Kif Jehovah Qed Imexxina
“Mexxini minn mogħdija dritta.”—SALM 27:11.
1, 2. (a) Jehovah kif qed imexxi lill-poplu tiegħu llum? (b) X’inhu involut f’li nieħdu vantaġġ bis-sħiħ mil-laqgħat?
JEHOVAH hu s-Sors tad-dawl u tal-verità, bħalma tgħallimna fl-artiklu taʼ qabel. Il-Kelma tiegħu ddawwal it-triq tagħna waqt li nivvjaġġaw fil-mogħdija d-dritta. Jehovah jmexxina billi jistruwina fit-triqat tiegħu. (Salm 119:105) Bħas-salmista tal-qedem, aħna nwieġbu bi gratitudni għad-direzzjoni t’Alla u nitolbu: “Urini, Mulej, it-triq tiegħek, mexxini minn mogħdija dritta.”—Salm 27:11.
2 Mod wieħed li bih Jehovah jipprovdi struzzjoni llum huwa permezz tal-laqgħat Kristjani. Qed nieħdu vantaġġ bis-sħiħ minn dan il-provvediment taʼ mħabba billi (1) nattendu regolarment, (2) nisimgħu l-programm bl-attenzjoni, u (3) nipparteċipaw mill-qalb f’partijiet li jinvolvu l-udjenza? Barra minn hekk, inwieġbu bi gratitudni meta nirċievu suġġerimenti li jgħinuna nibqgħu ‘fil-mogħdija d-dritta’?
Kif Inhi l-Attendenza Tiegħek għal-Laqgħat?
3. Waħda li taqdi full-time kif żviluppat id-drawwa tajba li tattendi l-laqgħat regolarment?
3 Xi pubblikaturi tas-Saltna ilhom jattendu l-laqgħat regolarment minn tfulithom. “Meta jien u ħuti konna qed nikbru fis-snin tletin,” tiftakar waħda li hi ministru full-time tax-Xhieda taʼ Jehovah, “ma kellniex għalfejn nistaqsu lill-ġenituri tagħna jekk konniex sejrin għal-laqgħa. Konna nafu li sejrin la ma konniex morda. Il-familja tagħna qatt ma kienet tfalli l-laqgħat.” Bħall-profetessa Anna, din l-oħt ‘ma titwarrab qatt’ mill-post taʼ qima lejn Jehovah.—Luqa 2:36, 37.
4-6.(a) Xi pubblikaturi tas-Saltna għala jfallu l-laqgħat? (b) Għala huwa kritiku li nattendu l-laqgħat?
4 Int fost dawk li jattendu l-laqgħat Kristjani regolarment, jew sirt irregolari f’dan ir-rigward? Xi Kristjani li ħasbu li kienu sejrin tajjeb iddeċidew li jkunu ċerti. Għal ftit ġimgħat, ħadu nota taʼ kull laqgħa li attendew. Meta rrevedew dak li kienu niżżlu fit-tmiem tal-perijodu stipulat, baqgħu skantati dwar kemm–il darba kienu tilfu l-laqgħat.
5 Xi ħadd jistaʼ jgħid, ‘Jien ma niskantax. Illum in-nies tant jinsabu taħt pressjoni li mhux faċli għalihom li jattendu l-laqgħat regolarment.’ Ċertament li veru qed ngħixu fi żminijiet stressanti, u kif sejrin l-affarijiet, il-pressjoni bla dubju se tiżdied. (2 Timotju 3:13) Imma ma jagħmlux dan iżjed kritiku li nattendu l-laqgħat regolarment? Mingħajr ammont kontinwu taʼ ikel spiritwali bnin biex isostnina, ma nistgħux nittamaw li nikkumbattu kontra l-pressjoni li din is-sistema ġġib fuqna. Iva, mingħajr sħubija regulari nistgħu niġu ttantati nabbandunaw għalkollox “triq it-tajbin”! (Proverbji 4:18) Veru, meta naslu d-dar wara ġurnata xogħol, forsi mhux dejjem ikollna aptit nattendu l-laqgħa. Madankollu, meta nattendu minkejja li nkunu għajjenin, nibbenefikaw aħna u ninkuraġġixxu lill-Kristjani sħabna fis-Sala tas-Saltna.
6 Lhud 10:25 jissuġġerixxi raġuni importanti oħra għala għandna nkunu regulari fl-attendenza għal-laqgħat. Hemm l-appostlu Pawlu jħeġġeġ lill-Kristjani sħabu biex jiltaqgħu flimkien ‘iktar ma jaraw li qiegħed joqrob il-jum.’ Iva, ma rridux ninsew il-fatt li ‘jum Jehovah’ hu qrib. (2 Pietru 3:12) Jekk naslu li nikkonkludu li tmiem din is-sistema għadu ’l bogħod ħafna, nistgħu nibdew inħallu l-interessi persunali jieħdu post l-attivitajiet spiritwali neċessarji, bħall-attendenza għal-laqgħat. Imbagħad, bħalma wissa Ġesù, ‘nistgħu nsibu dak il-jum fuqna għal għarrieda.’—Luqa 21:34.
Kun Semmiegħ Tajjeb
7. Għala huwa importanti li t-tfal joqogħdu attenti fil-laqgħat?
7 Mhux biżżejjed li sempliċement nattendu l-laqgħat. Irridu nagħtu widen bir-reqqa, billi noqogħdu attenti għal kulma jingħad hemmhekk. (Proverbji 7:24) Dan jinkludi lil uliedna. Meta tifel imur l-iskola, hu mistenni minnu li joqgħod attent għall-għalliem, anki meta xi suġġett partikulari ma jinteressahx jew donnu li ma jistax jifhmu. L-għalliem jaf li jekk it-tifel jipprova joqgħod attent, se jikseb xi benefiċċju mil-lezzjoni. Allura, m’huwiex raġunevoli li tfal li jmorru l-iskola għandhom joqogħdu attenti għall-istruzzjoni provduta fil-laqgħat tal-kongregazzjoni minflok ma jitħallew jorqdu hekk kif tibda l-laqgħa? Veru, fost il-veritajiet prezzjużi li fiha l-Iskrittura hemm xi “ħwejjeġ tqal biex wieħed jifhimhom.” (2 Pietru 3:16) Imma qatt m’għandna naħsbu li t-tfal m’humiex kapaċi jdaħħlu f’moħħhom. Alla ma jaħsibhiex hekk. Fi żminijiet Bibliċi, hu kkmanda lill-qaddejja ċkejknin tiegħu ‘biex jisimgħu u jitgħallmu, u jibżgħu minn Jehovah, u jqisu li jagħmlu l-kliem kollu taʼ din il-liġi,’ li xi ftit minnu kien bla dubju tqil biex jifhmuh it-tfal. (Dewteronomju 31:12; qabbel Levitiku 18:1-30.) Jistenna Jehovah inqas minn hekk mit-tfal illum?
8. Xi ġenituri liema passi jieħdu biex jgħinu lit-tfal tagħhom joqogħdu attenti fil-laqgħat?
8 Il-ġenituri Kristjani jirrealizzaw li l-ħtiġijiet spiritwali taʼ wliedhom jiġu parzjalment sodisfati permezz taʼ dak li jitgħallmu fil-laqgħat. Għaldaqstant, xi ġenituri jieħdu ħsieb li wliedhom jorqdu ftit qabel il-laqgħa, u b’hekk dawn imorru s-Sala tas-Saltna mistriħin u lesti biex jitgħallmu. Xi ġenituri jillimitaw strettament jew saħansitra jipprojbixxu b’mod għaqli lil uliedhom milli jaraw it-televixin meta jkollhom il-laqgħa. (Efesin 5:15, 16) U dawn il-ġenituri ma jħallux lit-tfal jiġu distratti b’affarijiet oħrajn, billi skond l-età u l-abbiltà tagħhom jinkuraġġuhom jagħtu widen u jitgħallmu.—Proverbji 8:32.
9. X’jistaʼ jgħinna niżviluppaw l-abbiltà li nagħtu widen?
9 Ġesù kien qed ikellem lill-adulti meta qal: “Mela oqogħdu attenti kif tisimgħu.” (Luqa 8:18) Illum, dan iktar faċli tgħidu milli tagħmlu. Irridu nammettu li huwa diffiċli li wieħed verament jagħti widen, imma din l-abbiltà tistaʼ tiġi żviluppata. Waqt li tkun qed tismaʼ xi taħdita bbażata fuq il-Bibbja jew xi parti mil-laqgħa, ipprova ddistingwi l-ideat prinċipali. Antiċipa x’ikun se jgħid il-kelliemi. Fittex xi punti li tistaʼ tuża fil-ministeru jew li tistaʼ tapplika f’ħajtek. Irrevedi mentalment il-punti hekk kif jiġu preżentati. Ħu noti qosra.
10, 11. Xi ġenituri kif għenu lil uliedhom isiru semmiegħa aħjar, u int liema metodi sibthom t’għajnuna?
10 Drawwiet tajbin rigward li nagħtu widen nitgħallmuhom l-aħjar taʼ età żgħira. Saħansitra qabel ma jitgħallmu jaqraw u jiktbu, xi tfal li jkunu għadhom ma jmorrux l-iskola jiġu inkuraġġiti mill-ġenituri tagħhom biex jieħdu xi “noti” matul il-laqgħat. Huma jagħmlu marka fuq biċċa karta kulmeta jintuża xi kliem familjari bħal “Jehovah,” “Ġesù,” jew “Saltna.” B’dan il-mod, it-tfal jistgħu jitgħallmu jikkonċentraw fuq dak li jkun qed jingħad minn fuq il-platform.
11 Anki tfal taʼ età akbar xi drabi jeħtieġu l-inkuraġġiment biex joqogħdu attenti. Billi nnota li ibnu, li kellu 11-il sena, kien qed jiċċassa matul konvenzjoni Kristjana, wieħed kap taʼ familja newwel Bibbja lill-ġuvnott u qallu biex ifittex l-iskritturi li jiġu msemmijin mill-kelliema. Il-missier, li kien qed jieħu n-noti, ħares lejn ibnu hekk kif dan żamm il-Bibbja. Wara dan, it-tifel segwa l-programm tal-konvenzjoni b’iktar entużjażmu.
Ħalli Leħnek Jinstemaʼ
12, 13. Għala huwa importanti li nieħdu sehem fil-kant mal-kongregazzjoni?
12 Is-Sultan David kanta: “U ndur madwar l-artal tiegħek, Mulej, biex ngħannilek ir-radd taʼ ħajr.” (Salm 26:6, 7) Il-laqgħat tax-Xhieda taʼ Jehovah jipprovdulna opportunitajiet eċċellenti biex nesprimu l-fidi tagħna b’leħen għoli. Mod wieħed kif nistgħu nagħmlu dan hu billi nieħdu sehem fil-kant mal-kongregazzjoni. Dan hu aspett importanti tal-qima tagħna, imma jistaʼ faċilment jiġi injorat.
13 Xi tfal żgħar li għadhom ma jafux jaqraw jitgħallmu bl-amment il-kliem taʼ l-għanjiet tas-Saltna li jkunu se jintużaw fil-laqgħat kull ġimgħa. Iħossuhom se jtiru bil-ferħ li jistgħu jkantaw flimkien mal-kbar. Madankollu, hekk kif it-tfal jibdew jikbru xi ftit, forsi ma jibqgħux ħerqanin biex jingħaqdu fil-kant taʼ l-għanjiet tas-Saltna. Xi adulti wkoll iżommu lura milli jkantaw fil-laqgħat. Iżda, il-kant huwa parti mill-qima tagħna, sewwa sew bħalma l-ministeru taʼ l-għalqa hu parti mill-qima tagħna. (Efesin 5:19) Aħna nagħmlu li nistgħu biex infaħħru lil Jehovah fil-ministeru taʼ l-għalqa. Ma nistgħux nigglorifikawh ukoll billi ngħollu leħinna—kemm jekk hu melodjuż u kemm jekk m’huwiex—biex inkantawlu tifħir mill-qalb?—Lhud 13:15.
14. Il-materjal li nistudjaw fil-laqgħat tal-kongregazzjoni għala jixraqlu jiġi mħejji minn qabel bir-reqqa?
14 Aħna nġibu wkoll tifħir lil Alla meta nagħtu kummenti li jibnu matul partijiet tal-laqgħat tagħna li jirrikjedu parteċipazzjoni mill-udjenza. Dan jitlob preparazzjoni. Jieħu l-ħin biex tirrifletti fil-fond dwar l-aspetti profondi tal-Kelma t’Alla. L-appostlu Pawlu, student ħerqan taʼ l-Iskrittura, dan irrealizzah. Kiteb: “Kemm huma kbar l-għana, l-għerf u l-għaqal taʼ Alla!” (Rumani 11:33) Kapijiet tal-familja, huwa vitali li tgħinu lil kull membru tal-familja tagħkom ifittex fl-għerf t’Alla, kif inhu rivelat fl-Iskrittura. Warrbu ftit ħin matul l-istudju tal-Bibbja bħala familja biex tispjegaw punti diffiċli u biex tgħinu lill-familja tagħkom tipprepara għal-laqgħat.
15. Liema suġġerimenti jistgħu jgħinu lil dak li jkun jikkummenta fil-laqgħat?
15 Jekk tixtieq tikkummenta iktar spiss fil-laqgħat, għala ma tħejjix minn qabel xi ħaġa li tixtieq tgħid? M’hemmx għalfejn xi ħaġa elaborata. Vers mill-Bibbja addattat moqri b’konvinzjoni jew ftit kliem magħżul tajjeb u ħiereġ mill-qalb ikun apprezzat ferm. Xi pubblikaturi jgħidu lil min ikun se jikkonduċi l-istudju jekk jistax iqabbad lilhom jagħmlu l-ewwel kumment fuq xi paragrafu speċifiku, sabiex ma jitilfux l-opportunità li jesprimu l-fidi tagħhom.
Min m’Għandux Esperjenza Jsir Għaref
16, 17. Anzjan x’parir tah lil wieħed qaddej ministerjali, u għala kien parir effettiv?
16 Fil-laqgħat tax-Xhieda taʼ Jehovah taʼ spiss niġu mfakkrin biex naqraw il-Kelma t’Alla kuljum. Din hi xi ħaġa rifreskanti li nagħmluha. Dan jgħinna wkoll nieħdu deċiżjonijiet għaqlin, nikkoreġu difetti fil-personalità, nirreżistu t-tentazzjonijiet, u niksbu mill-ġdid il-bilanċ spiritwali tagħna jekk inkunu ħadna xi pass fid-direzzjoni żbaljata.—Salm 19:7.
17 Anzjani taʼ esperjenza fil-kongregazzjoni huma disponibbli biex jipprovdu pariri Skritturali li huma mfasslin għall-ħtigijiet tagħna. Kulma rridu nagħmlu hu li ‘noħorġuhom’ billi nfittxu l-pariri tagħhom ibbażati fuq il-Bibbja. (Proverbji 20:5) Darba minnhom qaddej ministerjali żagħżugħ u b’ħafna entużjażmu staqsa lil wieħed anzjan għal xi suġġerimenti dwar kif jistaʼ jsir iktar utli fil-kongregazzjoni. L-anzjan, li kien jafu sewwa liż-żagħżugħ, fetaħ il-Bibbja tiegħu fl-1 Timotju 3:3, fejn tgħid li l-irġiel maħturin għandhom ikunu ‘raġunevoli.’ Urieh bil-ħlewwa modi fejn iż-żagħżugħ setaʼ juri r-raġunevolezza meta jittratta m’oħrajn. Ħassu offiż il-ħu żagħżugħ bil-parir sinċier li ngħata? Xejn affattu! “L-anzjan uża l-Bibbja,” hu spjega, “għalhekk irrealizzajt li l-parir kien ġej mingħand Jehovah.” Il-qaddej ministerjali applika l-parir bi gratitudni u qed jagħmel progress mill-aħjar.
18. (a) X’għen lil waħda Kristjana żagħżugħa tirreżisti t-tentazzjoni fl-iskola? (b) Liema siltiet mill-Bibbja jiġuk f’moħħok meta tiffaċċja xi tentazzjoni?
18 Il-Kelma t’Alla tistaʼ tgħin ukoll liż-żgħażagħ ‘jaħarbu l-ġibdiet taż-żgħożija.’ (2 Timotju 2:22) Xhud taʼ Jehovah żagħżugħa li m’ilhiex li spiċċat l-iskola sekondarja setgħet tirreżisti t-tentazzjoni matul is-snin taʼ studju billi mmeditat fuq ċerti siltiet mill-Bibbja u applikathom. Hi taʼ spiss ħasbet dwar il-parir imniżżel fi Proverbji 13:20: “Min jagħmilha maʼ l-għaref, isir għaref.” Għaldaqstant, qagħdet attenta li tikkultiva ħbiberiji biss maʼ dawk li jirrispettaw profondament il-prinċipji Skritturali. Irraġunat: “Jien m’iniex aħjar minn ħaddieħor. Jekk ninvolvi ruħi maʼ xi klikka ħażina, inkun irrid nogħġob lil ħbiebi, u dan jistaʼ jġibni fl-inkwiet.” Il-parir taʼ Pawlu li nsibu fit-2 Timotju 1:8 wkoll għenha. Hu kiteb: “Tistħi xejn minħabba fix-xhieda għal Sidna, . . . imma aqsam miegħi t-tbatija għall-Evanġelju.” Fi qbil maʼ dan il-parir, hi kienet bil-qlubija kollha u f’kull okkażjoni xierqa, twassal it-twemmin tagħha bbażat fuq il-Bibbja lil sħabha tal-klassi. Kulmeta kienet tiġi mqabbda tippreżenta rapport orali lill-klassi, kienet tagħżel suġġett li kien jippermettilha biex bit-tattika tagħti xiehda rigward is-Saltna t’Alla.
19. Wieħed żagħżugħ għala ma setax jirreżisti l-pressjonijiet taʼ din id-dinja, imma x’kien li tah lura s-saħħa spiritwali?
19 Jekk jiġri li nitbegħdu minn “triq it-tajbin,” il-Kelma t’Alla tistaʼ tgħinna nikkoreġu l-passi tagħna. (Proverbji 4:18) Raġel żagħżugħ li jgħix fl-Afrika dan tgħallmu mill-esperjenza persunali. Meta żaru wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah, hu aċċetta studju tal-Bibbja. Ħa pjaċir b’dak li kien qed jitgħallem imma wara ftit involva ruħu fi sħubija ħażina fl-iskola. Maż-żmien, waqaʼ fi stil taʼ ħajja immorali. “Il-kuxjenza tiegħi baqgħet titturmentani, u kelli nieqaf nattendi l-laqgħat,” hu jammetti. Ftit wara, beda jattendi l-laqgħat mill-ġdid. Iż-żagħżugħ għamel dan il-kumment li fih x’tixtarr: “Skoprejt li r-raġuni prinċipali taʼ dan kollu kienet għax kont qed immut bil-ġuħ spiritwalment. Ma kontx nagħmel studju persunali. Kien għalhekk li ma stajtx nirreżisti t-tentazzjoni. Imbagħad bdejt naqra It-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ! Bil-mod il-mod, ksibt lura s-saħħa spiritwali tiegħi u naddaft ħajti. Din kienet xiehda tajba għal dawk li nnotaw il-bidliet li għamilt. Tgħammidt, u issa jien kuntent.” X’kien li ta lil dan iż-żagħżugħ is-saħħa biex jegħleb id-dgħjufijiet karnali tiegħu? Kiseb lura s-saħħa spiritwali tiegħu permezz taʼ studju persunali u regulari tal-Bibbja.
20. Żagħżugħ kif jistaʼ jirreżisti l-attakki taʼ Satana?
20 Żgħażagħ Kristjani, intom tinsabu taħt attakk illum! Jekk tridu tirreżistu l-attakki taʼ Satana, tridu tieħdu regolarment l-ikel spiritwali. Is-salmista, li milli jidher kien żagħżugħ hu stess, dan fehmu. Hu iżża ħajr lil Jehovah talli pprovda l-Kelma tiegħu, sabiex ‘żagħżugħ jistaʼ jimxi safi fi triqtu.’—Salm 119:9.
Kulfejn Alla Jiggwidana, Aħna Nsegwuh
21, 22. Għala m’għandniex nikkonkludu li t-triq tal-verità hija diffiċli wisq?
21 Jehovah ħareġ lill-ġens taʼ Iżrael mill-Eġittu għal ġo l-Art Imwegħda. Ir-rotta li għażel għandha mnejn dehret strapazzanti bla bżonn minn ħarsa umana. Minflok ma ħa r-rotta li kienet tidher eħfef u iktar diretta minn max-xatt tal-Baħar Mediterran, Jehovah mexxa lill-poplu tiegħu f’rotta diffiċli fid-deżert. Madankollu, dan kien attwalment att taʼ qalb tajba min-naħa t’Alla. Għalkemm iqsar, ir-rotta taʼ mal-baħar kienet tgħaddi lill-Iżraelin minn ġo l-art tal-Filistin ostili. Billi għażel rotta oħra, Jehovah ħeles lill-poplu tiegħu minn konfront bikri mal-Filistin.
22 Bl-istess mod, il-mogħdija li Jehovah qed imexxina minnha kultant forsi tistaʼ tidher diffiċli. Kull ġimgħa, għandna skeda mimlija taʼ attivitajiet Kristjani, inkluż il-laqgħat tal-kongregazzjoni, l-istudju persunali, u s-servizz taʼ l-għalqa. Mogħdijiet oħrajn forsi jidhru eħfef. Imma huwa biss billi nsegwu l-gwida t’Alla li se naslu fid-destinazzjoni li tant qed naħdmu iebes biex nilħquha. Għalhekk, ejja nkomplu nieħdu struzzjoni vitali mingħand Jehovah u nibqgħu ‘fil-mogħdija d-dritta’ għal dejjem!—Salm 27:11.
Tistaʼ Tispjega?
• Għala għandna bżonn b’mod speċjali li nattendu l-laqgħat Kristjani regolarment?
• Il-ġenituri x’jistgħu jagħmlu biex jgħinu lil uliedhom joqogħdu attenti fil-laqgħat?
• X’inhu involut f’li tkun semmiegħ tajjeb?
• X’jistaʼ jgħinna nikkummentaw fil-laqgħat?
[Stampa f’paġna 16]
Li nattendu l-laqgħat Kristjani jgħinna nżommu f’moħħna jum Jehovah
[Stampi f’paġna 18]
Hemm diversi modi li bihom nistgħu nfaħħru lil Jehovah fil-laqgħat Kristjani