Kompli Agħmel Dak li Tgħallimt
“Kull ma tgħallimtu u ħadtu mingħandna, u smajtu u rajtu fina, agħmluh. Alla tas-sliem ikun magħkom.”—Filippin 4:9.
1, 2. B’mod ġenerali, qiegħda l-Bibbja tinfluwenza l-ħajjiet tan-nies li jqisu ruħhom bħala nies reliġjużi? Spjega.
“IR-RELIĠJON Miexja ’l Quddiem, imma l-Moralità Sejra Lura.” Dan it-titlu fil-bullettin Emerging Trends ġabar fil-qosor ir-riżultati taʼ stħarriġ li sar fl-Istati Uniti kollha. Milli jidher, dan il-pajjiż ra żjieda fl-għadd taʼ nies li jmorru l-knisja u li jgħidu li r-reliġjon għandha post importanti f’ħajjithom. Madankollu, ir-rapport jgħid: “Minkejja dawn iċ-ċifri impressjonanti, ħafna Amerikani biċ-ċar jiddubitaw kemm il-fidi reliġjuża għandha effett fuq il-ħajjiet individwali u s-soċjetà in ġenerali.”
2 Din is-sitwazzjoni ma tinsabx biss f’pajjiż wieħed. Mad-dinja kollha, ħafna nies li jgħidu li jaċċettaw il-Bibbja u huma reliġjużi m’humiex qed iħallu l-Iskrittura tinfluwenza verament lil ħajjithom. (2 Timotju 3:5) “Il-Bibbja għadna nirrispettawha ħafna,” qal il-kap taʼ grupp taʼ riċerka, “imma li fil-fatt inqattgħu ħin naqrawha, nistudjawha u napplikawha—dik xi ħaġa tal-passat.”
3. (a) Il-Bibbja kif teffettwa lil dawk li jsiru Kristjani ġenwini? (b) Is-segwaċi taʼ Ġesù kif japplikawh il-parir taʼ Pawlu mniżżel f’Filippin 4:9?
3 Madankollu, is-sitwazzjoni hija differenti għall-Kristjani ġenwini. L-applikazzjoni tal-pariri mill-Kelma t’Alla ġabet bidliet fil-mod kif jaħsbu u jaġixxu. U ħaddieħor mill-ewwel jinnotaha l-personalità l-ġdida li juru. (Kolossin 3:5-10) Għas-segwaċi taʼ Ġesù, il-Bibbja m’hijiex ktieb li ma jintużax, mimli trab fuq xi xkaffa. Għall-kuntrarju, l-appostlu Pawlu qal lill-Kristjani ġo Filippi: “Kull ma tgħallimtu u ħadtu mingħandna, u smajtu u rajtu fina, agħmluh. Alla tas-sliem ikun magħkom.” (Filippin 4:9, korsiv tagħna.) Il-Kristjani jagħmlu iktar milli jaċċettaw il-verità tal-Kelma t’Alla. Huma jaġixxu fuq dak li jitgħallmu, billi japplikaw il-pariri tal-Bibbja kontinwament—fil-familja, fuq ix-xogħol, fil-kongregazzjoni, u fl-oqsma l-oħra kollha tal-ħajja.
4. Għala hija sfida li nipprattikaw il-liġijiet u l-prinċipji t’Alla?
4 M’huwiex faċli li nipprattikaw il-liġijiet u l-prinċipji t’Alla. Aħna ngħixu f’dinja li qiegħda taħt is-setgħa taʼ Satana x-Xitan, li l-Bibbja ssejjaħlu “l-alla taʼ din id-dinja.” (2 Korintin 4:4; 1 Ġwann 5:19) Għalhekk, huwa essenzjali li noqogħdu għassa għal kulma jistaʼ jfixkilna milli nistinkaw biex ngħixu b’integrità lejn Alla Jehovah. Kif nistgħu nkunu wħud li nżommu l-integrità?
Inżommu maʼ “l-Eżempju tat-Tagħlim Sħiħ”
5. X’implika Ġesù bil-kelma “kuljum”?
5 Aspett wieħed taʼ li nagħmlu dak li tgħallimna jinkludi li nappoġġaw lealment il-qima vera, minkejja l-oppożizzjoni minn uħud li ma jemmnux. Biex nissaportu rridu nagħmlu sforz. “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja,” qal Ġesù, “għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfaʼ salibu kuljum, u jimxi warajja.” (Luqa 9:23) Ġesù ma qalx li rridu nimxu warajh għal ġimgħa, xahar, jew sena. Minflok, hu qal li għandna nagħmlu dan “kuljum.” Kliemu jindika li ma nistgħux inkunu dixxipli għal ċertu perijodu biss f’ħajjitna jew li nkunu dixxipli devoti għal ftit żmien u mbagħad daqshekk. Li nappoġġaw il-qima vera jfisser li fedelment nibqgħu fit-triq li għażilna, jiġri x’jiġri. Kif nistgħu nagħmlu dan?
6. X’inhu l-eżempju tat-tagħlim sħiħ li l-Kristjani taʼ l-ewwel seklu tgħallmu minn Pawlu?
6 Pawlu ħeġġeġ lil Timotju, sieħbu fix-xogħol: “Żomm quddiem għajnejk l-eżempju tat-tagħlim sħiħ li smajt mingħandi, fil-fidi u fl-imħabba li huma fi Kristu Ġesù.” (2 Timotju 1:13) X’ried ifisser Pawlu? Il-kelma Griega hawn tradotta “eżempju” letteralment tirreferi għal skeċċ t’artist. Għalkemm ma jkollhiex wisq dettalji, tpinġija bħal din ikollha linji ċari sabiex osservatur li jlaħħaqlu jkun jistaʼ jifhem x’inhi l-istampa ġenerali. B’mod simili, l-eżempju tal-verità li Pawlu għallem lil Timotju u oħrajn ma kellux l-iskop li jagħti tweġiba speċifika għal kull mistoqsija li tistaʼ tqum. Madankollu, din il-ġabra taʼ tagħlim tipprovdi gwida biżżejjed—bħallikieku linji taʼ barra fi skeċċ—sabiex uħud taʼ qalb onesta jistgħu jagħrfu dak li Jehovah jirrikjedi minnhom. M’għandniex xi ngħidu, biex jogħġbu lil Alla dawn jeħtieġu li jibqgħu jżommu maʼ l-eżempju tal-verità billi jagħmlu dak li jkunu tgħallmu.
7. Il-Kristjani kif jistgħu jżommu maʼ l-eżempju tat-tagħlim sħiħ?
7 Fl-ewwel seklu, individwi bħal Imeni, Alessandru, u Filetu kienu qed imexxu ’l quddiem ideat li ma kinux fi qbil maʼ “l-eżempju tat-tagħlim sħiħ.” (1 Timotju 1:18-20; 2 Timotju 2:16, 17) Il-Kristjani tal-bidu kif setgħu jevitaw li jiġu żvijati mill-apostati? Billi jistudjaw bir-reqqa l-kitbiet imnebbħin u japplikawhom fil-ħajja. Dawk li kienu jimxu skond l-eżempju li tawhom Pawlu u wħud leali oħrajn setgħu jagħrfu u jirrifjutaw dak kollu li ma kienx jaqbel maʼ l-eżempju tal-verità li kienu ġew mgħallmin. (Filippin 3:17; Lhud 5:14) Minflok ma kienu ‘morda bil-marda taʼ tiftix fieragħ u ġlied fuq il-kliem,’ huma komplew jimxu ’l quddiem fit-triq it-tajba taʼ devozzjoni lejn Alla. (1 Timotju 6:3-6, Saydon) Aħna nagħmlu l-istess ħaġa meta nkomplu nipprattikaw il-veritajiet li tgħallimna. Kemm isaħħilna l-fidi meta naraw li l-miljuni taʼ individwi li jaqdu lil Jehovah maʼ l-art kollha qegħdin iżommu qabda soda maʼ l-eżempju tal-verità Biblika li ġew mgħallmin.—1 Tessalonikin 1:2-5.
Irrifjuta l-“Ħrejjef”
8. (a) Satana kif ifittex li jeqirdilna l-fidi tagħna llum? (b) Liema twissija minn Pawlu nsibu fit-2 Timotju 4:3, 4?
8 Satana jipprova jkissrilna l-integrità tagħna permezz taʼ żrieragħ taʼ dubji dwar dak li tgħallimna. Illum, bħal fl-ewwel seklu, l-apostati u oħrajn ifittxu li jeqirdu l-fidi taʼ wħud innoċenti. (Galatin 2:4; 5:7, 8) Xi drabi dawn jużaw il-mezzi tax-xandir biex ixerrdu informazzjoni mgħawġa jew saħansitra gideb sfaċċat dwar il-metodi u l-motivi tan-nies taʼ Jehovah. Pawlu wissa li xi wħud kienu se jiġu żvijati mill-verità. “Għad jiġi żmien,” kiteb hu, “meta għat-tagħlim tajjeb ma jibqgħalhomx sabar, iżda widnejhom jikluhom u jiġbru madwarhom qabda mgħallmin skond ma jixtiequ, u jwarrbu widnejhom mis-sewwa biex jiġġerrew wara l-ħrejjef.”—2 Timotju 4:3, 4.
9. Pawlu x’setaʼ kellu f’moħħu meta rrefera għall-“ħrejjef”?
9 Minflok ma żammew maʼ l-eżempju tat-tagħlim sħiħ, xi wħud saru interessati f’xi “ħrejjef.” X’kienu dawn il-ħrejjef? Forsi Pawlu kellu f’moħħu leġġendi immaġinarji, bħal dawk misjuba fil-ktieb apokrifu taʼ Tobit.a Il-ħrejjef setgħu jinkludu wkoll għajdut sensazzjonali u mingħajr fatti konkreti. Imbagħad, ukoll, xi wħud—“skond ma jixtiequ”—forsi ġew imqarrqin minn dawk li kellhom ħarsa permissiva tal-livelli t’Alla jew li kien moħħhom biex jikkritikaw lil dawk li kienu minn taʼ quddiem fil-kongregazzjoni. (3 Ġwann 9, 10; Ġuda 4) Kienu x’kienu l-affarijiet taʼ xkiel, xi wħud milli jidher ippreferew il-gideb milli l-veritajiet tal-Kelma t’Alla. Ma damux ma waqfu jagħmlu dak li kienu tgħallmu, u dan kien taʼ ħsara spiritwali għalihom stess.—2 Pietru 3:15, 16.
10. X’inhuma xi ħrejjef fi żmienna, u Ġwanni kif enfasizza l-bżonn li noqogħdu attenti?
10 Nistgħu nevitaw li nduru għall-ħrejjef illum jekk ngħarblu u nagħżlu dak li nisimgħu u naqraw. Per eżempju, il-mezzi tax-xandir taʼ spiss imexxu ’l quddiem l-immoralità. Ħafna nies jinkuraġġixxu l-anjostiċiżmu jew l-ateiżmu sfaċċat. Kritiċi letterarji jmaqdru l-istqarrija tal-Bibbja li din hija ispirata minn Alla. U apostati taʼ żmienna jkomplu jiżirgħu żrieragħ taʼ dubju sabiex ikissru l-fidi tal-Kristjani. Rigward periklu simili li kien jeżisti minħabba l-profeti foloz fl-ewwel seklu, l-appostlu Ġwanni wissa: “Maħbubin, la temmnux f’kull spirtu, imma ġarrbu l-ispirti, humiex ġejjin minn Alla, għax dehru fid-dinja ħafna profeti qarrieqa.” (1 Ġwann 4:1, Saydon) Mela rridu noqogħdu attenti.
11. X’inhu mod wieħed kif ngħarblu lilna nfusna jekk aħniex fil-fidi?
11 F’dan ir-rigward, Pawlu kiteb: “Għarblu lilkom infuskom jekk intomx fil-fidi.” (2 Korintin 13:5) L-appostlu ħeġġiġna biex inkomplu ngħarblu lilna nfusna sabiex niddeterminaw jekk aħniex qed inżommu mat-twemmin Kristjan kollu. Jekk inħobbu noqogħdu nisimgħu t-tgergir taʼ wħud li m’humiex sodisfatti b’ħaġa jew oħra, għandna bżonn nanalizzaw lilna nfusna bit-talb. (Salm 139:23, 24) Għandna t-tendenza li nfittxu n-nuqqasijiet tan-nies taʼ Jehovah biex immaqdruhom? Jekk iva, għala? Kien hemm xi ħadd li weġġagħna bi kliemu jew b’azzjonijietu? Jekk inhu hekk, qegħdin naraw l-affarijiet kif verament huma? Kwalunkwe tribulazzjoni li niffaċċjaw f’din is-sistema t’affarijiet hija temporanja. (2 Korintin 4:17) Anki jekk inġarrbu xi prova fil-kongregazzjoni, għalfejn għandna nieqfu naqdu lil Alla? Jekk aħna mdejqin minħabba xi ħaġa, ma jkunx ħafna aħjar li nagħmlu li nistgħu biex insolvu l-kwistjoni u mbagħad inħalluha f’idejn Jehovah?—Salm 4:5 (4:4, NW); Proverbji 3:5, 6; Efesin 4:26.
12. Il-Berijani kif ħallewlna eżempju mill-aħjar?
12 Minflok ma jkun moħħna li noqogħdu nikkritikaw, ejja nżommu ħarsa spiritwali bnina lejn l-informazzjoni li niksbu mill-istudju persunali u l-laqgħat tal-kongregazzjoni. (1 Korintin 2:14, 15) U minflok ma niddubitaw il-Kelma t’Alla, kemm ikun iktar għaqli li jkollna l-attitudni tal-Berijani taʼ l-ewwel seklu li eżaminaw l-Iskrittura mill-qrib! (Atti 17:10, 11) Imbagħad, ejja naġixxu fuq dak li nitgħallmu, billi nirrifjutaw il-ħrejjef u nżommu sod mal-verità.
13. Kif nistgħu mingħajr ma rridu nxerrdu l-ħrejjef?
13 Hemm tip ieħor taʼ ħrafa li rridu noqogħdu għassa għalih. Hemm ħafna stejjer sensazzjonali jiċċirkolaw, taʼ spiss permezz taʼ l-E-mail. Huwa għaqli li noqogħdu b’sebaʼ għajnejn minn stejjer bħal dawn, speċjalment jekk ma nkunux nafu s-sors oriġinali taʼ l-informazzjoni. Anki jekk esperjenza jew storja tintbagħat minn Kristjan taʼ reputazzjoni tajba, dak l-individwu għandu mnejn ma jkunx ġabar il-fatti mis-sors oriġinali. Għalhekk huwa importanti li noqogħdu attenti milli nirrepetu jew immexxu rakkonti mhux verifikati. Żgur li ma nkunux irridu nirrepetu “ħwejjeġ fiergħa,” jew “ħrejjef li jkasbru ħwejjeġ qaddisa.” (1 Timotju 4:7; Karm Żammit) Peress li għandna l-obbligu wkoll li ngħidu l-verità lil xulxin, se naġixxu bil-għaqal jekk nevitaw kulma jistaʼ jġagħalna nxerrdu affarijiet mhux veri, anki jekk mhux apposta.—Efesin 4:25.
Riżultati Pożittivi Jekk Nipprattikaw il-Verità
14. Liema benefiċċji jirriżultaw jekk nagħmlu l-affarijiet li tgħallimna mill-Kelma t’Alla?
14 Jekk nipprattikaw dak li nitgħallmu mill-istudju persunali tal-Bibbja u l-laqgħat Kristjani se jkollna ħafna benefiċċji. Per eżempju, għandna mnejn insibu li r-relazzjonijiet tagħna maʼ qrabatna fil-fidi jitjiebu. (Galatin 6:10) It-temperament tagħna se jinbidel għall-aħjar meta napplikaw il-prinċipji tal-Bibbja. (Salm 19:9 [19:8, NW]) Iktar minn hekk, billi nagħmlu dak li nitgħallmu, ‘nagħmlu ġieħ lit-tagħlim taʼ Alla’ u x’aktarx li niġbdu lil oħrajn lejn il-qima vera.—Titu 2:6-10.
15. (a) Waħda żagħżugħa kif għamlet il-kuraġġ biex tagħti xiehda fl-iskola? (b) X’tgħallimt minn din l-esperjenza?
15 Fost ix-Xhieda taʼ Jehovah hemm ħafna żgħażagħ li jagħmlu dak li tgħallmu mill-istudju persunali tal-Bibbja u l-pubblikazzjonijiet Kristjani, kif ukoll bil-preżenza regulari tagħhom fil-laqgħat tal-kongregazzjoni. L-imġiba tagħhom mill-aħjar hija xiehda qawwija għall-għalliema u għal sħabhom l-istudenti fl-iskola. (1 Pietru 2:12) Nieħdu lil Leslie, tifla taʼ 13-il sena fl-Istati Uniti. Hi tammetti li kienet issibha iebsa titkellem maʼ sħabha taʼ l-iskola dwar it-twemmin tagħha, imma darba waħda l-affarijiet inbidlu. “Fil-klassi kienu qed jitkellmu dwar kif in-nies jipprovaw ibigħulek l-affarijiet. Waħda tifla għolliet idha u semmiet lix-Xhieda taʼ Jehovah.” Bħala Xhud, kif irreaġixxiet Leslie? “Jien iddefendejt il-fidi tiegħi,” tgħid hi, “u żgur li kulħadd baqaʼ skantat b’dan, peress li s-soltu jiena kwieta ħafna l-iskola.” X’kien ir-riżultat tal-qlubija li wriet Leslie? “Irnexxieli nħalli browxer u fuljett maʼ l-istudenta, peress li kellha mistoqsijiet oħrajn,” tgħid Leslie. Min jaf kemm jifraħ Jehovah meta żgħażagħ li jipprattikaw dak li tgħallmu jagħmlu l-kuraġġ biex jagħtu xiehda fl-iskola!—Proverbji 27:11; Lhud 6:10.
16. Waħda Xhud żagħżugħa kif ibbenefikat mill-Iskola tal-Ministeru Teokratiku?
16 Eżempju ieħor huwa dak taʼ Elizabeth. Minn mindu kellha sebaʼ snin u matul is-snin fl-iskola primarja, din it-tifla kienet tistieden lill-għalliema tagħha fis-Sala tas-Saltna kulmeta kien ikollha inkarigu fl-Iskola tal-Ministeru Teokratiku. Jekk għalliem ma kienx ikun jistaʼ jattendi, Elizabeth kienet tibqaʼ wara l-ħin taʼ l-iskola u tagħti t-taħdita quddiem l-għalliem. Fl-aħħar sena taʼ l-iskola sekondarja, Elizabeth kitbet rapport t’għaxar paġni dwar il-benefiċċji taʼ l-Iskola tal-Ministeru Teokratiku u għamlet preżentazzjoni quddiem grupp taʼ erbaʼ għalliema. Ġiet mistiedna wkoll tagħti eżempju taʼ taħdita fl-Iskola tal-Ministeru Teokratiku, li għaliha għażlet is-suġġett “Alla Għala Jippermetti l-Ħażen?” Elizabeth ibbenefikat mill-programm t’edukazzjoni li jsir mix-Xhieda taʼ Jehovah fl-Iskola tal-Ministeru Teokratiku. Din hija biss waħda mill-ħafna żgħażagħ Kristjani li jġibu tifħir lil Jehovah billi jagħmlu l-affarijiet li tgħallmu mill-Kelma tiegħu.
17, 18. (a) Il-Bibbja liema parir toffri rigward l-onestà? (b) Wieħed raġel kif kien effettwat mill-imġiba onesta taʼ wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah?
17 Il-Bibbja twissi lill-Kristjani biex iġibu ruħhom b’mod onest f’kollox. (Lhud 13:18) Id-diżonestà tistaʼ tħassar ir-relazzjoni tagħna m’oħrajn u, iktar importanti, maʼ Jehovah innifsu. (Proverbji 12:22) L-imġiba tagħna taʼ min jafdaha turi li qed nipprattikaw l-affarijiet li tgħallimna, u permezz tagħha ħafna saru jirrispettawhom iktar lix-Xhieda taʼ Jehovah.
18 Ikkunsidra l-esperjenza taʼ raġel fil-militar li kien jismu Phillip. Dan kien tilef ċekk vojt u ffirmat, u ma indunax sakemm wasallu lura bil-posta. Iċ-ċekk kien instab minn wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah, u nota li kien hemm miegħu kienet tgħid li t-twemmin reliġjuż tal-persuna li sabitu kien qanqlu jirritornah. Phillip baqaʼ mbellah. “Kieku riedu setgħu ħaduli $9,000 [Lm4,000]!” qal hu. Darba oħra kien baqaʼ diżappuntat meta l-kappell tiegħu kien insteraqlu fil-knisja. Milli jidher, xi ħadd li kien jafu ħadlu l-kappell, filwaqt li barrani kien irritorna ċekk li kien jiswa eluf taʼ liri! Tassew li Kristjani onesti jġibu unur lil Alla Jehovah!
Kompli Agħmel Dak li Tgħallimt
19, 20. Kif se nibbenefikaw jekk naġixxu fi qbil maʼ l-affarijiet Skritturali li nitgħallmu?
19 Dawk li jagħmlu dak li tgħallmu mill-Kelma t’Alla jaħsdu ħafna benefiċċji. Id-dixxiplu Ġakbu kiteb: “Dak li jgħarbel sewwa l-liġi perfetta tal-ħelsien, u jżomm sħiħ magħha, ma jkunx wieħed li jismaʼ biss u jinsa, iżda jkun wieħed li jagħmilha; hieni dan fl-għemil tiegħu.” (Ġakbu 1:25) Iva, jekk naġixxu fi qbil maʼ l-affarijiet Skritturali li nitgħallmu, se jkollna ferħ veru u se nkunu kapaċi iżjed inkampaw mal-pressjonijiet tal-ħajja. Fuq kollox, se jkollna l-barka taʼ Jehovah u l-prospett taʼ ħajja taʼ dejjem!—Proverbji 10:22; 1 Timotju 6:6.
20 Tabilħaqq, mela, kun ċert li tkompli tagħti ruħek għall-istudju tal-Kelma t’Alla. Iltaqaʼ regolarment maʼ dawk li jqimu lil Jehovah, u oqgħod attent għall-materjal preżentat fil-laqgħat Kristjani. Applika dak li titgħallem, kompli ipprattikah, u ‘Alla tas-sliem ikun miegħek.’—Filippin 4:9.
[Nota taʼ taħt]
a Tobit, li jistaʼ jkun inkiteb fit-tielet seklu Q.E.K., jinkludi l-istorja mimlija superstizzjoni taʼ Lhudi jismu Tobija. Jintqal li hu setaʼ jikseb il-qawwa biex ifejjaq u jkeċċi d-demonji billi juża l-qalb, il-marrara, u l-fwied taʼ ħuta ġganteska.
X’Tiftakar?
• X’inhu “l-eżempju tat-tagħlim sħiħ,” u kif nistgħu nibqgħu nżommu miegħu?
• Liema “ħrejjef” irridu nirrifjutaw?
• Liema benefiċċji jgawdu dawk li jagħmlu l-affarijiet li jitgħallmu mill-Kelma t’Alla?
[Stampa f’paġna 17]
Il-Kristjani tal-bidu kif setgħu jevitaw li jiġu żvijati mill-apostati?
[Stampi f’paġna 18]
Il-mezzi tax-xandir, l-Internet, u l-apostati taʼ żmienna jistgħu jiżirgħu żrieragħ taʼ dubju
[Stampa f’paġna 19]
M’huwiex għaqli li niċċirkolaw rapporti mhux verifikati
[Stampi f’paġna 20]
Fuq ix-xogħol, fl-iskola, u bnadi oħra, ix-Xhieda taʼ Jehovah japplikaw dak li jaqraw fil-Kelma t’Alla