LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w06 1/1 pp. 25-29
  • Jekk Infittxu s-Sewwa Se Niġu Protetti

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Jekk Infittxu s-Sewwa Se Niġu Protetti
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Importanza tas-​Sewwa
  • Is-​Sewwa f’Dinja Mhux Sewwa
  • In-​Nassa taʼ l-​Immoralità
  • Il-​Periklu tal-​Pressjoni min-​Nies taʼ Madwarna
  • Tinsiex lil Ġeħova
  • Oqgħod Attent minn Spirtu taʼ Indipendenza
  • Kunu Imitaturi taʼ Ġesù
  • Ħobb il-Ġustizzja b’Qalbek Kollha
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
  • Sib l-Għaxqa Tiegħek fis-Sewwa taʼ Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • In-Nies taʼ Ġeħova Jħobbu s-Sewwa
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2022
  • Ibqgħu Fittxu l-Ewwel “Is-Sewwa Tiegħu”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
w06 1/1 pp. 25-29

Jekk Infittxu s-​Sewwa Se Niġu Protetti

“Mela, ibqgħu fittxu l-​ewwel . . . is-​sewwa [t’Alla].”—MATTEW 6:33.

1, 2. Żagħżugħa Kristjana liema deċiżjoni ħadet, u għala ddeċidiet hekk?

ŻAGĦŻUGĦA Kristjana fl-​Asja kienet taħdem bħala segretarja f’uffiċċju tal-​gvern. Hi kienet taħdem iebes, u kienet tidħol ix-​xogħol kmieni kuljum u ma kinitx toqgħod titgħażżen. Madankollu, minħabba li xogħolha ma kienx permanenti, dan kellu jerġaʼ jiġi kunsidrat. Il-​wieħed li kien jidderieġi d-​dipartiment qal liż-​żagħżugħa li hu kien lest li jħaddimha b’mod permanenti u saħansitra jagħtiha pożizzjoni iktar għolja jekk hi jkollha relazzjoni immorali miegħu. Hi rrifjutat b’mod sod avolja dan kien se jfisser li kienet se titlef l-​impjieg.

2 Kienet din il-​Kristjana żagħżugħa qed tonqos milli tkun realistika? Le, hi kienet qed issegwi b’attenzjoni l-​kliem taʼ Ġesù: “Mela, ibqgħu fittxu l-​ewwel . . . is-​sewwa [t’Alla].” (Mattew 6:33) Għaliha, li ssegwi l-​prinċipji li huma sewwa kien ħafna iktar importanti milli tikseb xi vantaġġ permezz taʼ li tikkommetti l-​immoralità sesswali.—1 Korintin 6:18.

L-​Importanza tas-​Sewwa

3. X’inhu s-​sewwa?

3 Is-​“sewwa” jfisser li dak li jkun iżomm l-​integrità morali u l-​onestà. Fil-​Bibbja, il-​kliem Grieg u Ebrajk għal “sewwa” jġorr il-​ħsieb taʼ li wieħed ikun “korrett” jew “rett.” Ma jfissirx li dak li jkun jiġġudika lilu nnifsu fuq il-​livelli li jagħmel hu stess. (Luqa 16:15) Minflok, is-​sewwa jfisser li tkun rett skond il-​livelli taʼ Ġeħova. Huwa s-​sewwa, jew il-​ġustizzja, t’Alla.—Rumani 1:17; 3:21.

4. Is-​sewwa għala huwa importanti għal Kristjan?

4 Is-​sewwa għala hu importanti? Għax Ġeħova, l-​“Alla tal-​ġustizzja,” jew tas-​sewwa, jiffavorixxi l-​poplu tiegħu meta jipprattika s-​sewwa. (Salm 4:2 [4:​1, NW]; Proverbji 2:​20-22; Ħabakkuk 1:13) Kulmin ma jagħmilx is-​sewwa ma jistax ikollu relazzjoni mill-​qrib miegħu. (Proverbji 15:8) Għalhekk, l-​appostlu Pawlu ħeġġeġ lil Timotju: “Aħrab mix-​xewqat li jistaʼ jkollok fiż-​żgħożija, imma iġri wara s-​sewwa,” flimkien maʼ kwalitajiet vitali oħra. (2 Timotju 2:22) Dan ukoll huwa għala Pawlu inkluda “l-​kurazza tas-​sewwa” meta semma lista tad-​diversi partijiet mill-​armatura spiritwali.—Efesin 6:14.

5. Il-​bnedmin imperfetti kif jistgħu jfittxu s-​sewwa?

5 M’għandniex xi ngħidu, l-​ebda bniedem m’hu sewwa, jew ġust, fis-​sens assolut tal-​kelma. Ilkoll uritna l-​imperfezzjoni minn Adam, u lkoll kemm aħna nidinbu, jew nonqsu milli nagħmlu dak li hu sewwa, mit-​twelid. Madankollu, Ġesù qal li aħna rridu nfittxu s-​sewwa. Dan kif inhu possibbli? Hu possibbli għax Ġesù ta l-​ħajja umana perfetta tiegħu bħala fidwa għalina, u jekk neżerċitaw fidi f’dak is-​sagrifiċċju, Ġeħova se jkun lest li jaħfrilna dnubietna. (Mattew 20:28; Ġwanni 3:16; Rumani 5:​8, 9, 12, 18) Fuq din il-​bażi, hekk kif nitgħallmu dwar il-​livelli ġusti taʼ Ġeħova u nagħmlu ħilitna biex nosservawhom—billi nitolbu għall-​għajnuna biex negħlbu d-​dgħjufijiet tagħna—Ġeħova se jaċċetta l-​qima tagħna. (Salm 1:6; Rumani 7:​19-25; Rivelazzjoni 7:​9, 14) Kemm hu taʼ faraġ dan!

Is-​Sewwa f’Dinja Mhux Sewwa

6. Id-​dinja għala kienet post perikoluż għall-​Kristjani tal-​bidu?

6 Meta d-​dixxipli taʼ Ġesù rċivew l-​inkarigu biex ikunu x-​xhieda tiegħu “sa l-​iktar parti mbiegħda taʼ l-​art,” huma ffaċċjaw sitwazzjoni diffiċli. (Atti 1:8) It-​territorju li ġew mibgħutin fih kien kollu “taħt il-​qawwa tal-​Ħażin,” Satana. (1 Ġwanni 5:19) Id-​dinja kienet imniġġsa mill-​ispirtu ħażin li hu kien jippromwovi, u l-​Kristjani kienu se jkunu esposti għall-​influwenza tagħha li tittieħed. (Efesin 2:2) Għalihom, id-​dinja kienet post perikoluż. Kien biss billi jfittxu l-​ewwel is-​sewwa t’Alla li huma setgħu jissaportu u jibqgħu jżommu l-​integrità. Ħafna ssaportew, imma kien hemm ftit li ma baqgħux jimxu fi “triq is-​sewwa.”—Proverbji 12:28; 2 Timotju 4:10.

7. Kristjan minħabba liema responsabbiltajiet irid jirreżisti l-​influwenzi li jħassru?

7 Hija d-​dinja inqas perikoluża għall-​Kristjani llum? Żgur li le! Hija saħansitra iktar imħassra milli kienet fl-​ewwel seklu. Barra minn hekk, Satana twaddab ’l isfel lejn l-​art u qed jiggwerra bl-​aħrax kontra l-​Kristjani midlukin, “il-​bqija taʼ [nisel il-​mara], dawk li josservaw il-​kmandamenti t’Alla u li għandhom ix-​xogħol li jixhdu dwar Ġesù.” (Rivelazzjoni 12:​12, 17) Satana jattakka wkoll lil dawk li jappoġġaw lil dak in-​‘nisel.’ Madankollu, il-​Kristjani ma jistgħux jaħarbu mid-​dinja. Għalkemm m’huma ebda parti minnha, huma jridu jgħixu fiha. (Ġwanni 17:​15, 16) Iridu wkoll jippridkaw fiha biex ifittxu lil dawk li għandhom attitudni xierqa u jgħallmuhom ikunu dixxipli taʼ Kristu. (Mattew 24:14; 28:​19, 20) Għalhekk, ladarba l-​Kristjani ma jistgħux jevitaw għalkollox l-​influwenzi li jħassru li hawn f’din id-​dinja, huma jridu jirreżistuhom. Ejja nikkunsidraw erbgħa minn dawk l-​influwenzi.

In-​Nassa taʼ l-​Immoralità

8. L-​Iżraelin għala bdew iqimu lill-​allat tal-​Mowabin?

8 Lejn l-​aħħar taʼ l-​40 sena li damu jduru fid-​deżert, ħafna mill-​Iżraelin żvijaw mit-​triq tas-​sewwa. Huma xehdu għal ħafna għemejjel taʼ ħelsien minn Ġeħova, u kienu waslu biex jidħlu fl-​Art Imwiegħda. Madankollu, f’dan iż-​żmien kruċjali, huma bdew jaqdu lill-​allat tal-​Mowabin. Għala? Għax huma ċedew għax-​“xewqa tal-​laħam.” (1 Ġwanni 2:16) Ir-​rakkont jgħid: “Il-​poplu tkasbar u waqaʼ fiż-​żína mal-​bniet taʼ Mowab.”—Numri 25:1.

9, 10. Illum, minħabba liema sitwazzjoni huwa vitali li dejjem inżommu f’moħħna kemm hi korrotta l-​influwenza li għandhom ix-​xewqat ħżiena tal-​laħam?

9 Dan l-​episodju juri b’liema mod jistgħu x-​xewqat ħżiena tal-​laħam iħassru lil dawk li ma jkunux attenti. Nagħmlu tajjeb jekk nitgħallmu minn dan, speċjalment ladarba ħafna jqisu l-​immoralità bħala stil taʼ ħajja aċċettabbli. (1 Korintin 10:​6, 8) Rapport mill-​Istati Uniti jgħid: “Sa l-​1970, il-​ko-abitazzjoni [meta koppji li m’humiex miżżewġin jgħixu flimkien] kienet illegali fl-​istati kollha taʼ l-​Amerika. Issa, hija aċċettata bħala xi ħaġa normali. Nofs dawk li jiżżewġu għall-​ewwel darba jkunu diġà għexu flimkien.” Il-​ko-abitazzjoni u prattiċi simili li huma baxxi moralment ma jinsabux f’pajjiż wieħed biss. Jinsabu madwar id-​dinja kollha, u b’dispjaċir, xi Kristjani segwew din il-​moda—saħansitra tilfu posthom fil-​kongregazzjoni Kristjana.—1 Korintin 5:11.

10 Iktar minn hekk, il-​propaganda li tirreklama l-​immoralità tidher li tinsab kullimkien. Il-​films u l-​programmi televiżivi jagħtuk x’tifhem li huwa assolutament aċċettabbli għaż-​żgħażagħ li jagħmlu s-​sess qabel ma jiżżewġu. Ukoll, ir-​relazzjonijiet omosesswali jagħmluhom jidhru bħala li huma normali. U ħafna programmi juru xeni sesswali bl-​iktar mod ċar u fid-​dettall. Stampi t’atti sesswali fid-​dettall jistgħu wkoll jinkisbu faċilment minn fuq l-​Internet. Per eżempju, wieħed li jikteb fil-​gazzetta jirrapporta li ibnu taʼ sebaʼ snin ġie mill-​iskola u kollu entużjażmu qallu li ħabib taʼ l-​iskola ltaqaʼ maʼ websites li kienu juru nisa mneżżgħin jagħmlu atti sesswali. Il-​missier kien imwaħħax, imma min jaf kemm hemm tfal li jiltaqgħu maʼ websites bħal dawn mingħajr ma jgħidu lill-​ġenituri tagħhom? Barra minn hekk, kemm hemm ġenituri li jafu x’fihom il-​logħob tal-​kompjuter li jilagħbu t-​tfal tagħhom? Ħafna logħob popolari fih immoralità diżgustanti, kif ukoll demoniżmu u vjolenza.

11. Familja kif tistaʼ tipproteġi lilha nfisha mill-​immoralità li hawn fid-​dinja?

11 Familja kif tistaʼ tirreżisti “divertiment” baxx bħal dan? Billi tfittex l-​ewwel is-​sewwa t’Alla u tirrifjuta li tinvolvi ruħha f’kulma hu immorali. (2 Korintin 6:14; Efesin 5:3) Ġenituri li b’mod xieraq joqogħdu attenti f’liema attivitajiet jieħdu sehem it-​tfal tagħhom u li jnaqqxu f’uliedhom imħabba għal Ġeħova u għal-​liġijiet sewwa tiegħu se jsaħħuhom kontra l-​pornografija, il-​logħob pornografiku tal-​kompjuter, il-​vidjos immorali, u tentazzjonijiet oħrajn li m’humiex sewwa.—Dewteronomju 6:​4-9.a

Il-​Periklu tal-​Pressjoni min-​Nies taʼ Madwarna

12. Liema problema qamet fl-​ewwel seklu?

12 Meta Pawlu kien Listra, fl-​Asja Minuri, hu fejjaq lil wieħed raġel b’mod mirakoluż. Ir-​rakkont jgħid: “Meta raw x’kien għamel Pawlu, il-​folol għollew leħinhom u qalu bl-​ilsien tal-​Likaonja: ‘L-​allat saru bħal bnedmin u niżlu għandna!’ U lil Barnaba bdew jgħidulu Żews, imma lil Pawlu Erme, għax hu kien il-​kelliemi ewlieni.” (Atti 14:​11, 12) Ftit wara, dik l-​istess folla riedet toqtol lil Pawlu u lil Barnaba. (Atti 14:19) Jidher ċar li dawk in-​nies malajr kienu jċedu għall-​pressjoni minn dawk taʼ madwarhom. Milli jidher, meta xi wħud f’dik l-​akkwata saru Kristjani, xorta kellhom tendenza li jkunu superstizzjużi. Fl-​ittra tiegħu lill-​Kristjani f’Kolossi, Pawlu wissa kontra l-​“qima lejn l-​anġli.”—Kolossin 2:18.

13. X’inhuma xi drawwiet li Kristjan għandu jevita, u kif jistaʼ jikseb is-​saħħa biex jagħmel dan?

13 Bl-​istess mod illum, il-​Kristjani veri jridu jevitaw drawwiet li huma aċċettati minn ħafna u li huma bbażati fuq ideat reliġjużi foloz li jmorru kontra l-​prinċipji Kristjani. Per eżempju, f’ċerti pajjiżi, ċerimonji li jsiru bħala drawwa meta jitwieled jew imut xi ħadd huma bbażati fuq il-​gidba li għandna spirtu li jibqaʼ jgħix wara l-​mewt. (Koħèlet 9:​5, 10) F’xi pajjiżi hemm id-​drawwa li jsir il-​qtugħ taʼ l-​organi ġenitali tat-​tfal bniet.b Din il-​prattika krudili u li m’hijiex neċessarja tmur kontra dak li l-​ġenituri Kristjani huma fl-​obbligu li jagħmlu għal uliedhom, jiġifieri li jieħdu ħsiebhom bi mħabba. (Dewteronomju 6:​6, 7; Efesin 6:4) Il-​Kristjani kif jistgħu jirreżistu pressjonijiet li jiġu minn dawk taʼ madwarhom u jabbandunaw prattiċi bħal dawn? Irid ikollhom fiduċja sħiħa f’Ġeħova. (Salm 31:7 [31:​6, NW]) L-​Alla tas-​sewwa se jsaħħaħ u jieħu ħsieb dawk kollha li minn qalbhom jgħidu: “Kenn tiegħi u qawwa tiegħi int, Alla tiegħi, jien fik nittama.”—Salm 91:2; Proverbji 29:25.

Tinsiex lil Ġeħova

14. Liema twissija tahom Ġeħova lill-​Iżraelin ftit qabel ma daħlu fl-​Art Imwiegħda?

14 Ftit qabel ma l-​Iżraelin daħlu fl-​Art Imwiegħda, Ġeħova wissiehom biex ma jinsewhx. Hu qal: “Qis li ma tinsiex lill-​Mulej, Alla tiegħek, li ma tinsiex tħares il-​kmandamenti u d-​digrieti u l-​liġijiet tiegħu, li llum jien qiegħed nordnalek. Qis li meta tiekol u tixbaʼ, u tibni djar sbieħ u toqgħod fihom, u joktru l-​baqar u l-​imrieħel tiegħek, u jiżdiedu l-​fidda u d-​deheb, u jikber kull ma għandek; qis li ma titkabbarx qalbek u tinsa l-​Mulej, Alla tiegħek.”—Dewteronomju 8:​11-14.

15. Kif nistgħu nkunu ċerti li m’aħniex qed ninsew lil Ġeħova?

15 Tistaʼ llum tiġri xi ħaġa simili? Iva, jekk il-​prijoritajiet tagħna ma jkunux tajbin. Madankollu, jekk infittxu l-​ewwel is-​sewwa t’Alla, il-​qima pura se tkun l-​iktar ħaġa importanti f’ħajjitna. Se nagħmlu bħalma inkuraġġiena Pawlu, jiġifieri se ‘nużaw il-​ħin bl-​aħjar mod’ u se jkollna sens t’urġenza fil-​ministeru tagħna. (Kolossin 4:5; 2 Timotju 4:2) Biss, jekk il-​mistrieħ jew id-​divertiment huma iktar importanti għalina mill-​attendenza għal-​laqgħat u s-​servizz taʼ l-​għalqa, nistgħu ninsew lil Ġeħova fis-​sens li nibdew inpoġġuh fit-​tieni post f’ħajjitna. Pawlu qal li fl-​aħħar jiem in-​nies kienu se “jħobbu l-​pjaċiri minflok ma jħobbu lil Alla.” (2 Timotju 3:4) Dawk il-​Kristjani li huma sinċieri se jeżaminaw lilhom infushom regolarment sabiex jaċċertaw ruħhom li m’humiex influwenzati minn dan it-​tip taʼ rraġunar.—2 Korintin 13:5.

Oqgħod Attent minn Spirtu taʼ Indipendenza

16. Eva u xi wħud minn dawk li kienu jgħixu fi żmien Pawlu liema spirtu żbaljat urew?

16 Fl-​Għeden, Satana rnexxielu juża x-​xewqa egoistika li Eva kellha biex tkun indipendenti. Eva riedet tieħu deċiżjonijiet għaliha dwar x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. (Ġenesi 3:​1-6) Fl-​ewwel seklu, xi wħud fil-​kongregazzjoni taʼ Korintu kienu juru spirtu simili taʼ indipendenza. Kienu jaħsbu li huma kienu jafu iktar minn Pawlu, u b’mod sarkastiku hu sejħilhom appostli raffinati żżejjed.—2 Korintin 11:​3-5; 1 Timotju 6:​3-5.

17. Kif nistgħu nevitaw li niżviluppaw spirtu taʼ indipendenza?

17 Fid-​dinja taʼ llum, ħafna huma “rashom iebsa, [u] imkabbrin,” u xi Kristjani qed jiġu influwenzati minn dan il-​mod taʼ ħsieb. Xi wħud saħansitra saru jopponu l-​verità. (2 Timotju 3:4; Filippin 3:18) Inkwantu għall-​qima vera, huwa vitali li nduru lejn Ġeħova għad-​direzzjoni u li nikkooperaw maʼ l-​“ilsir leali u għaqli” u maʼ l-​anzjani tal-​kongregazzjoni. Dan hu mod wieħed kif infittxu s-​sewwa, u dan jipproteġina milli niżviluppaw spirtu taʼ indipendenza. (Mattew 24:​45-47; Salm 25:​9, 10; Isaija 30:21) Il-​kongregazzjoni tal-​midlukin “hi pilastru u appoġġ tal-​verità.” Ġeħova pprovdieha sabiex tipproteġina u tiggwidana. (1 Timotju 3:15) Jekk nirrikonoxxu l-​irwol vitali li għandha se niġu megħjunin biex ‘ma nagħmlu xejn bi kburija’ hekk kif nissottomettu ruħna bl-​umiltà għar-​rieda sewwa taʼ Ġeħova.—Filippin 2:​2-4; Proverbji 3:​4-6.

Kunu Imitaturi taʼ Ġesù

18. B’liema modi aħna inkuraġġiti li nimitaw lil Ġesù?

18 Il-​Bibbja tgħid b’mod profetiku dwar Ġesù: “Int tħobb il-​ġustizzja u tobgħod il-​ħażen.” (Salm 45:8 [45:​7, NW]; Ebrej 1:9) X’attitudni mill-​aqwa li għandna nimitaw! (1 Korintin 11:1) Ġesù mhux sempliċement kien jaf il-​livelli ġusti taʼ Ġeħova; kien iħobbhom. Għalhekk, meta Satana ttantah waqt li kien fid-​deżert, Ġesù ma qagħadx jaħsibha imma b’mod sod irrifjuta li jiżvija ‘mill-​mogħdija tas-​sewwa.’—Proverbji 8:20; Mattew 4:​3-11.

19, 20. X’riżultati tajbin jiġu jekk infittxu s-​sewwa?

19 Veru, ix-​xewqat tal-​laħam li m’humiex sewwa jistgħu jkunu qawwija. (Rumani 7:​19, 20) Madankollu, jekk is-​sewwa huwa prezzjuż għalina, se niġu msaħħin kontra l-​ħażen. (Salm 119:165) Imħabba profonda għas-​sewwa se tipproteġina meta niffaċċjaw dak li hu ħażin. (Proverbji 4:​4-6) Ftakar li kulmeta nċedu għat-​tentazzjoni, inkunu qed noħorġu lil Satana taʼ rebbieħ. Kemm ikun aħjar jekk nirreżistuh u noħorġu lil Ġeħova taʼ rebbieħ!—Proverbji 27:11; Ġakbu 4:​7, 8.

20 Minħabba li jfittxu s-​sewwa, il-​Kristjani veri huma ‘mimlijin bi frott ġust, li hu permezz taʼ Ġesù Kristu, għall-​glorja u t-​tifħir t’Alla.’ (Filippin 1:​10, 11) Huma jilbsu “l-​personalità l-​ġdida li nħolqot skond ir-​rieda t’Alla fil-​ġustizzja u l-​lealtà vera.” (Efesin 4:24) Huma jappartjenu lil Ġeħova u jgħixu biex jaqdu lilu, u mhux biex jogħġbu lilhom infushom. (Rumani 14:8; 1 Pietru 4:2) Il-​ħsibijiet u l-​azzjonijiet tagħhom jiffokaw fuq dan. Kemm iġibu ferħ lil qalb Missierhom tas-​sema!—Proverbji 23:24.

[Noti taʼ taħt]

a Fil-ktieb Is-​Sigriet taʼ l-​Hena fil-​Familja, pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova, hemm xi suġġerimenti taʼ valur għall-​ġenituri dwar kif jistgħu jipproteġu lill-​familja minn influwenzi immorali.

b Il-qtugħ taʼ l-​organi ġenitali tan-​nisa kien jissejjaħ iċ-​ċirkonċiżjoni tan-​nisa.

Tistaʼ Tispjega?

• Għala huwa vitali li nfittxu s-​sewwa?

• Kristjan imperfett kif jistaʼ jfittex is-​sewwa?

• X’inhuma xi affarijiet fid-​dinja li Kristjan għandu jevita?

• Il-​fatt li nfittxu s-​sewwa kif jistaʼ jipproteġina?

[Stampa f’paġna 26]

Għas-​segwaċi taʼ Ġesù, id-​dinja kienet post perikoluż

[Stampa f’paġna 27]

It-​tfal li huma mgħallmin biex iħobbu lil Ġeħova se jiġu msaħħin kontra l-​immoralità

[Stampa f’paġna 28]

Xi Iżraelin insew lil Ġeħova wara li saru għonja fl-​Art Imwiegħda

[Stampa f’paġna 29]

Bħal Ġesù, il-​Kristjani jobogħdu dak kollu li m’huwiex sewwa

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja