Il-Laqgħat Huma taʼ Benefiċċju għaż-Żgħażagħ
1 Waħda adolexxenti stqarret: “Xi drabi naħseb li ż-żgħażagħ għaddejjin mill-iktar żmien diffiċli f’ħajjithom. Aħna ninsabu fost nies li jikkommettu l-fornikazzjoni, jieħdu d-drogi, u huma alkoħoliċi.” Hekk tħossok int? Jekk inhu hekk, x’taħseb li jistaʼ jgħinek tiġġieled kontra dawn l-influwenzi ħżiena? Għandek bżonn il-fidi, fidi soda li l-mogħdijiet taʼ Jehovah huma sewwa, għax mingħajrha “ma jistax ikun li wieħed jogħġob lil Alla.” (Lhud 11:6) Jekk tattendi għal-laqgħat tal-kongregazzjoni se ssaħħaħ il-konvinzjoni Kristjana tiegħek u d-determinazzjoni li tevita dak li hu ħażin.
2 Il-Laqgħat Għandhom Ħafna x’Joffrulek: X’inhu li jagħmel ikla delizzjuża mal-ħbieb intimi taʼ gost? M’huwiex l-ikel bnin flimkien mal-kumpanija pjaċevoli f’atmosfera rilassanti? Sewwa, il-laqgħat tagħna joffru l-istess esperjenza pjaċevoli, imma f’sens spiritwali.
3 L-affarijiet li jiġu diskussi waqt il-laqgħat jibnu lil dak li jkun, billi jvarjaw minn kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-problemi tal-ħajja taʼ kuljum sa studji taʼ profeziji Bibliċi li jsaħħruk. Tiġi preżentata istruzzjoni prattika li tgħallmek kif tistaʼ tgħix ħajtek bl-aħjar mod possibbli u kif tilqaʼ l-isfidi li tiffaċċja. Il-ħbieb li jkun hemm fil-laqgħat huma l-aqwa li tistaʼ ssib, u l-atmosfera spiritwali hija pjaċevoli u fiż-żgur. (Salm 133:1) Mhux taʼ b’xejn li waħda żagħżugħa qalet: “Jien inkun l-iskola l-ġurnata kollha, u nitkisser. Imma l-laqgħat huma bħal oasi fid-deżert, fejn niffriska ruħi sabiex l-għada nkun nistaʼ nqattaʼ ġurnata oħra l-iskola.” Oħra qalet: “Jien sibt li sħubija mill-qrib m’oħrajn li jħobbu lil Jehovah tgħinni nibqaʼ qrib tiegħu.”
4 Billi tkun miktub fl-Iskola tal-Ministeru Teokratiku, int se titgħallem tiġbor informazzjoni Biblika, tiżviluppaha f’taħdita, u mbagħad tippreżentaha bħala konversazzjoni quddiem l-udjenza fis-Sala tas-Saltna. Immaġina l-benefiċċju f’li tiġi mħarreġ biex tgħallem bis-sengħa l-veritajiet li hemm fil-Kelma t’Alla li jsalvaw il-ħajjiet! Fejn iktar jistgħu ż-żgħażagħ jiksbu taħriġ taʼ valur bħal dan?
5 Kif Tieħu Dak Kollu li Tistaʼ mil-Laqgħat: Biex tibbenefika kemm tistaʼ mil-laqgħat, hemm tliet affarijiet vitali involuti. Dawn huma l-preparazzjoni, il-parteċipazzjoni, u l-prattika.
6 Ipprepara Għalihom: Żomm skeda biex tipprepara għal-laqgħat fuq bażi regulari. Tħallix ix-xogħol taʼ l-iskola, xi impjieg part-time, jew l-attivitajiet taʼ rikreazzjoni jisirqulek mill-ħin li għandek bżonn biex tirrevedi minn qabel il-materjal li jkun se jiġi diskuss f’kull laqgħa. Huwa taʼ benefiċċju li jkollok rutina tajba. Qabel xejn, żomm maʼ l-iskeda tal-qari tal-Bibbja taʼ kull ġimgħa għall-Iskola tal-Ministeru Teokratiku. Li taqra u timmedita fuq il-kapitli li jkun imiss jiħodlok biss ftit minuti kuljum. Warrab ftit ħin sabiex tipprepara għall-Istudju tal-Ktieb tal-Kongregazzjoni u l-Istudju tat-Torri taʼ l-Għassa. Xi wħud jagħmlu dan għallinqas ġurnata jew tnejn qabel dawn il-laqgħat. Kemm jistaʼ jkun, agħmel l-istess ħaġa għall-partijiet li jkunu ppjanati għal-Laqgħa tas-Servizz taʼ kull ġimgħa.
7 Ipparteċipa Fihom: Il-Bibbja tgħid li fl-età taʼ tnax-il sena, Ġesù kien fit-tempju, jismaʼ, jistaqsi mistoqsijiet, u jagħti tweġibiet. (Lq. 2:46, 47) Fi kliem ieħor, hu kien jinvolvi ruħu bis-sħiħ. Int se tibbenefika iktar mil-laqgħat meta tagħmel l-isforz biex tipparteċipa fihom.—Prov. 15:23.
8 Għandek bżonn tikkonċentra b’mod attiv fuq dak li jkun qed jiġi mgħallem fil-laqgħat. Kultant, huwa iktar diffiċli li tismaʼ taħdita milli tagħmilha. Għala? Moħħok forsi jkun qed jhewden fuq affarijiet oħrajn meta jkun qed jitkellem xi ħaddieħor. Kif tistaʼ tiġġieled kontra dan? Billi tieħu xi noti. Niżżel fil-qasir xi punti importanti li tkun trid tirreferi għalihom iktar tard. Jekk tieħu n-noti se tkun tistaʼ żżomm moħħok iffokat fuq il-programm. Ukoll, fittex l-iskritturi, u segwi hekk kif dawn jinqraw mill-kelliemi.
9 Iktar minn hekk, agħmilha mira li tieħu sehem f’kull diskussjoni fil-laqgħat li tkun f’għamla taʼ mistoqsija u tweġiba. Int se tibbenefika ħafna iktar jekk taħseb sew dak li tkun trid tgħid. Proverbji 15:28 jgħid: “Moħħ il-ġust jaħsibha qabel iwieġeb.”
10 Ipprattika Dak li Titgħallem: L-aħħar pass hu li tkun żgur li dak li qed titgħallem ‘qed jaħdem fik.’ (1 Tess. 2:13) Hekk kif tapplika l-punti mill-aħjar li titgħallem f’kull laqgħa, int se tersaq eqreb lejn Alla Jehovah. Hu se jkun reali għalik, u int se tesperjenza ferħ u sodisfazzjon kbir hekk kif ‘timxi fil-verità,’ billi tgħożżha kemm tiflaħ.—3 Ġw. 4.
11 Ħutna tfajliet u ġuvintur, hekk kif regolarment tippreparaw għal-laqgħat, tipparteċipaw fihom u tipprattikaw dak li titgħallmu, se tgawdu l-laqgħat bis-sħiħ. Fl-istess ħin, se tibbenefikaw kemm tistgħu minnhom. Il-fidi tagħkom se tissaħħaħ, kif ukoll id-deċiżjoni tagħkom biex tibqgħu leali lejn Missierkom tas-sema, Jehovah.—Salm 145:18.