​liġijiet u l-​livelli tal-​pajjiż imma jfittxu kif jiżgiċċaw minnhom maʼ kull ċans li jkollhom. Ir-​riżultat hu soċjetà maqsuma, imgerfxa, u mħawda.—2 Timotju 3:​1-5.

2. X’inhu meħtieġ mill-​iktar fis għall-​benefiċċju taʼ l-​umanità?

2 Għall-​benefiċċju tagħna stess, u għall-​paċi u s-​sigurtà tal-​familja umana kollha, għandna bżonn mill-​iktar fis liġi jew livell li jkun ġust u sewwa, livell li l-​bnedmin kollha jkunu lesti li jaċċettawh u jobduh. Jidher ċar li l-​ebda liġi jew livell propost minn xi bniedem, ikun kemm ikun sinċier jew intelliġenti, ma jistaʼ jimla dan il-​bżonn. (Ġeremija 10:23; Rumani 3:​10, 23) Jekk jeżisti dan il-​livell, fejn jistaʼ jinstab u kif se jkun? Forsi l-​iktar mistoqsija importanti hija, Jekk jeżisti dan il-​livell, se titgħaxxaq bih u se tgħix int fi qbil miegħu?

Insibu l-​Livell li Hu Ġust u Sewwa

3. Min hu l-​iktar kwalifikat biex jipprovdi livell li huwa aċċettabbli u taʼ benefiċċju għal kulħadd, u għala?

3 Biex insibu livell li huwa aċċettabbli u taʼ benefiċċju għal kulħadd, irridu mmorru għand xi ħadd li ma jiġi effettwat mill-​ebda differenzi—razzjali, kulturali, u politiċi—u li m’huwiex imfixkel min-​nuqqas taʼ dehen u d-​dgħjufija umana. Bla ebda dubju, l-​uniku wieħed li jikkwalifika f’dan kollu hu l-​Ħallieq li jistaʼ kollox, Alla Jehovah, li jiddikjara: “Daqs kemm huma ogħla s-​smewwiet mill-​art, daqshekk ieħor huma triqati ’l fuq minn triqatkom, u l-​fehmiet tiegħi mill-​fehmiet tagħkom.” (Isaija 55:9) Barra minn hekk, il-​Bibbja tiddeskrivi lil Jehovah bħala “Alla taʼ kelmtu u ma jqarraqx; kollu ħaqq u kollu sewwa.” (Dewteronomju 32:4) F’ħafna postijiet fil-​Bibbja nsibu l-​espressjoni: “Ġust hu l-​Mulej!” (2 Kronaki 12:6; Salm 11:7; 129:4; Lamentazzjonijiet 1:18) Iva, nistgħu nħarsu lejn Jehovah għall-​aqwa livell għaliex hu leali, ġust, u sewwa.

4. Xi tfisser il-​kelma “sewwa”?

4 M’għandniex xi ngħidu, il-​kelma “sewwa” ma tantx hi popolari llum. Fil-​fatt, il-​maġġuranza tan-​nies iħarsu lejha b’mod negattiv, u saħansitra kritiku, għax jassoċjawha maʼ min iridha taʼ qaddis jew devot. Madankollu, fi qbil mal-​ħsieb tal-​Bibbja, “sewwa” jinkludi li tkun ġust, rett, virtuż; li tkun bla ħtija jew bla dnub; li tgħix fi qbil mal-​prinċipji tal-​liġi divina jew mal-​livelli morali stabbiliti; li taġixxi sewwa jew b’mod ġust. Ma titgħaxxaqx int b’liġi jew livell li jħaddan dawn il-​karatteristiċi mill-​isbaħ?

5. Iddeskrivi s-​sewwa bħala kwalità kif insibuha fil-​Bibbja.

5 Rigward is-​sewwa bħala kwalità, l-​Encyclopaedia Judaica tosserva: “Is-​sewwa m’huwiex xi idea astratta imma minflok huwa bbażat fuq li wieħed jagħmel dak li hu ġust u sewwa fir-​relazzjonijiet kollha.” Per eżempju, is-​sewwa t’Alla m’huwiex sempliċement xi kwalità ġewwinija jew persunali li jippossiedi, bħalma huma l-​qdusija u l-​purità tiegħu. Pjuttost, huwa l-​mod kif jesprimi n-​natura tiegħu f’azzjonijiet li huma ġusti u sewwa. Nistgħu ngħidu li minħabba li Jehovah hu qaddis u pur, kulma jagħmel u kulma joriġina minnu huwa sewwa. Bħalma tgħid il-​Bibbja, “Tas-​sewwa l-​Mulej fi triqatu kollha, u qaddis fil-​għemejjel tiegħu kollha.”—Salm 145:​17, Saydon.

6. X’qal Pawlu dwar ċerti Lhud fi żmienu li ma kinux jemmnu, u għala?

6 L-​appostlu Pawlu enfasizza dan il-​punt fl-​ittra tiegħu lill-​Kristjani taʼ Ruma. Dwar ċerti Lhud li ma kinux jemmnu, kiteb: “Għax m’għarfux il-​ġustizzja [jew, is-​sewwa] taʼ Alla, imma fittxew il-​ġustizzja tagħhom, u għalhekk ma qagħdux għall-​ġustizzja taʼ Alla.” (Rumani 10:3) Għala Pawlu rrefera għalihom bħala li m’għarfux il-​ġustizzja, jew is-​sewwa, t’Alla? Ma kinux huma istruwiti fil-​Liġi, il-​livelli ġusti u sewwa t’Alla? Dażgur! Madankollu, il-​maġġuranza kienu jqisu s-​sewwa sempliċement bħala virtù persunali, li setgħu jiksbuh billi josservaw skrupolożament ir-​regoli reliġjużi, minflok ma kienu jqisuh bħala livell biex jiggwidahom fl-​imġiba tagħhom maʼ sħabhom il-​bnedmin. Bħall-​mexxejja reliġjużi taʼ żmien Ġesù, huma ma fehmux xi jfissru verament il-​ġustizzja u s-​sewwa.—Mattew 23:​23-28.

7. Jehovah kif jesprimi s-​sewwa tiegħu?

7 Għall-​kuntrarju, is-​sewwa taʼ Jehovah jiġi espress u jidher ċar f’dak kollu li jagħmel. Għalkemm is-​sewwa tiegħu jitlob li ma jagħlaqx għajnejh għad-​dnubiet li jsiru apposta, b’daqshekk ma jfissirx li hu Alla aħrax u li ma jħossx għalina; li għandna nibżgħu u nżommu ’l bogħod minnu. Għall-​kuntrarju, l-​atti ġusti u sewwa tiegħu pprovdew bażi għall-​bnedmin biex javviċinawh u jinħelsu mill-​konsegwenzi ħżiena tad-​dnub. Għalhekk, bix-​xieraq li Jehovah jiġi deskritt bħala “Alla tas-​sewwa u ħellies.”—Isaija 45:​21, Saydon.

Is-​Sewwa u s-​Salvazzjoni

8, 9. Il-Liġi b’liema modi kienet tesprimi s-​sewwa t’Alla?

8 Biex tapprezza r-​relazzjoni bejn is-​sewwa t’Alla u s-​salvazzjoni li pprovdielna b’imħabba kbira, ikkunsidra l-​Liġi li ta lill-​ġens taʼ Iżrael permezz taʼ Mosè. M’hemmx dubju li l-​Liġi kienet ġusta u sewwa. Fid-​diskors finali tiegħu, Mosè fakkar lill-​Iżraelin: “Liema ġens hu hekk kbir li għandu liġijiet u ordnijiet hekk sewwa daqs dak kollu li fiha din il-​liġi li qiegħed noffrilkom illum jien?” (Dewteronomju 4:8) Sekli wara, is-​Sultan David taʼ Iżrael iddikjara: “Il-​ġudizzji tal-​Mulej huma sewwa, u ġusti kollha kemm huma.”—Salm 19:​9, KŻ.

9 Permezz tal-​Liġi, Jehovah wera ċar il-​livelli perfetti tiegħu taʼ x’inhu sewwa u x’inhu żbaljat. Il-​Liġi speċifikat bid-​dettall kif l-​Iżraelin kellhom iġibu ruħhom mhux biss f’affarijiet reliġjużi imma wkoll fi kwistjonijiet tan-​negozju, relazzjonijiet bejn il-​miżżewġin, drawwiet taʼ ikel u iġjene u, m’għandniex xi ngħidu, deċiżjonijiet ġudizzjarji. Il-​Liġi kien fiha wkoll miżuri dixxiplinarji kontra min jiksirha, u saħansitra f’xi każi kienet timponi l-​piena tal-​mewt.a Iżda kienu l-​ħtiġijiet ġusti u sewwa espressi fil-​Liġi ħorox u taʼ piż għan-​nies? Kienu dawn jisirqulhom il-​libertà u l-​ferħ, kif isostnu ħafna nies illum?

10. Dawk li kienu jħobbu lil Jehovah kif ħassewhom dwar il-​liġijiet tiegħu?

10 Dawk li kienu jħobbu lil Jehovah sabu għaxqa kbira fil-​liġijiet u d-​digrieti ġusti u sewwa tiegħu. Per eżempju, kif rajna, is-​Sultan David mhux biss irrikonoxxa d-​deċiżjonijiet ġudizzjarji taʼ Jehovah bħala veri u sewwa, iżda wkoll kellu affezzjoni u apprezzament mill-​qalb għalihom. Dwar il-​liġijiet u d-​deċiżjonijiet ġudizzjarji taʼ Jehovah, kiteb: “Egħżeż mid-​deheb, mid-​deheb l-​aktar fin, oħla mill-​għasel u mill-​qtar tax-​xehda. Fehemhom sewwa l-​qaddej tiegħek; ħlas tajjeb għandu min iħarishom.”—Salm 19:​8, 11, 12 (19:​7, 10, 11, NW).

11. Il-​Liġi kif mexxiet lill-​Iżraelin qishom “tfal lejn Kristu”?

11 Sekli wara, Pawlu wera li l-​Liġi kellha valur saħansitra akbar. Fl-​ittra tiegħu lill-​Galatin, kiteb: “Il-​Liġi, mela, kienet tmexxina qisna tfal lejn Kristu, biex inkunu ġġustifikati permezz tal-​fidi.” (Galatin 3:24) Fi żmien l-​appostlu Pawlu, fid-​djar tas-​sinjuri kien ikun hemm qaddej jew ilsir li xogħlu kien li jipproteġi lit-​tfal u jwassalhom l-​iskola. Bl-​istess mod, il-​Liġi kienet tipproteġi lill-​Iżraelin mill-​prattiċi reliġjużi u morali baxxi tal-​ġnus taʼ madwarhom. (Dewteronomju 18:​9-​13; Galatin 3:23) Iktar minn hekk, il-​Liġi għamlet lill-​Iżraelin konxji taʼ l-​istat midneb tagħhom u taʼ kemm kellhom bżonn il-​maħfra u s-​salvazzjoni. (Galatin 3:19) L-​arranġament tas-​sagrifiċċji wera l-​bżonn għal sagrifiċċju taʼ fidwa u pprovda mudell profetiku li permezz tiegħu setaʼ jiġi identifikat il-​Messija veru. (Lhud 10:​1, 11, 12) B’hekk, filwaqt li Jehovah esprima s-​sewwa tiegħu permezz tal-​Liġi, hu għamel dan billi żamm f’moħħu l-​benesseri u s-​salvazzjoni eterna tal-​poplu.

Dawk li Huma Sewwa f’Għajnejn Alla

12. L-​Iżraelin x’setgħu kisbu kieku osservaw il-​Liġi bir-​reqqa?

12 Ladarba l-​Liġi mogħtija minn Jehovah kienet ġusta u sewwa b’kull mod, kieku l-​Iżraelin obdewha huma setgħu jiksbu l-​approvazzjoni t’Alla bħala nies sewwa. Hekk kif kienu waslu biex jidħlu fl-​Art Imwiegħda, Mosè fakkarhom: “Dan ikun is-​sewwa tagħna: li nqisu li nagħmlu din il-​liġi kollha quddiem il-​Mulej, Alla tagħna, bħalma ordnalna hu.” (Dewteronomju 6:25) Barra minn hekk, Jehovah kien wiegħed: “Ħarsu l-​liġijiet u d-​digrieti tiegħi; il-​bniedem li jagħmilhom ikollu l-​ħajja bihom. Jiena hu l-​Mulej.”—Levitiku 18:5; Rumani 10:5.

13. Kien inġust Jehovah meta rrikjeda min-​nies tiegħu li jħarsu l-​Liġi ġusta u sewwa tiegħu? Spjega.

13 B’dispjaċir ngħidu li bħala ġens l-​Iżraelin naqsu li ‘jagħmlu din il-​liġi kollha quddiem il-​Mulej,’ u b’hekk ma rnexxilhomx jiksbu l-​barkiet imwiegħda. Huma naqsu li jħarsu l-​kmandamenti kollha t’Alla għaliex il-​Liġi t’Alla kienet perfetta waqt li huma ma kinux. Ifisser dan li Alla hu inġust jew nieqes mis-​sewwa? Dażgur li le. Pawlu kiteb: “Xi ngħidu mela? Li Alla ma jagħmilx sewwa? Ma jkun qatt.” (Rumani 9:14) Il-​fatt hu li, kemm qabel ngħatat il-​Liġi u kemm wara, kien hemm xi individwi li minkejja li kienu imperfetti u midinba, Alla kien iqishom bħala nies sewwa. Fost dawn in-​nies li kellhom il-​biżaʼ t’Alla hemm Noè, Abraham, Ġob, Raħab, u Danjel. (Ġenesi 7:1; 15:6; Ġob 1:1; Eżekjel 14:14; Ġakbu 2:​25) Għalhekk, il-​mistoqsija hi: Fuq liema bażi kienu dawn l-​individwi meqjusin bħala nies sewwa minn Alla?

14. Il-​Bibbja xi tkun qed tfisser meta titkellem dwar xi ħadd bħala li hu bniedem sewwa?

14 Meta l-​Bibbja titkellem dwar xi ħadd bħala bniedem sewwa, ma tkunx qed tgħid li dan hu bla dnub jew perfett. Minflok, tkun qed tfisser li hu jwettaq l-​obbligi tiegħu quddiem Alla u l-​bnedmin. Per eżempju, Noè ġie msejjaħ “bniedem ġust” u “perfett fost in-​nies taʼ żmienu” għaliex hu “għamel kull ma ordnalu Alla.” (Ġenesi 6:​9, 22; Malakija 3:​18) Żakkarija u Eliżabetta, il-​ġenituri taʼ Ġwanni l-​Għammied, “kienu nies ġusti quddiem Alla u jimxu bla nuqqas taʼ xejn skond il-​preċetti u l-​kmandamenti kollha tal-​Mulej.” (Luqa 1:6) U raġel li ma kienx Iżraeli, uffiċjal taʼ l-​armata Taljana li kien jismu Kornelju, kien deskritt bħala “raġel sewwa li għandu l-​biżaʼ taʼ Alla.”—Atti 10:22.

15. Is-​sewwa maʼ xiex huwa marbut mill-​qrib?

15 Barra minn hekk, is-​sewwa fil-​bniedem huwa marbut mill-​qrib maʼ dak li jkollu f’qalbu—il-​fidi u l-​apprezzament u l-​imħabba għal Jehovah u għall-​wegħdi tiegħu—u mhux biss mal-​fatt li jagħmel dak li Alla jirrikjedi minnu. L-​Iskrittura tgħid li Abraham “emmen fil-​Mulej, u dan għaddhulu b’ġustizzja.” (Ġenesi 15:6) Abraham kellu fidi mhux biss fl-​eżistenza t’Alla imma wkoll fil-​wegħda tiegħu rigward ‘in-​nisel.’ (Ġenesi 3:15; 12:2; 15:5; 22:18) Fuq il-​bażi taʼ din il-​fidi u l-​opri fi qbil mal-​fidi, Jehovah setaʼ jibni relazzjoni maʼ Abraham u maʼ nies leali oħra u jberikhom avolja kienu imperfetti.—Salm 36:11 (36:​10, NW); Rumani 4:​20-​22.

16. Lejn xiex twassal il-​fidi fil-​fidwa?

16 Finalment, is-​sewwa fil-​bnedmin jiddependi fuq il-​fidi fis-​sagrifiċċju taʼ fidwa li għamel Ġesù Kristu. Dwar il-​Kristjani fl-​ewwel seklu, Pawlu kiteb: “Huma jkunu ġġustifikati bil-​grazzja [t’Alla] li jagħtihom minn rajh permezz tal-​fidwa li hemm fi Kristu Ġesù.” (Rumani 3:24) Hemmhekk, Pawlu kien qed jitkellem dwar dawk li kienu magħżulin biex ikunu werrieta sħab maʼ Kristu fis-​Saltna tas-​sema. Imma s-​sagrifiċċju taʼ fidwa li għamel Ġesù ta wkoll l-​opportunità lil miljuni oħrajn biex jiksbu l-​approvazzjoni t’Alla bħala nies sewwa. L-​appostlu Ġwanni ra viżjoni li fiha ‘kien hemm kotra kbira li ħadd ma jistaʼ jgħoddha wieqfa quddiem it-​tron u quddiem il-​Ħaruf, lebsin ilbiesi twal bojod.’ L-​ilbiesi bojod jissimbolizzaw il-​fatt li huma nies sewwa u nodfa f’għajnejn Alla għaliex “l-​ilbiesi tagħhom ħasluhom u bajjduhom fid-​demm tal-​Ħaruf.”—Apokalissi 7:​9, 14.

Tgħaxxaq bis-​Sewwa taʼ Jehovah

17. Liema passi jridu jittieħdu biex kontinwament nimxu fis-​sewwa?

17 Filwaqt li Jehovah b’imħabba pprovda lil Ibnu, Ġesù Kristu, bħala l-​mezz li bih il-​bnedmin jiksbu l-​approvazzjoni tiegħu bħala nies sewwa, dan ir-​riżultat ma jiġix waħdu. L-​individwu jrid juri fidi fil-​fidwa, iġib ħajtu fi qbil mar-​rieda t’Alla, jiddedika lilu nnifsu lil Jehovah, u jissimbolizza dan bil-​magħmudija taʼ l-​ilma. Imbagħad, wieħed irid kontinwament jimxi fis-​sewwa, kif ukoll juri kwalitajiet spiritwali oħra. Timotju, Kristjan mgħammed li kellu s-​sejħa għas-​sema, ġie mħeġġeġ minn Pawlu: “Fittex li jkollok il-​ġustizzja, it-​tjieba, il-​fidi, l-​imħabba, is-​sabar, il-​ħlewwa.” (1 Timotju 6:11; 2 Timotju 2:22) Ġesù wkoll enfasizza l-​bżonn taʼ sforz kontinwu meta qal: “Mela fittxu l-​ewwel is-​Saltna u l-​ġustizzja taʼ Alla.” Għandna mnejn naħdmu iebes biex infittxu l-​barkiet tas-​Saltna t’Alla, imma naħdmu iebes bl-​istess mod biex kontinwament nimxu fis-​sewwa taʼ Jehovah?—Mattew 6:33.

18. (a) Għala m’hijiex ħaġa faċli li timxi fis-​sewwa? (b) X’nistgħu nitgħallmu mill-​eżempju taʼ Lot?

18 M’għandniex xi ngħidu, m’huwiex faċli li timxi fis-​sewwa. Dan għaliex ilkoll kemm aħna imperfetti u l-​ġibda naturali tagħna hija lejn il-​ħażen. (Isaija 64:​6, KŻ) Iktar minn hekk, aħna mdawrin minn nies li ftit li xejn jimpurtahom mis-​sewwa taʼ Jehovah. Iċ-​ċirkustanzi tagħna huma simili ħafna għal dawk taʼ Lot, li kien jgħix f’Sodoma, belt magħrufa għall-​ħażen tagħha. L-​appostlu Pietru spjega għala Jehovah ra li kien xieraq jeħles lil Lot mill-​qerda li kienet riesqa. Pietru qal: “Dan ir-​raġel ġust, waqt li kien jgħix magħhom, b’dak li kien jara u jismaʼ minn jum għal ieħor, kien iħoss qalbu tingħafas quddiem l-​imġiba ħażina tagħhom.” (2 Pietru 2:​7, 8) Għalhekk, kull wieħed u waħda minna nagħmlu tajjeb li nistaqsu: ‘Napprova jien fil-​fond taʼ qalbi l-​prattiċi immorali li nara madwari? Narah jien sempliċement bla sugu d-​divertiment jew l-​isport popolari li jkun vjolenti? Jew inħossni turmentat bħal ma kien iħossu Lot minħabba dawn il-​prattiċi mbegħdin mis-​sewwa?’

19. Liema barkiet jistaʼ jkollna jekk insibu l-​għaxqa tagħna fis-​sewwa t’Alla?

19 F’dan iż-​żmien perikoluż u inċert, aħna nistgħu nsibu sigurtà u protezzjoni jekk nitgħaxxqu bis-​sewwa taʼ Jehovah. Għall-​mistoqsija: “Mulej, min jgħammar fid-​dar tiegħek? Min joqgħod fuq l-​għolja mqaddsa tiegħek?” is-​Sultan David wieġeb: “Min jgħix bla ħtija u jagħmel it-​tajjeb.” (Salm 15:​1, 2) Jekk kontinwament nimxu u nsibu l-​għaxqa tagħna fis-​sewwa t’Alla, nistgħu nżommu relazzjoni tajba miegħu u nkomplu ngawdu l-​favur u l-​barka tiegħu. B’dan il-​mod, ħajjitna tkun mimlija kuntentizza, rispett lejna nfusna, u paċi tal-​moħħ. “Min jimxi wara s-​sewwa u t-​tjieba jkollu l-​ħajja, il-​ħaqq, u l-​ġieh,” tgħid il-​Kelma t’Alla. (Proverbji 21:​21, KŻ) Barra minn hekk, jekk bl-​almu tagħna kollu nipprovaw nagħmlu dak li hu ġust u sewwa f’kollox ikollna relazzjonijiet persunali hienja u l-​kwalità taʼ ħajjitna titjieb moralment u spiritwalment. Is-​salmista ddikjara: “Hieni min jimxi bid-​dritt, min jagħmel dejjem is-​sewwa.”—Salm 106:3.

[Nota taʼ taħt]

a Għal dettalji dwar kemm kienet estensiva l-​Liġi taʼ Mosè, ara l-​artiklu “Some Features of the Law Covenant” (Xi Fatturi mill-​Patt tal-​Liġi), f’paġni 214-​20 tat-​2 volum taʼ l-​Insight on the Scriptures, pubblikat mix-​Xhieda taʼ Jehovah.

Tistaʼ Tispjega?

• X’inhu s-​sewwa?

• Is-salvazzjoni kif inhi marbuta mas-​sewwa t’Alla?

• Il-bnedmin fuq liema bażi huma meqjusin bħala nies sewwa minn Alla?

• Kif nistgħu nsibu l-​għaxqa tagħna fis-​sewwa taʼ Jehovah?

[Stampi f’paġna 15]

Is-​Sultan David esprima affezzjoni mill-​qalb għal-​liġijiet t’Alla

[Stampi f’paġna 16]

Noè, Abraham, Żakkarija u Eliżabetta, u Kornelju kienu meqjusin bħala nies sewwa minn Alla. Taf għala?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja