Lejn Min Għandek Tkun Leali?
“Pajjiżna: . . . Jalla dejjem ikun fit-tajjeb; iżda dejjem pajjiżna, fit-tajjeb jew fil-ħażin.”—Stephen Decatur, uffiċjal navali taʼ l-Istati Uniti, 1779-1820.
GĦAL ħafna nies, lealtà assoluta lejn pajjiżhom hija l-iktar obbligazzjoni importanti. Oħrajn għandhom mnejn jgħidu l-kliem taʼ Stephen Decatur b’mod ieħor, ‘Ir-reliġjon tiegħi, jalla dejjem tkun fit-tajjeb; iżda dejjem ir-reliġjon tiegħi, fit-tajjeb jew fil-ħażin.’
Fir-realtà, ir-reliġjon jew il-pajjiż li jesiġi l-lealtà tagħna huwa spiss determinat mill-post fejn nitwieldu, iżda d-deċiżjoni lejn min għandna nkunu leali hija importanti wisq biex inħalluha tkun każ taʼ kumbinazzjoni. Madankollu, biex dak li jkun jiddubita l-lealtajiet li trabba fihom irid ikun kuraġġuż, u dan joħloqlu sfida.
Prova tal-Lealtajiet
Waħda mara li trabbiet fiz-Zambja tgħid: “Sa minn ċkuniti kont reliġjuża. It-talb kuljum fil-post fejn il-familja kienet tinġabar għall-qima, l-osservanza taʼ jiem reliġjużi, u l-attendenza regulari fit-tempju kienu jagħmlu parti mit-trobbija tiegħi. Ir-reliġjon u l-qima tiegħi kienu minsuġa mal-kultura, il-komunità, u l-familja tiegħi.”
Madankollu, meta kellha qrib l-għoxrin sena, bdiet tistudja l-Bibbja max-Xhieda taʼ Jehovah u ftit wara ddeċidiet li tibdel ir-reliġjon tagħha. Kienet hi qed turi nuqqas taʼ lealtà b’dan l-għemil?
Zlatko trabba fil-Bosnia, u għal xi żmien ħa sehem fil-ġlied li ħakem l-art twelidu. Hu wkoll beda jistudja l-Bibbja max-Xhieda taʼ Jehovah. Issa hu jirrifjuta li jiġġieled kontra xi ħadd. Qiegħed hu juri nuqqas taʼ lealtà?
Il-mod kif twieġeb għal dawn il-mistoqsijiet jiddependi mill-ħarsa tiegħek. Il-mara li semmejna iktar kmieni tgħid: “Fil-komunità tiegħi, il-konsegwenza taʼ li wieħed jibdel ir-reliġjon kienet li dak li jkun jibqaʼ b’marka taʼ diżunur; kien jitqies bħala li qed jonqos milli juri lealtà, jiġifieri li qed jittradixxi l-familja u l-komunità tiegħu.” Bl-istess mod, il-ħbieb li Zlatko kellu qabel fil-militar, kienu jħarsu lejn dawk kollha li jirrifjutaw li jiġġieldu man-naħa tagħhom bħala tradituri. Iżda kemm dik il-mara kif ukoll Zlatko jħossu li l-azzjonijiet tagħhom huma mqanqlin minn forma ogħla taʼ lealtà—lealtà lejn Alla. Iktar importanti minn hekk, Alla kif iħares lejn dawk li jridu jkunu leali lejh?
Il-Lealtà Vera —Espressjoni taʼ Mħabba
Is-Sultan David qal lil Alla Jehovah: “Maʼ min hu tajjeb [“leali,” NW], int timxi bit-tajjeb [“bil-lealtà,” NW].” (2 Samwel 22:26) Hawnhekk il-kelma Ebrajka tradotta “lealtà” ġġorr il-ħsieb taʼ qalb tajba li b’imħabba tintrabat maʼ oġġett sakemm jitwettaq l-iskop tagħha fi qbil maʼ dan l-oġġett. B’attitudni bħal dik taʼ omm li treddaʼ lit-tarbija tagħha, Jehovah b’imħabba jorbot lilu nnifsu maʼ dawk li huma leali lejh. Jehovah qal lill-qaddejja leali tiegħu f’Iżrael tal-qedem: “Tistaʼ mara tinsa t-tarbija tagħha, u ma tħennx għal bin ġufha? Mqar jekk din tinsa, jien ma ninsiek qatt!” (Isaija 49:15) Dawk li huma lesti jpoġġu l-lealtà lejn Alla l-ewwel u qabel kollox f’ħajjithom, huma żgurati li hu se jieħu ħsiebhom b’imħabba.
Il-lealtà lejn Jehovah hija bbażata fuq l-imħabba. Din tqanqal lill-individwu biex iħobb dak li Jehovah iħobb u jobgħod l-affarijiet ħżiena li Jehovah jobgħod. (Salm 97:10) Peress li l-iktar kwalità li tispikka taʼ Jehovah hija l-imħabba, il-lealtà lejn Alla tgħin lill-individwu jżomm lura milli jaġixxi b’nuqqas taʼ mħabba maʼ oħrajn. (1 Ġwann 4:8) Mela jekk biex juri l-lealtà lejn Alla individwu jibdel it-twemmin reliġjuż tiegħu, dan ma jfissirx li m’għadux iħobb lill-familja tiegħu.
Il-Lealtà Lejn Alla —Qawwa Pożittiva
Il-mara li ssemmiet iktar kmieni tispjega l-azzjonijiet tagħha b’dan il-mod: “Matul l-istudju tiegħi tal-Bibbja, sirt naf lil Jehovah bħala dak Alla veru, u żviluppajt relazzjoni persunali miegħu. Jehovah m’huwiex bħall-allat li kont inqim qabel; huwa bilanċjat b’mod perfett fl-imħabba, il-ġustizzja, l-għerf, u l-qawwa. Ladarba Jehovah jeħtieġ devozzjoni esklużiva, kelli nitlaq lill-allat l-oħra.
“Il-ġenituri qaluli kemm-il darba li ma kinux qed jieħdu gost bija u li kont qed niddiżappuntahom. Dan sibtu diffiċli, peress li l-approvazzjoni tal-ġenituri kienet tfisser ħafna għalija. Iżda hekk kif bdejt nikber fl-għarfien tal-verità, l-għażla saret waħda ovvja għalija. Ma stajtx nagħti dahri lil Jehovah.
“Il-fatt li għażilt li nkun leali lejn Jehovah minflok lejn it-tradizzjonijiet reliġjużi ma jfissirx li qed nonqos milli nuri lealtà lejn il-membri tal-familja tiegħi. Nagħmel ħilti kollha biex nurihom bil-kliem u bil-fatti li nifhem kif iħossuhom. Iżda jekk ma nkunx leali lejn Jehovah, ma nkunx qed inħalli lil taʼ dari jsiru jafuh, u b’hekk inkun verament qed nonqos milli nkun leali lejhom.”
Bl-istess mod, individwu ma jkunx traditur meta l-lealtà lejn Alla teħtieġ minnu li jibqaʼ politikament newtrali u jżomm lura milli jiġġieled bl-armi. Dan hu l-mod kif Zlatko jispjega l-azzjonijiet tiegħu: “Għalkemm trabbejt bħala Kristjan taʼ l-isem, iżżewwiġt mara li ma kellhiex l-istess twemmin tiegħi. Meta faqqgħet il-gwerra, iż-żewġ naħat riedu l-lealtà tiegħi. Ġejt sforzat biex nagħżel maʼ liema naħa se niġġieled. Iġġilidt fil-gwerra għal tliet snin u nofs. Imbagħad jien u marti ħrabna lejn il-Kroazja, fejn iltqajna max-Xhieda taʼ Jehovah.
“Mill-istudju tagħna tal-Bibbja, bdejna nifhmu li primarjament għandna nkunu leali lejn Jehovah u li hu jridna nħobbu lill-proxxmu tagħna tkun xi tkun ir-reliġjon jew ir-razza tiegħu. Issa jien u marti ninsabu magħqudin fil-qima taʼ Jehovah, u tgħallimt li ma nistax inkun leali lejn Alla u fl-istess ħin niġġieled kontra l-proxxmu tiegħi.”
Il-Lealtà Msawra fuq Għarfien Eżatt
Peress li Jehovah huwa l-Ħallieq tagħna, il-lealtà tagħna lejh għandha bi dritt tiġi qabel l-affarijiet l-oħra kollha li ħaqqhom il-lealtà tagħna. (Apokalissi 4:11) Madankollu, biex nevitaw li l-lealtà lejn Alla tinbidel f’qawwa fanatika u distruttiva, din trid tiġi msawra fuq għarfien eżatt. Il-Bibbja tħeġġiġna: “Għandkom tiġġeddu b’tibdila spiritwali tal-fehma tagħkom u tilbsu l-bniedem il-ġdid, maħluq skond Alla, fil-. . . qdusija [“lealtà,” “NW”] tassew.” (Efesin 4:23, 24, korsiv tagħna.) Ir-raġel magħruf li kiteb dan il-kliem ispirat kellu l-kuraġġ jiddubita l-lealtajiet li trabba fihom. L-eżami tiegħu wasslu biex jagħmel bidla li swietlu taʼ ġid.
Iva, il-lealtajiet taʼ Sawl għaddew minn prova, l-istess bħal dawk taʼ ħafna wħud fi żmienna. Sawl trabba fit-tradizzjonijiet stretti tal-familja tiegħu, u sar leali b’mod li jispikka lejn ir-reliġjon li twieled fiha. Il-lealtà lejn il-miri reliġjużi tiegħu saħansitra qanqlitu jwettaq atti vjolenti kontra dawk li ma kinux jaqblu mal-ħarsa tiegħu. Sawl kien magħruf bħala wieħed li jinvadi d-djar tal-Kristjani u jkaxkarhom ’il barra biex jiġu kastigati u saħansitra maqtulin.—Atti 22:3-5; Filippin 3:4-6.
Madankollu, minn meta Sawl kiseb l-għarfien eżatt tal-Bibbja, hu għamel dak li ħafna minn sħabu lanqas biss kienu jimmaġinawh. Bidel ir-reliġjon tiegħu. Sawl, li iktar tard sar magħruf bħala l-appostlu Pawlu, għażel li jkun leali lejn Alla minflok lejn it-tradizzjoni. Il-lealtà lejn Alla bbażata fuq għarfien eżatt qanqlet lil Sawl biex ikun tolleranti, inkuraġġanti, u juri mħabba b’kuntrast maʼ kif kien iġib ruħu qabel bħala bniedem li jagħmel il-ħsara u fanatiku.
Għala Għandek Tkun Leali?
Meta nħallu l-lealtajiet tagħna jiġu msawrin mil-livelli t’Alla jkollna benefiċċji li jidhru b’mod ċar. Per eżempju, fl-1999, rapport mill-Istitut Awstraljan taʼ l-Istudji tal-Familja stqarr li fost l-iktar affarijiet importanti għal żwiġijiet dejjiema u sodisfaċenti hemm “il-fiduċja u l-fedeltà . . . [u] sens taʼ spiritwalità.” L-istess studju sab li “żwiġijiet stabbli u sodisfaċenti” jgħinu lill-irġiel u n-nisa jkunu iktar kuntenti, f’saħħithom, u jgħixu iktar. L-istudju sab ukoll li t-tfal fi żwiġijiet stabbli għandhom l-opportunità li jkollhom ħajja ferħana.
Fid-dinja mimlija inċertezzi taʼ llum, il-lealtà hija bħal ħabel li għawwiem f’diffikultà jaqbad miegħu biex iżomm mad-dgħajsa taʼ salvataġġ. Jekk l-“għawwiem” m’għandux lealtajiet, se jsib ruħu mitfugħ ’l hemm u ’l hawn bħallikieku bil-mewġ u r-riħ. Iżda jekk il-lealtà tiegħu tkun żbaljata, ikun bħallikieku l-ħabel jinsab imqabbad maʼ dgħajsa li qed tegħreq. Bħal Sawl, jistaʼ jsib ruħu mkaxkar f’mod taʼ ħajja qerriedi. Madankollu, il-lealtà lejn Jehovah, ibbażata fuq għarfien eżatt, hija ħabel li jżommna fis-sigurtà u jwassalna għas-salvazzjoni.—Efesin 4:13-15.
Jehovah jagħmel din il-wegħda lil dawk li huma leali lejh: “Għax il-Mulej iħobb is-sewwa, u ma jitlaqx it-twajbin [“lill-uħud leali,” NW] tiegħu, hu jħarishom għal dejjem.” (Salm 37:28) Dalwaqt, dawk kollha li huma leali lejn Jehovah se jitħallew jidħlu f’ġenna taʼ l-art, fejn se jgawdu l-libertà min-niket u l-uġigħ u se jitpaxxew b’relazzjonijiet dejjiema, ħielsa mid-diviżjonijiet reliġjużi u politiċi.—Apokalissi 7:9, 14; 21:3, 4.
Anki issa stess, miljuni madwar il-globu skoprew li l-ferħ veru jiġi biss meta jkunu leali lejn Jehovah. Għax ma tħallix lix-Xhieda taʼ Jehovah jgħinuk teżamina l-ħarsa tiegħek dwar il-lealtà fid-dawl tal-verità tal-Bibbja? Il-Bibbja tgħidilna: “Għarblu lilkom infuskom jekk intomx fil-fidi; ġarrbu lilkom infuskom.”—2 Korintin 13:5.
Neħtieġu l-kuraġġ biex neżaminaw il-fidi tagħna u naraw għala aħna leali lejha, iżda l-premjijiet se jkun jixirqilhom l-isforz kollu li nagħmlu meta r-riżultat iġibna eqreb taʼ Alla Jehovah. Il-mara li ġiet kwotata qabel tesprimi s-sentimenti taʼ ħafna nies meta tgħid: “Tgħallimt li l-fatt li nkunu leali lejn Jehovah u l-livelli tiegħu jgħinna nkunu bilanċjati fil-mod kif nimxu mal-familji tagħna u nsiru membri aħjar tal-komunità. Ikunu kemm ikunu diffiċli l-provi, jekk aħna leali lejn Jehovah, hu dejjem se jkun leali lejna.”
[Stampi f’paġna 6]
Għarfien eżatt qanqal lil Sawl biex jibdel il-mira tal-lealtà tiegħu
[Stampa f’paġna 7]
Għax ma teżaminax il-lealtajiet tiegħek fid-dawl tal-verità tal-Bibbja?
[Sors tal-Istampas f’paġna 4]
Churchill, stampa tax-xellug fuq: U.S. National Archives photo; Joseph Göbbels, fit-tarf fuq il-lemin: Library of Congress