Dinja b’Ideat Mgħawġa dwar il-Lealtà
KIEN il-Ġimgħa fil-għaxija, lejla sħuna f’Tel Aviv, ġewwa Iżrael, meta wieħed żagħżugħ ngħaqad maʼ grupp żgħażagħ oħra li kienu qed jistennew quddiem nightclub. Ftit mumenti wara, splużjoni qawwija ħarbtet il-folla.
Qattiel suwiċida ieħor kien ta ħajtu u ħasad b’mod vjolenti l-ħajjiet taʼ 19-il żagħżugħ ieħor billi sploda bomba. “Partijiet taʼ iġsma maʼ kullimkien, kollha żgħażagħ, tant kienu għadhom żgħar—kienet l-iktar xena tal-waħx li qatt rajt,” qal wieħed tabib iktar tard lill-ġurnalisti.
“Huma l-kwalitajiet li kulħadd jammira, bħal-lealtà . . . , li jistgħu jagħmlu l-gwerer iktar faċli biex jinbdew u iktar diffiċli biex jispiċċaw,” kiteb Thurstan Brewin f’The Lancet. Tassew, mill-Kruċjati tal-Kristjaneżmu sal-massakri organizzati tal-Ġermanja Nazista, l-istorja umana hija mdemmija bit-tbiċċir tan-nies li sar f’isem il-lealtà.
Il-Vittmi tan-Nuqqas taʼ Lealtà Jiżdiedu
Mingħajr ebda dubju, il-lealtà fanatika tistaʼ tkun qerrieda, iżda n-nuqqas taʼ lealtà jistaʼ wkoll jifred lis-soċjetà. Skond il-Webster’s New Encyclopedic Dictionary, li tkun leali jfisser li tkun fidil lejn persuna jew kawża, u jimplika li individwu jibqaʼ jżomm sod minkejja kwalunkwe tentazzjoni biex jabbanduna jew jittradixxi. Waqt li ħafna nies jgħidu li jammiraw dan it-tip taʼ lealtà, is-soċjetà qed tbati minn nuqqas kbir taʼ lealtà fejn hija l-iktar meħtieġa—fil-familja. Ir-rata tad-divorzju telgħet m’ogħla s-sema, imsaħħa mill-enfasi fuq is-suċċess persunali, l-istress u t-tensjoni tal-ħajja taʼ kuljum, u l-effetti taʼ l-infedeltà sesswali li qiegħda dejjem tinfirex. U bħall-vittmi taʼ l-isplużjoni f’Tel Aviv, iż-żgħażagħ huma spiss vittmi innoċenti.
Skond rapport wieħed, “ġeneralment l-edukazzjoni tat-tfal hija waħda minn dawk l-affarijiet li jmorru lura minħabba n-nuqqas taʼ stabbiltà fil-familji, kaġunat minn divorzju, separazzjoni, u l-fatt li jkunu familji b’ġenitur wieħed.” Jidher li s-subien li jitrabbew mill-omm biss qegħdin iktar fir-riskju li jaqgħu lura fl-edukazzjoni, jagħmlu suwiċidju, u jwettqu att kriminali bħala minorenni. Kull sena, miljun tifel u tifla fl-Istati Uniti jaraw lill-ġenituri jiddivorzjaw, u nofs it-tfal li jitwieldu lil ġenituri miżżewġin f’dak il-pajjiż wisq probabbli se jisfaw vittmi tad-divorzju sakemm jagħlqu t-18-il sena. L-istatistiċi juru li ħafna żgħażagħ f’partijiet oħra tad-dinja għandhom dan l-istess prospett taʼ qsim il-qalb.
Il-Lealtà—Livell Għoli Wisq?
Il-falliment tal-lealtajiet tradizzjonali li jeżisti bħalissa jagħmel il-kliem tas-Sultan Salamun iktar xieraq minn qatt qabel: “Għajnuna, Mulej, għax m’hawnx aktar twajbin [“leali,” NW]; għabu s-sinċiera minn fost il-bnedmin.” (Salm 12:2 [12:1, NW]) Għala hawn daqshekk nuqqas taʼ lealtà maʼ kullimkien? Roger Rosenblatt, fl-artiklu tiegħu fir-rivista Time, jikkummenta: ‘Minkejja l-livell għoli li għandha l-lealtà, hemm sempliċement wisq biżaʼ, nuqqas taʼ fiduċja fina nfusna, opportuniżmu, u ambizzjoni fil-mod kif aħna magħmulin biex nistennew li aħna, bnedmin dgħajfa moralment, inżommu mal-livelli tagħha.’ Meta tispjega ż-żmien li qed ngħixu fih, il-Bibbja tistqarr b’mod ċar: “Il-bnedmin jingħataw għall-imħabba tagħhom infushom . . . bla tjieba [“m’humiex leali,” NW]; bla qalb.”—2 Timotju 3:1-5.
Meta nikkunsidraw l-effett qawwi li l-lealtà—jew in-nuqqas tagħha—għandha fil-mod kif jaħseb u jaġixxi individwu, għandna mnejn nistaqsu, ‘Min jixraqlu bi dritt il-lealtà tagħna?’ Innota x’għandu xi jgħid l-artiklu li jmiss dwar din il-mistoqsija.
[Sors tal-Istampa f’paġna 3]
Ir-ritratt t’hawn fuq: © AFP/CORBIS