LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w02 7/1 pp. 5-8
  • Qim lil Alla “fl-Ispirtu”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Qim lil Alla “fl-Ispirtu”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Tagħlim Bibliku Ċar
  • Il-​Periklu li Hemm Moħbi
  • Talb lill-​“Qaddisin” jew lil Marija?
  • Ħares ir-​Relazzjoni Tiegħek m’Alla
  • Il-Pittura Reliġjuża—L-Oriġini Antika Tagħha
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Għandhom l-Ikoni Jintużaw fil-Qima?
    Stenbaħ!—2005
  • Ix-Xhieda taʼ Ġeħova Għala ma Jużawx Xbihat fil-Qima Tagħhom?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • Is-Sitt Ħrafa: Alla Japprova l-Użu tax-Xbihat u tal-Ikoni fil-Qima
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
w02 7/1 pp. 5-8

Qim lil Alla “fl-​Ispirtu”

“Maʼ min se jxebbhu lil Alla, u liema xbieha se tqabblu miegħu?” ISAIJA 40:18

FORSI int konvint bis-​sinċerità kollha li l-​użu taʼ l-​ikoni huwa aċċettabbli biex tqim lil Alla. Forsi bihom tħossok iktar qrib taʼ Semmiegħ it-​talb, li hu inviżibbli u li kultant jistaʼ jidher astratt u mingħajr personalità bħal tal-​bnedmin.

Imma nistgħu aħna bil-​libertà kollha nersqu quddiem Alla bil-​mod li jidhrilna? Mhux Alla nnifsu għandu jkun il-​wieħed li jiddeċiedi x’inhu aċċettabbli u x’mhux? Ġesù spjega x’inhi l-​ħarsa t’Alla dwar dan meta qal: “Jiena hu t-​Triq, il-​Verità u l-​Ħajja. Ħadd ma jmur għand il-​Missier jekk mhux permezz tiegħi.” (Ġwann 14:6) Dan il-​kliem biss diġà jipprojbixxi l-​użu taʼ ikoni jew taʼ xi oġġetti sagri oħra.

Iva, jeżisti mod speċifiku taʼ qima li Alla Jehovah jaċċetta. U dan x’inhu? F’okkażjoni oħra, Ġesù spjega: “Imma tiġi siegħa, anzi issa hi, meta dawk li tassew jaduraw jibdew jaduraw lill-​Missier fl-​ispirtu u l-​verità. Għax il-​missier ukoll, nies bħal dawn ifittex li jadurawh. Alla huwa spirtu, u dawk li jadurawh għandhom jadurawh fl-​ispirtu u l-​verità.”—Ġwann 4:​23, 24.

Jistaʼ Alla, li “huwa spirtu,” jiġi rappreżentat minn xbieha fiżika? Le. Tkun kemm tkun impressjonanti u sabiħa, ikona qatt ma tistaʼ titqabbel mal-​glorja t’Alla. Mela xbieha t’Alla qatt ma tistaʼ tkun rappreżentazzjoni vera taʼ dak li hu. (Rumani 1:​22, 23, Saydon) Tistaʼ persuna ‘tadura fil-​verità’ jekk tersaq lejn Alla permezz taʼ ikona maħduma mill-​bniedem?

Tagħlim Bibliku Ċar

Il-​Liġi t’Alla kienet tipprojbixxi li jsiru xbihat bħala oġġetti taʼ qima. Fl-​Għaxar Kmandamenti, it-​tieni wieħed kien jikkmanda: “La tagħmilx għalik suriet minquxa u ebda xbieha taʼ ebda ħaġa li hemm fl-​għoli tas-​sema, jew isfel fl-​art, jew fil-​baħar taħt l-​art. La tmilx quddiemhom: La tadurahomx.” (Eżodu 20:​4, 5) L-​Iskrittura Kristjana mnebbħa wkoll tikkmanda: “Aħarbu l-​idolatrija.”—1 Korintin 10:​14, Saydon.

Veru, ħafna jinsistu li meta jużaw ix-​xbihat fil-​qima ma jkunux qed jagħmlu idolatrija. Per eżempju, il-​Kristjani Ortodossi taʼ spiss jiċħdu li huma fil-​fatt ikunu qed iqimuhom lill-​ikoni meta jbaxxu rashom, jinżlu għarkobbtejhom, u jitolbu quddiemhom. Qassis Ortodoss kiteb: “Aħna nuruhom rispett għax huma oġġetti qaddisa, u għax għandna riverenza lejn dak li jirrappreżentaw l-​Ikoni.”

Xorta waħda, il-​mistoqsija tibqaʼ: Japprova Alla l-​użu taʼ l-​ikoni anki sabiex issir venerazzjoni hekk imsejħa indiretta? Imkien ma nsibu li l-​Bibbja tawtorizza prattika bħal din. Meta l-​Iżraelin waqqfu xbieha t’għoġol, bl-​iskuża li se jużawha biex iqimu lil Jehovah, hu wera ċar kemm kien kuntrarju għal dan, u qalilhom li kienu saru apostati.—Eżodu 32:​4-7.

Il-​Periklu li Hemm Moħbi

Il-​fatt li xi ħadd juża oġġetti li jistgħu jinħassu bl-​idejn fil-​qima huwa perikoluż ħafna. Dan jistaʼ faċilment iħajjar lin-​nies biex iqimu ’l-oġġett, minflok lil Alla li l-​oġġett suppost qiegħed jirrappreżenta. Fi kliem ieħor, l-​ikona ssir l-​oġġett prinċipali taʼ idolatrija.

Din il-​ħaġa ġrat fi żmien l-​Iżraelin b’diversi oġġetti. Per eżempju, Mosè għamel serp tal-​bronż matul il-​viaġġ tagħhom fid-​deżert. Oriġinarjament, ir-​rappreżentazzjoni tas-​serp imdawwar m’arblu kellha sservi bħala mezz taʼ fejqan. Min kien jiġi kastigat b’gidma taʼ serp setaʼ jħares lejn is-​serp tal-​bronż u jirċievi l-​għajnuna t’Alla. Imma wara li n-​nies issetiljaw fl-​Art Imwiegħda, huma mid-​dehra dawru dan l-​istandard f’idolu, bħallikieku s-​serp tal-​bronż innifsu kellu l-​qawwa li jfejjaq. Għalhekk bdew jaħarqu l-​inċens quddiemu u saħansitra tawh isem, Neħustan.—Numri 21:​8, 9; 2 Slaten 18:4.

L-Iżraelin ipprovaw ukoll jużaw l-​arka tal-​patt bħala magħmul kontra l-​għedewwa tagħhom, b’riżultati diżastrużi. (1 Samwel 4:​3, 4; 5:11) U fi żmien Ġeremija, iċ-​ċittadini taʼ Ġerusalemm iktar kien jimpurtahom mit-​tempju milli minn dak Alla li kien jiġi meqjum ġewwa fih.—Ġeremija 7:​12-15.

It-​tendenza li jiġu meqjuma l-​affarijiet minflok Alla għadha mifruxa ħafna llum. Ir-​riċerkatur Vitalij Ivanovich Petrenko qal: “L-​ikona . . . ssir l-​oġġett taʼ qima u fil-​periklu taʼ idolatrija . . . Wieħed irid jammetti li din hija essenzjalment idea pagana li ddaħħlet fil-​qima taʼ l-​ikoni permezz tat-​twemmin popolari.” B’mod simili, il-​qassis Ortodoss Grieg Demetrios Constantelos jgħid fil-​ktieb tiegħu Understanding the Greek Orthodox Church: “Huwa possibbli għal Kristjan li jagħmel ikona l-​oġġett taʼ qima.”

L-istqarrija li jagħmlu xi wħud li l-​ikoni huma sempliċement għajnuniet għall-​qima tqajjem dubji kbar. Għala? Sewwa, m’huwiex minnu li ċerti ikoni partikulari taʼ Marija jew taʼ xi “qaddisin” jitqiesu li jistħoqqilhom iktar devozzjoni, u jgħidu li huma iktar effettivi minn ikoni oħra li jirrappreżentaw lill-​istess individwu li miet żmien twil ilu? Per eżempju, ikona partikulari li tirrappreżenta lil Marija tinsab f’Tínos, fil-​Greċja, u għandha d-​devoti Ortodossi tagħha. Fl-​istess waqt hemm ikona f’Soumela, fit-​tramuntana tal-​Greċja, li wkoll tirrappreżenta lil Marija u għandha d-​devoti tagħha li huma fidili lejha daqs l-​ikona l-​oħra. Dawn ma jaqblux bejniethom. Iż-​żewġ gruppi taʼ devoti jemmnu li l-​ikona tagħhom hija l-​aqwa, u li tagħhom tagħmel mirakli iktar impressjonanti minn l-​oħra, avolja t-​tnejn li huma jirrappreżentaw lill-​istess persuna li ilha mejta. Mela, fil-​prattika, in-​nies jattribwixxu poteri reali lil ċerti ikoni u jqimuhom.

Talb lill-​“Qaddisin” jew lil Marija?

Iżda, xi ngħidu dwar il-​venerazzjoni taʼ individwi, bħal Marija jew il-​“qaddisin”? Meta ġie ttantat minn Satana, Ġesù rrefera għal Dewteronomju 6:13 u qal: “Lill-​Mulej, Alla tiegħek, għandek tadura, u lilu biss taqdi.” (Mattew 4:10) Iktar tard hu qal li l-​adoraturi veri kellhom jaduraw “lill-​Missier,” u lil ħadd iktar. (Ġwann 4:23) Minħabba li rrealizza dan, wieħed mill-​anġli ċanfar lill-​appostlu Ġwanni talli pprova jqimu, u qallu: “Ara li ma tagħmilx dan! . . . Lil Alla agħti qima.”—Apokalissi 22:​9, Saydon.

Huwa xieraq li nitolbu lil Marija, l-​omm li kellu Ġesù fuq l-​art, jew lil xi “qaddisin” partikulari, u nitolbuhom biex jidħlu għalina quddiem Alla? It-​tweġiba diretta tal-​Bibbja hi: “Għax wieħed hu Alla, u wieħed hu l-​medjatur bejn Alla u l-​bniedem, il-​Bniedem Kristu Ġesù.”—1 Timotju 2:5.

Ħares ir-​Relazzjoni Tiegħek m’Alla

Ladarba l-​użu taʼ l-​ikoni fil-​qima jmur kontra t-​tagħlim ċar tal-​Bibbja, dan ma jistax jgħin lin-​nies biex ikollhom l-​approvazzjoni t’Alla u jiksbu s-​salvazzjoni. Għall-​kuntrarju, Ġesù qal li l-​ħajja taʼ dejjem tiddependi milli nieħdu għarfien dwar l-​uniku Alla veru, insiru midħla tal-​personalità tiegħu li ma tistaʼ titqabbel maʼ xejn, u nsiru nafu l-​iskopijiet tiegħu u l-​mod kif jimxi mal-​bnedmin. (Ġwann 17:3) Ikoni li la jaraw, la jħossu, u lanqas jitkellmu ma jgħinuhx lil dak li jkun biex isir jaf lil Alla u jqimu b’mod aċċettabbli. (Salm 115:​4-8) Dak it-​tagħlim tant importanti dwar l-​uniku Alla veru jistaʼ jinkiseb biss permezz taʼ studju tal-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja.

Minbarra li ma jagħmel l-​ebda ġid, l-​użu taʼ l-​ikoni fil-​qima jistaʼ jkun perikoluż spiritwalment. Dan kif? L-​ewwelnett, għax dan jistaʼ jkisser ir-​relazzjoni taʼ l-​individwu maʼ Jehovah. Rigward in-​nies taʼ Iżrael, li “rrabjawh b’idoli taʼ min jistmerrhom,” Alla bassar: “Se naħbi wiċċi minnhom.” (Dewteronomju 32:​16, 20, The New American Bible) Biex jerġgħu jibnu r-​relazzjoni tagħhom m’Alla, huma kellhom ‘iqaċċtu ’l barra l-​idoli midinba.’—Isaija 31:​6, 7, NAB.

Għaldaqstant, kemm huwa f’waqtu l-​parir Skritturali: “Uliedi, ħarsu rwieħkom mill-​idoli”!—1 Ġwann 5:21.

[Kaxxa f’paġna 6]

Megħjunin biex Iqimu “fl-​Ispirtu”

Olivera kienet devota ħafna tal-​Knisja Ortodossa fl-​Albanija. Fl-​1967, meta l-​pajjiż ipprojbixxa r-​reliġjon, Olivera kompliet tipprattika r-​reliġjon tagħha bil-​moħbi. Hi kienet tuża parti kbira min-​naqra pensjoni li kellha biex tixtri ikoni tad-​deheb u l-​fidda, inċens, u xema’. Kienet taħbihom fis-​sodda tagħha u taʼ spiss kienet torqod fuq siġġu maġenb is-​sodda għax kellha l-​biżaʼ li xi ħadd setaʼ jarahom jew jisraqhom. Wara l-​1990, ix-​Xhieda taʼ Jehovah żaru lil Olivera, u din indunat li l-​messaġġ tagħhom kien fih il-​verità tal-​Bibbja. Hi rat dak li tgħid il-​Bibbja dwar li l-​qima vera trid tkun “fl-​ispirtu,” u saret taf kif iħossu Alla dwar l-​użu taʼ l-​ikoni. (Ġwann 4:24) Ix-​Xhud li studjat il-​Bibbja magħha nnotat li kulmeta kienet iżżur lil Olivera fid-​dar tagħha, kien ikun hemm inqas ikoni mid-​darba taʼ qabel. Fl-​aħħar, ma kienx baqaʼ iktar. Wara li tgħammdet, Olivera kkummentat: “Illum, minflok l-​ikoni li ma jiswew xejn, għandi l-​ispirtu qaddis taʼ Jehovah. Kemm jien grata li m’għandix bżonn l-​ikoni biex nirċievi l-​ispirtu tiegħu.”

Athena, mill-​gżira taʼ Lesbos fil-​Greċja, kienet attiva immens fil-​Knisja Ortodossa. Kienet membru tal-​kor u kienet timxi fuq it-​tradizzjoni reliġjuża sa l-​inqas dettall, inkluż l-​użu taʼ l-​ikoni. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah għenu lil Athena tirrealizza li mhux dak kollu li kienet ġiet mgħallma kien jaqbel mal-​Bibbja. Dan kien jinkludi l-​użu taʼ l-​ikoni u s-​slaleb fil-​qima. Athena insistiet li tfittex għall-​affari tagħha rigward l-​oriġini taʼ dawn l-​oġġetti reliġjużi. Wara li għamlet tfittxija bir-​reqqa f’diversi kotba taʼ referenza, kienet konvinta li dawn l-​oġġetti ma kellhomx oriġini Kristjana. Ix-​xewqa tagħha li tqim lil Alla “fl-​ispirtu” wasslitha biex teħles mill-​ikoni li kellha, avolja kienu jiswew ħafna flus. Madankollu, Athena kienet lesta li titlef il-​flus basta tqim lil Alla b’mod nadif u aċċettabbli spiritwalment.—Atti 19:19.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 7]

Huma l-​Ikoni Sempliċement Opra taʼ l-​Arti?

F’dawn l-​aħħar snin saru kollezzjonijiet taʼ ikoni Ortodossi madwar id-​dinja kollha. Ġeneralment il-​kollezzjonisti ma jqisux l-​ikona bħala oġġett reliġjuż sagru, imma bħala opra taʼ l-​arti li tirrifletti l-​kultura Biżantina. M’hijiex xi ħaġa rari li tara ħafna minn dawn l-​ikoni reliġjużi mdendlin fid-​dar jew fl-​uffiċċju taʼ xi ħadd li jgħid li hu ateu.

Madankollu, il-​Kristjani sinċieri ma jinsewx x’inhu l-​iskop prinċipali taʼ l-​ikona. Din hija oġġett li jintuża għall-​qima. Filwaqt li l-​Kristjani ma jiċħdux id-​dritt li ħaddieħor jistaʼ jkollu dawn l-​ikoni, huma personalment ma jippossedux ikoni, anki bħala parti minn kollezzjoni biss. Dan hu fi qbil mal-​prinċipju misjub f’Dewteronomju 7:26: “Iddaħħalx f’darek ebda ħaġa mistkerrha [xbihat użati fil-​qima], inkella tkun meqrud bħalha; għandek titqażżiżha u tistkerrahha.”

[Stampa f’paġna 7]

Alla ma ttollerax l-​użu tax-​xbihat fil-​qima

[Stampa f’paġna 8]

L-​għarfien mill-​Bibbja jgħinna nqimu lil Alla fl-​ispirtu

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja