LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w02 7/1 pp. 3-5
  • Il-Pittura Reliġjuża—L-Oriġini Antika Tagħha

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Pittura Reliġjuża—L-Oriġini Antika Tagħha
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Popolarità li Rnexxielhom Jiksbu l-​Ikoni
  • Niskopru l-​Oriġini Tagħhom
  • Qim lil Alla “fl-Ispirtu”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Għandhom l-Ikoni Jintużaw fil-Qima?
    Stenbaħ!—2005
  • Is-Sitt Ħrafa: Alla Japprova l-Użu tax-Xbihat u tal-Ikoni fil-Qima
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
  • Ix-Xhieda taʼ Ġeħova Għala ma Jużawx Xbihat fil-Qima Tagħhom?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
w02 7/1 pp. 3-5

Il-​Pittura Reliġjuża—L-Oriġini Antika Tagħha

“L-​ikoni [pittura reliġjuża] huma mod kif ningħaqdu mat-​tjubija u l-​qdusija t’Alla u l-​Qaddisin Tiegħu.”-ARĊIDJOĊESI GRIEGA ORTODOSSA TAʼ L-​AWSTRALJA

F’DAN il-​jum sħun u umduż t’Awissu, ix-​xemx qed tisreġ fuq it-​taraġ tas-​siment li jwassal sal-​monasterju taʼ “Omm Alla l-​Iktar Qaddisa,” fuq il-​gżira taʼ Tínos, fil-​Baħar Eġew. Is-​sħana qawwija ma qatgħatilhomx qalbhom lin-​nies. Hawn iktar minn 25,000 pellegrin Grieg Ortodoss li qed jimxu bil-​mod il-​mod sabiex jipprovaw jaslu safejn hemm pittura reliġjuża, jew ikona, mimlija tiżjin t’omm Ġesù.

Tfajla żagħżugħa, zoppa, u li tidher muġugħa u b’ħarsa ddisprata fuq wiċċha, għaddejja titkaxkar maʼ l-​art b’ħafna demm ħiereġ minn irkobbtejha. Mhux wisq ’il bogħod minnha, hemm mara anzjana li vvjaġġat min-​naħa l-​oħra tal-​pajjiż, u għalkemm hi għajjiena ħafna, qed tagħmel minn kollox biex tkompli timxi. Raġel taʼ mezz’età jidher miexi b’ħerqa kbira, għarqan xraba, waqt li qed jitħabat biex jgħaddi minn qalb il-​folla. Il-​mira tagħhom hi li jbusu l-​ikona taʼ Marija u jinżlu għarkobbtejhom quddiemha.

M’hemmx dubju li dawn in-​nies reliġjużi ħafna għandhom xewqa sinċiera li jqimu lil Alla. Iżda, kemm nies jirrealizzaw li devozzjoni bħal din lejn ikoni reliġjużi oriġinat minn prattiċi li kienu jeżistu ħafna sekli qabel ma bdiet il-​Kristjanità?

Il-​Popolarità li Rnexxielhom Jiksbu l-​Ikoni

Fid-​dinja Ortodossa, l-​ikoni ssibhom kullimkien. Fil-​knejjes, wieħed jistaʼ jsib ikoni taʼ Ġesù, taʼ Marija, u taʼ ħafna “qaddisin” impoġġijin f’xi post ċentrali. Taʼ spiss in-​nies reliġjużi jonoraw lil dawn l-​ikoni billi jbusuhom, jaħarqulhom l-​inċens, u jixegħlu x-​xemaʼ quddiemhom. Ħaġ’oħra hi li kważi f’kull dar Ortodossa ssib rokna partikulari fejn idendlu l-​ikoni biex jitolbu quddiemhom. Hija ħaġa komuni li l-​Kristjani Ortodossi jgħidu li meta jqimu xi ikona, huma jħossuhom qrib t’Alla. Ħafna jemmnu li l-​ikoni huma mimlijin bil-​grazzja divina u għandhom qawwiet mirakolużi.

X’aktarx li dawn in-​nies reliġjużi jibqgħu mistagħġbin meta jsiru jafu li l-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu ma kinux jaqblu maʼ l-​użu taʼ l-​ikoni fil-​qima. Il-​ktieb Byzantium jgħid: “Il-​Kristjani tal-​bidu wirtu mill-​Ġudaiżmu stmerrija lejn l-​idolatrija, u ma kienu japprovaw l-​ebda venerazzjoni taʼ pittura taʼ nies qaddisa.” L-​istess ktieb josserva: “Mill-​Ħames Seklu ’l quddiem, l-​ikoni jew ix-​xbihat . . . bdew isiru iżjed popolari fil-​qima pubblika u dik privata.” Jekk l-​użu reliġjuż taʼ l-​ikoni m’oriġinax mill-​Kristjanità taʼ l-​ewwel seklu, mela minfejn oriġina?

Niskopru l-​Oriġini Tagħhom

Ir-​riċerkatur Vitalij Ivanovich Petrenko kiteb: “It-​tradizzjoni u l-​użu tax-​xbihat ġej minn ħafna żmien qabel l-​era Kristjana u huwa ‘mnissel mill-​paganiżmu.’” Ħafna studjużi taʼ l-​istorja jaqblu maʼ dan, u jgħidu li l-​oriġini tal-​qima taʼ l-​ikoni ġejja mir-​reliġjonijiet taʼ Babilonja, l-​Eġittu, u l-​Greċja tal-​qedem. Per eżempju, fil-​Greċja tal-​qedem ix-​xbihat reliġjużi ħadu l-​forma taʼ statwi. In-​nies kienu jemmnu li dawn kellhom poteri divini. Kienu jaħsbu li xi ftit minnhom ma kinux inħadmu bl-​idejn imma kienu waqgħu mis-​sema. Waqt festi speċjali, dawn l-​istatwi tal-​qima kienu jinġarru f’purċissjoni madwar il-​belt, u quddiemhom kienu jiġu offruti sagrifiċċji. “Ix-​xbieha tal-​qima kienet meqjusa mid-​devot bħala li hi alla, għalkemm saru xi attentati . . . biex issir distinzjoni bejn l-​alla u x-​xbieha tiegħu,” qal Petrenko.

Dawn l-​ideat u l-​prattiċi kif irnexxielhom jinfiltraw fil-​Kristjanità? L-​istess riċerkatur osserva li, fis-​sekli wara li mietu l-​appostli taʼ Kristu, speċjalment fl-​Eġittu, “l-​ideat Kristjani ffaċċjaw ‘taħlita pagana’—li oriġinat minn prattiċi u twemmin Eġizzjan, Grieg, Lhudi, Orjentali u Ruman li kien jiġi prattikat flimkien mat-​twemmin Kristjan.” Bħala riżultat, “l-​imgħallmin Kristjani addattaw metodu [taʼ taħlit taʼ twemmin differenti] u għamlu użu minn simboli pagani, billi poġġewhom f’kuntest ġdid, għalkemm ma rnexxielhomx jippurifikawhom għalkollox mill-​influwenza pagana.”

L-ikoni ma damux ma saru parti importanti mill-​ħajja reliġjuża privata u dik pubblika. Fil-​ktieb The Age of Faith, l-​istudjuż taʼ l-​istorja Will Durant jiddeskrivi kif ġara dan, u jgħid: “Hekk kif beda jiżdied l-​għadd taʼ qaddisin meqjuma, qam il-​bżonn li dawn jiġu identifikati u miftakra; ġie prodott għadd kbir taʼ pittura tagħhom u taʼ Marija; u fil-​każ taʼ Kristu mhux [il-persuna fiżika] Tiegħu biss imma anki s-​salib Tiegħu saru oġġetti taʼ riverenza—u għal [nies] li jibilgħu kollox, saħansitra saru taliżmani maġiċi. Il-​fantasija naturali fost in-​nies biddlet ir-​relikwi qaddisa, il-​pittura, u l-​istatwi f’oġġetti t’adorazzjoni; in-​nies bdew imilu quddiemhom, ibusuhom, [jixegħlu] ix-​xemaʼ quddiemhom u jaħarqulhom l-​inċens, jinkurunawhom bil-​fjuri, u jfittxu l-​mirakli mill-​influwenza okkulta tagħhom. . . . Il-​Missirijiet u l-​kunsilli tal-​Knisja spjegaw kemm-il darba li dawn ix-​xbihat ma kinux allat, imma li sempliċement ifakkruna fihom; in-​nies ma ridux jaċċettawha din id-​distinzjoni.”

Illum, ħafna wħud li jużaw l-​ikoni reliġjużi jqajmu l-​istess argument li x-​xbihat huma sempliċement oġġetti taʼ rispett—mhux taʼ qima. Forsi jsostnu li l-​pittura reliġjuża hija għajnuna leġittima—saħansitra indispensabbli—sabiex iqimu lil Alla. Forsi int hekk tħossok ukoll. Imma l-​mistoqsija hi, Kif iħossu Alla dwar dan? Jistaʼ jkun li min jagħti venerazzjoni lil xi ikona ikun fil-​fatt qiegħed iqimha? Jistgħu dawn il-​prattiċi jkollhom xi periklu moħbi?

[Kaxxa/Stampa f’paġna 4]

X’Inhi Ikona?

Kuntrarju għall-​istatwi li jintużaw ħafna fil-​qima Kattolika Rumana, l-​ikoni huma xbihat b’żewġ dimensjonijiet taʼ Kristu, taʼ Marija, tal-​“qaddisin,” taʼ l-​anġli, taʼ karattri u ġrajjiet tal-​Bibbja, jew ġrajjiet fl-​istorja tal-​Knisja Ortodossa. Ġeneralment, dawn ikunu mpittra fuq twavel taʼ l-​injam u jistgħu jinġarru minn post għall-​ieħor.

Skond il-​Knisja Ortodossa, “fl-​Ikoni tal-​Qaddisin, il-​pittura ma tidhirx bħal pittura taʼ nies normali tad-​demm u l-​laħam.” Ħaġ’oħra dwar l-​ikoni hi li “l-​perspettiva qiegħda bil-​maqlub”—jiġifieri l-​affarijiet li jkunu mpittra fl-​isfond tal-​pittura ma jkunux jidhru iżgħar u iktar ’il bogħod imma pjuttost bil-​kontra. Ġeneralment “ma jkunx hemm dellijiet, jew modi kif tagħraf il-​lejl min-​nhar.” Xi nies jemmnu wkoll li l-​injam u ż-​żebgħa taʼ ikona jistgħu “jimtlew bil-​preżenza t’Alla.”

[Stampa f’paġna 4]

L-​użu tax-​xbihat oriġina minn prattiċi pagani

[Sors tal-​Istampa f’paġna 3]

© AFP/CORBIS

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja