“Ejjew Għandi, . . . U Jiena Nserraħkom”
Iż-Żgħar li Huma bħal Qtar tan-Nida Rifreskanti
M’GĦANDNIEX xi ngħidu, Ġesù Kristu inkluda lis-segwaċi żgħar tiegħu meta qal: “Ejjew għandi, . . . u jiena nserraħkom [“nirrifreskakom,” NW].” (Mattew 11:28) Meta n-nies bdew iġibu liż-żgħar tagħhom għandu, id-dixxipli tiegħu pprovaw iwaqqfuhom. Imma Ġesù qal: “Ħalluhom it-tfal żgħar jiġu għandi; iżżommuhomx.” Ġesù saħansitra “ħaddanhom miegħu u qiegħed idejh fuqhom u berikhom.” (Mark 10:14-16) Bla dubju taʼ xejn, Ġesù qies liż-żgħar bħala prezzjużi.
Il-Bibbja titkellem dwar irġiel u nisa żgħażagħ leali, kif ukoll dwar adolexxenti u tfal ċkejknin, li ħallewlna eżempju eċċellenti fil-mod kif qdew lil Alla. Il-ktieb tas-Salmi jbassar ‘kumpanija taʼ rġiel żgħażagħ’ li hi rifreskanti bħal qtar tan-nida. Jitkellem ukoll dwar irġiel “żgħażagħ” u “xbejbiet” li jfaħħru l-isem taʼ Jehovah.—Salm 110:3, NW; 148:12, 13.
Post li Fih iż-Żgħażagħ Jiffjorixxu
Ix-xebh maʼ qtar tan-nida huwa xieraq, għax in-nida hi assoċjata maʼ l-abbundanza u l-barka. (Ġenesi 27:28) Il-qtar tan-nida huwa ġentili u rifreskanti. F’dan iż-żmien tal-preżenza taʼ Kristu, numru kbir taʼ żgħażagħ Kristjani joffru lilhom infushom minn jeddhom u b’ħerqa kbira. Bħal qtar tan-nida rifreskanti, ħafna rġiel u nisa li għadhom żgħar jaqdu bil-ferħ lil Alla u jgħinu lill-Kristjani sħabhom.—Salm 71:17.
Żgħażagħ Kristjani m’humiex biss taʼ serħan għall-oħrajn; huma nfushom isibu serħan fis-servizz tagħhom. L-organizzazzjoni t’Alla tipprovdi ambjent fejn jistgħu jiffjorixxu. Billi jżommu morali għoljin, irġiel u nisa taʼ età żgħira jgawdu relazzjoni intima m’Alla. (Salm 119:9) Ġewwa l-kongregazzjoni, huma jieħdu sehem ukoll f’attivitajiet li jibnu u jsibu ħbieb veri—fatturi li jikkontribwixxu għal ħajja sodisfaċenti u sinifikanti.
‘Fejqan u Serħan’
Iħossuhom iż-żgħażagħ Kristjani bħal “qtar tan-nida”? Ara xi tgħid mara żagħżugħa, jisimha Tania, li hija involuta b’mod attiv fil-kongregazzjoni u li bil-ferħ tqattaʼ iktar minn 70 siegħa fix-xahar fil-ministeru. Kif tħossha? “Inħossni rifreskata u inkuraġġita,” tgħid hi. “Minħabba li f’ħajti għandi lil Jehovah u lill-organizzazzjoni tiegħu taʼ fuq l-art, dan kien taʼ ‘fejqan u serħan’ għalija.”—Proverbji 3:8, NW.
Ariel, żagħżugħa oħra li taqdi fil-ministeru full-time, tapprezza l-ikel spiritwali li tirċievi fil-kongregazzjoni. “Meta mmur għal-laqgħat Kristjani, konvenzjonijiet, u assembleat u nkun nistaʼ nieħu sehem mill-mejda spiritwali taʼ Jehovah, dan tassew isaħħaħni spiritwalment,” tgħid hi. “U tant jinkuraġġini l-fatt li madwar id-dinja kollha, għandi qaddejja sħabi.” Billi ddeskriviet l-ogħla sors taʼ rifreskar, hi tgħid: “Huwa tassew rifreskanti li jkolli lil Jehovah bħala l-ħabib tiegħi, speċjalment meta nismaʼ jew nara l-effetti terribbli li għandha din is-sistema fuq in-nies.”—Ġakbu 2:23.
Abishai, li għandu 20 sena, jaqdi bħala evanġelizzatur full-time u qaddej ministerjali fil-kongregazzjoni. Hu jiddeskrivi l-esperjenza tiegħu b’dan il-kliem: “Inħossni rifreskat minħabba li naf kif għandi nkampa mal-problemi li ż-żgħażagħ jiffaċċjaw illum. Il-verità mill-Bibbja għenitni biex nibqaʼ ffokat fuq dak li għandi bżonn nagħmel sabiex naqdi lil Jehovah b’ruħi kollha.”
Meta kien għadu adolexxent, Antoine kien jitlagħlu malajr. Darba minnhom ta daqqa taʼ siġġu lil sieħbu taʼ l-iskola, u uża lapes biex iweġġaʼ lil student ieħor. Antoine żgur li ma kienx persuna rifreskanti! Iżda t-tagħlim mill-Bibbja biddel l-imġiba tiegħu. Issa taʼ 19-il sena jaqdi bħala qaddej ministerjali u qaddej full-time fil-kongregazzjoni, u hu jgħid: “Nirringrazzja lil Jehovah li ppermettieli nakkwista l-għarfien tiegħu u għenni biex nara l-bżonn li neżerċita l-kontroll fuqi nnifsi u nbiddel il-mod taʼ ħajja tiegħi. B’dan il-mod, evitajt ħafna problemi.”
Oħrajn jinnotaw l-attitudni rifreskanti taʼ żgħażagħ Kristjani. Matteo huwa Xhud żagħżugħ li joqgħod l-Italja. L-għalliem tiegħu ddeċieda li kulmin jgħid kelma ħażina fil-klassi kellu jħallas ammont żgħir taʼ flus. Xi ftit taż-żmien wara, it-tfal talbu biex titneħħa din ir-regola minħabba li, huma qalu, “huwa impossibbli li ma tgħidx kliem baxx.” “Imma,” jispjega Matteo, “l-għalliema qalet li dan ma kienx veru, u użat lili, wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah, bħala eżempju, billi faħħritni quddiem il-klassi kollha minħabba li qatt ma kont ngħid kliem ħażin.”
Fi klassi indixxiplinata ġewwa t-Tajlandja, l-għalliema għajtet lil Racha taʼ 11-il sena biex iqum bil-wieqfa u faħħritu quddiem il-klassi kollha għall-imġiba tiegħu, filwaqt li qalet: “Għala ma timxux fuq l-eżempju tiegħu? Hu jistinka fl-istudju u għandu manjieri tajbin.” Imbagħad qalet lill-istudenti: “Naħseb li tridu ssiru Xhud taʼ Jehovah, bħal Racha, biex ikollkom kondotta aħjar.”
Hija xi ħaġa sabiħa li tara eluf taʼ żgħażagħ Kristjani jsiru jafu iktar lil Jehovah u jagħmlu r-rieda tiegħu. Żgħażagħ mill-aħjar bħal dawn juru iktar għerf minn oħrajn akbar minnhom fl-età. Alla jistaʼ jgħinhom jagħmlu suċċess mill-ħajja preżenti tagħhom kif ukoll jagħtihom futur glorjuż fid-dinja l-ġdida li ġejja. (1 Timotju 4:8) F’dan id-deżert spiritwali taʼ din is-sistema preżenti t’affarijiet, mimlija b’żgħażagħ frustrati u mhux sodisfatti, iż-żgħażagħ Kristjani llum jipprovdu kuntrast rifreskanti!