LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w02 10/1 pp. 9-11
  • Żgħażagħ li Jħobbu l-Verità

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Żgħażagħ li Jħobbu l-Verità
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Japprezzaw il-​Gwida tal-​Ġenituri
  • Apprezzament għal-​Laqgħat
  • Deċiżjoni Persunali
  • L-​Irwol tal-​Kongregazzjoni
  • Kif Jehovah Qed Imexxina
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Żgħażagħ Ferħanin fis-Servizz taʼ Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
  • Ir-Reliġjon—L-Għażla Tiegħi jew tal-Ġenituri?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • Qiegħed Int Tgħin lil Uliedek Biex Jagħżlu Lil Jehovah?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
w02 10/1 pp. 9-11

Żgħażagħ li Jħobbu l-Verità

“KIF jistaʼ żagħżugħ jimxi safi fi triqtu?” staqsa salmista Ebrew eluf taʼ snin ilu. (Salm 119:9) Din hija mistoqsija li għadha tgħodd sa llum għaliex fid-​dinja ż-​żgħażagħ qegħdin jiffaċċjaw ħafna problemi. Is-​sess maʼ ħafna persuni differenti ġab ir-​riskju taʼ l-​AIDS, u nofs minn dawk infettati b’din il-​marda terribbli huma żgħażagħ taʼ bejn il-​15 u l-​24 sena. L-​abbuż tad-​drogi wkoll ġab ħafna problemi, u temm ħesrem il-​ħajjiet taʼ ħafna żgħażagħ. Mużika baxxa; films vjolenti u immorali, programmi tat-​TV, u vidjos; u pornografija fuq l-​Internet iħallu influwenza qerrieda fuq iż-​żgħażagħ. Minħabba f’hekk, il-​mistoqsija tas-​salmista għadha tberren fl-​imħuħ taʼ ħafna ġenituri u żgħażagħ illum.

Is-salmista pprovda t-​tweġiba għall-​mistoqsija tiegħu stess: “Billi jħares il-​kelma tiegħek.” Mingħajr ebda dubju l-​Bibbja, il-​Kelma t’Alla, tipprovdi gwida mill-​aħjar għaż-​żgħażagħ, u billi jimxu fuqha ħafna żgħażagħ qed ikollhom suċċess f’ħajjithom. (Salm 119:105) Ejja neżaminaw ftit eżempji taʼ xi żgħażagħ li jħobbu lil Alla u li qed jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jibqgħu b’saħħithom spiritwalment f’dinja materjalistika u li moħħha fil-​pjaċiri.

Japprezzaw il-​Gwida tal-​Ġenituri

Jacob Emmanuel qeda għal xi snin bħala pijunier full-time u wara beda jaqdi fl-​uffiċċju tal-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Jehovah fil-​Messiku. B’apprezzament hu jiftakar kif żviluppat l-​imħabba tiegħu biex jaqdi lil Alla: “L-​iktar li influwenzawni kienu l-​ġenituri tiegħi, għalkemm sibt ħafna għajnuna wkoll mingħand xi aħwa spiritwali taʼ l-​esperjenza li kienu ħbieb tiegħi. Huma qanqluni biex insir inħobb ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar. Bil-​mod il-​mod huma ggwidawni fil-​mogħdija t-​tajba; qatt ma ħassejtni li kienu qed jisforzawni.”

David, li ilu diversi snin fil-​ministeru full-time, jiftakar kemm kien impressjonah il-​fatt li l-​ġenituri tiegħu bdew jaqdu bħala pijunieri speċjali meta hu u ħuh kienu għadhom żgħar ħafna. Meta miet missieru, ommu baqgħet taqdi bħala pijuniera speċjali. Hi ħadet ħsieb tat-​tfal filwaqt li kompliet tippriedka l-​aħbar tajba. “Qatt ma sforzawni biex inkun pijunier,” jgħid David “imma tant konna nieħdu pjaċir nagħmlu x-​xogħol taʼ pijunier bħala familja illi l-​kumpanija u l-​ambjent inkuraġġewni biex nagħmel l-​istess ħaġa.” Dwar l-​importanza taʼ direzzjoni tajba u attenzjoni mill-​ġenituri, David jgħid: “Kull fil-​għaxija, ommi kienet taqralna xi storja mill-​ktieb From Paradise Lost to Paradise Regained.a Il-​mod kif kienet tirrakkontahomlna għinna nsiru nħobbu nieħdu l-​ikel spiritwali.”

Apprezzament għal-​Laqgħat

Xi żgħażagħ isibuha diffiċli biex japprezzaw il-​laqgħat Kristjani. Jattendu għax jiħduhom il-​ġenituri tagħhom. Madankollu, jekk jibqgħu jattendu l-​laqgħat, maż-​żmien jistgħu jibdew jieħdu pjaċir bil-​laqgħat. Ikkunsidra lil Alfredo, li beda s-​servizz full-time meta kellu 11-il sena. Hu jammetti li meta kellu madwar ħames snin kien ipprova jevita li jmur il-​laqgħat peress li dawn kienu jraqqduh, imma l-​ġenituri tiegħu ma kinux iħalluh jorqod waqt il-​laqgħat. Hu jiftakar: “Iktar ma bdejt nikber, iktar bdejt ninteressa ruħi fil-​laqgħat, speċjalment meta tgħallimt nikteb u naqra għax imbagħad bdejt nikkummenta fi kliemi stess.”

Cintia, tfajla taʼ 17-il sena li taqdi bħala pijuniera regulari, tgħid dwar kemm kien importanti għaliha li jkollha sħubija tajba sabiex tiżviluppa mħabba għax-​xogħol t’Alla. Hi tgħid: “Relazzjoni tajba maʼ l-​aħwa u attendenza regulari għal-​laqgħat għinuni biex ma nimmissjax lil sħabi tad-​dinja u l-​attivitajiet popolari maż-​żgħażagħ, bħal li jmorru d-​diskoteki. Il-​kummenti u l-​esperjenzi li kont nismaʼ waqt il-​laqgħat nisslu ġo fija x-​xewqa li nagħti lil Jehovah dak kollu li għandi, u nħoss li l-​aħjar ħaġa li għandi hija żgħożiti. Għalhekk, iddeċidejt li nużaha fis-​servizz tiegħu.”

Minkejja dan, hi tammetti: “Kien hemm żmien, qabel ma tgħammidt, meta kont insibha faċli biex infalli l-​laqgħat, u kont nuża l-​ħowmwerk jew attivitajiet oħrajn taʼ l-​iskola bħala skuża. Fallejt diversi laqgħat u dan beda jeffettwani spiritwalment. Sirt ħabiba maʼ ġuvni li ma kienx jistudja l-​Bibbja. Grazzi għal Jehovah, irranġajt is-​sitwazzjoni fil-​ħin.”

Deċiżjoni Persunali

Meta Pablo, żagħżugħ ieħor li qed jaqdi lil Jehovah full-time, ġie mistoqsi dwar x’jaħseb li hi ċ-​ċavetta biex wieħed jiżviluppa mħabba għall-​verità tal-​Kelma t’Alla, hu qal: “Naħseb li hemm żewġ affarijiet: studju persunali regulari u żelu għax-​xogħol taʼ l-​ippridkar. Jien grat għall-​ġenituri tiegħi talli għallmuni l-​verità dwar Jehovah, u nħoss li din hi l-​aħjar ħaġa li qatt setgħu jagħtuni. Però, għandi bżonn li personalment inkun konvint għal liema raġuni nħobb lil Jehovah. Għal dan, hemm bżonn li nkun naf ‘il-​wisaʼ u l-​fond’ tal-​verità tal-​Bibbja. Hekk biss nistgħu nħossu xenqa għall-​Kelma taʼ Jehovah, li tkebbsilna ‘nar jaqbad’ ġewwa fina biex nitkellmu m’oħrajn dwarha. Dan iż-​żelu għax-​xogħol taʼ l-​ippridkar se jżommilna l-​apprezzament tagħna għall-​verità ħaj.”​—Efesin 3:​18; Ġeremija 20:9.

Jacob Emmanuel, li ssemma qabel, ukoll jiftakar fl-​importanza taʼ li wieħed jagħmel deċiżjoni persunali biex jaqdi ’l Jehovah. Hu jgħid li l-​ġenituri tiegħu qatt ma insistewlu biex jitgħammed. “Jien naħseb li hekk kien l-​aħjar, għax nistaʼ nara r-​riżultati tajbin. Per eżempju, xi żgħażagħ li kont nagħmilha ħafna magħhom iddeċidew li jitgħammdu flimkien. Għalkemm ma kien hemm xejn ħażin f’dan, stajt nara li xi wħud minnhom tgħammdu minħabba l-​emozzjoni tal-​mument, u ftit wara, iż-​żelu li kellhom għall-​attivitajiet tas-​Saltna majna. Fil-​każ tiegħi, il-​ġenituri ma sforzawnix biex nagħmel id-​deċiżjoni li niddedika ruħi lil Jehovah. Kienet deċiżjoni persunali.”

L-​Irwol tal-​Kongregazzjoni

Xi żgħażagħ tgħallmu l-​verità tal-​Kelma t’Alla waħedhom, mingħajr l-​għajnuna tal-​ġenituri tagħhom. Hija verament sfida biex f’ċirkustanzi bħal dawn titgħallem tagħmel is-​sewwa u ma tiqafx.

Noé jiftakar kemm ibbenefika mill-​verità. Sa minn ċkunitu kien vjolenti u jitlagħlu malajr. Taʼ 14-il sena, meta beda jistudja l-​Bibbja, it-​temperament tiegħu beda jmur għall-​aħjar, u għalhekk il-​ġenituri tiegħu, li ma kinux fil-​verità, kienu grati ħafna. Hekk kif Noé kompla miexi ’l quddiem spiritwalment, hu ried juża ħajtu iktar bis-​sħiħ fis-​servizz t’Alla. Issa hu qiegħed fil-​ministeru full-time.

Bl-istess mod, Alejandro beda jinteressa ruħu fil-​verità Kristjana taʼ età żgħira ħafna, minkejja li l-​ġenituri tiegħu ma kinux interessati. Hu jesprimi l-​apprezzament tiegħu għall-​verità billi jgħid: “Jien trabbejt ġo familja Kattolika tradizzjonali. Ladarba l-​Knisja ma weġibtx il-​mistoqsijiet li kienu ilhom iberrnu f’moħħi minn mindu kont għadni żgħir ħafna, bdejt ninteressa ruħi dejjem iktar fl-​ateiżmu Komunist. L-​organizzazzjoni taʼ Jehovah għenitni nikseb għarfien dwar Alla. Letteralment salvatli ħajti għax li kieku ma studjajtx il-​Bibbja, probabbilment kont ninvolvi ruħi fl-​immoralità, l-​alkoħoliżmu, jew id-​drogi. Saħansitra stajt ukoll insir parti minn xi grupp rivoluzzjonarju b’konsegwenzi koroh.”

Kif jistaʼ żagħżugħ ikompli jfittex il-​verità u jiggranfa magħha mingħajr l-​għajnuna tal-​ġenituri? Ovvjament, l-​anzjani u oħrajn fil-​kongregazzjoni għandhom parti importanti. Noé jiftakar: “Qatt ma ħassejtni waħdi, għax Jehovah dejjem kien qrib ħafna tiegħi. Ukoll, kelli l-​għajnuna kollha mħabba t’aħwa rġiel u nisa li saru missirijiet, ommijiet, u aħwa spiritwali għalija.” Hu issa jaqdi ġewwa Betel u juża l-​ħin tiegħu fix-​xogħol t’Alla. Bl-​istess mod, Alejandro jgħid: “Xi ħaġa li dejjem se nibqaʼ grat lejha hija li kelli l-​barka li nkun f’kongregazzjoni fejn l-​anzjani b’imħabba wrew interess fija bħala persuna. Jien grat għal dan b’mod speċjali għaliex meta bdejt nistudja l-​Bibbja, fl-​età taʼ 16-il sena, kont effettwat ukoll mill-​ansjetajiet li huma komuni fiż-​żgħożija. Il-​familji fil-​kongregazzjoni qatt m’abbandunawni. Dejjem kien hemm xi ħadd li jilqagħni b’ospitalità u li jaqsam miegħi mhux l-​ikel u d-​dar tiegħu biss imma wkoll qalbu.” Illum Alejandro ilu fis-​servizz full-time għal iktar minn 13-il sena.

Xi nies jaħsbu li r-​reliġjon hija biss għall-​kbar. Iżda ħafna żgħażagħ tgħallmu l-​verità tal-​Bibbja minn ċkunithom u saru jħobbu lil Jehovah u baqgħu leali lejh. Il-​kliem taʼ David li nsibu f’Salm 110:3 (Saydon) jistaʼ jiġi applikat għalihom: “Il-​poplu tiegħek minn rajh miegħek jingħaqad f’jum il-​qawwa tiegħek, fuq l-​iġbla mqaddsa; minn ġuf is-​sebħ lejk (jiġu) bħan-​nida ż-​żgħażagħ tiegħek.”

Hija sfida għaż-​żgħażagħ biex jitgħallmu l-​verità u jibqgħu sodi u leali. X’ferħ meta tara li ħafna qegħdin qrib taʼ l-​organizzazzjoni taʼ Jehovah, jattendu l-​laqgħat regolarment, u jħabirku biex jistudjaw il-​Bibbja. Billi jagħmlu dan, huma rnexxielhom jikkultivaw imħabba ġenwina għall-​Kelma t’Alla u s-​servizz tiegħu!​—Salm 119:​15, 16.

[Nota taʼ taħt]

a Pubblikat mix-​Xhieda taʼ Jehovah fl-​1958; issa m’għadux jiġi stampat.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja