Is-“Settanta” Utli fl-Imgħoddi u fil-Preżent
RAĠEL influwenti mill-Etjopja kien qed jivvjaġġa minn Ġerusalemm biex imur lura lejn pajjiżu. Waqt li kien għaddej bil-karru tiegħu minn triq fid-deżert, beda jaqra b’leħen għoli minn romblu reliġjuż. L-ispjegazzjoni li ngħata għall-kliem li qara tant kellha effett fuqu li ħajtu nbidlet minn dakinhar ’il quddiem. (Atti 8:26-38) Ir-raġel kien qed jaqra Isaija 53:7, 8 mill-ewwel traduzzjoni li qatt saret tal-Bibbja—is-Settanta Griega. Dan ix-xogħol letterarju tant kellu rwol importanti fit-tixrid tal-messaġġ Bibliku matul is-sekli li ġie msejjaħ traduzzjoni tal-Bibbja li biddlet id-dinja.
Meta u taħt liema ċirkustanzi kienet imħejjija s-Settanta? Għala kien hemm bżonn li ssir din it-traduzzjoni? Kemm uriet li hi utli matul is-sekli? Jekk is-Settanta tistaʼ tgħallimna xi ħaġa llum, x’inhi din il-ħaġa?
Magħmula għal-Lhud li Kienu Jitkellmu bil-Grieg
Fis-sena 332 Q.E.K., meta Alessandru l-Kbir immarċja għal ġo l-Eġittu wara li qered il-belt Feniċja taʼ Tir, hu ġie milqugħ bħala ħellies. Hemmhekk hu qiegħed is-sisien għall-belt taʼ Lixandra, ċentru taʼ tagħlim fid-dinja antika. Peress li xtaq ixerred il-kultura Griega qalb in-nies li kienu jgħixu fil-pajjiżi konkwistati, Alessandru introduċa l-Grieg komuni (Koine) fil-qasam vast tiegħu.
Fit-tielet seklu Q.E.K., f’Lixandra marru joqogħdu ħafna Lhud. Wara l-eżilju Babiloniż, ħafna Lhud li kienu marru jgħixu f’kolonji mxerrdin ’l hawn u ’l hinn barra l-Palestina emigraw lejn Lixandra. Dawn il-Lhud kemm kienu jafuha sew il-lingwa Ebrajka? Is-Cyclopedia taʼ McClintock u Strong tgħid: “Huwa fatt magħruf sew li wara li l-Lhud reġgħu lura mill-jasar f’Babilonja, peress li kienu tilfu ħafna mill-għarfien li kellhom taʼ l-Ebrajk antik, il-qari mill-kotba taʼ Mosè fis-sinagogi tal-Palestina kien spjegat lilhom bl-ilsien Kaldajk . . . Il-Lhud taʼ Lixandra x’aktarx li kellhom jerġaʼ inqas għarfien taʼ l-Ebrajk; il-lingwa familjari tagħhom kienet il-Grieg taʼ Lixandra.” B’mod evidenti, is-sitwazzjoni f’Lixandra kienet addattata biex issir traduzzjoni taʼ l-Iskrittura Ebrajka għall-Grieg.
Aristobulu, Lhudi li għex fit-tieni seklu Q.E.K., kiteb li verżjoni tal-liġi Ebrajka ġiet tradotta għall-Grieg u tlestiet matul ir-renju taʼ Ptolomew Filadelfu (285-246 Q.E.K.). Mhux kulħadd jaqbel dwar x’ried ifisser Aristobulu bil-kelma “liġi.” Xi wħud jaħsbu li kien qed jirreferi biss għall-Pentatewku, waqt li oħrajn jgħidu li forsi kellu f’moħħu l-Iskrittura Ebrajka kollha kemm hi.
Kien x’kien il-każ, skond it-tradizzjoni kienu involuti madwar 72 studjuż Lhudi f’din l-ewwel traduzzjoni miktuba taʼ l-Iskrittura mill-Ebrajk għall-Grieg. Iktar tard, bdiet tintuża ċ-ċifra tonda taʼ 70. Għaldaqstant, il-verżjoni ġiet imsejħa s-Settanta, li tfisser “70,” u hi nominata LXX, il-mod kif in-numru 70 jinkiteb bir-Ruman. Sa tmiem it-tieni seklu Q.E.K., il-kotba kollha taʼ l-Iskrittura Ebrajka setgħu jinqraw bil-Grieg. B’hekk, l-isem Settanta beda jirreferi għall-Iskrittura Ebrajka kollha kemm hi tradotta għall-Grieg.
Utli fl-Ewwel Seklu
Is-Settanta kienet tintuża ħafna mil-Lhud li kienu jitkellmu bil-Grieg qabel u matul iż-żmien taʼ Ġesù Kristu u l-appostli tiegħu. Ħafna mil-Lhud u l-proseliti li nġabru Ġerusalemm nhar jum il-Pentekoste tas-sena 33 E.K. kienu mid-distrett taʼ l-Asja, l-Eġittu, il-Libja, Ruma, u Kreta—postijiet fejn in-nies kienu jitkellmu bil-Grieg. Bla dubju, il-Lhud u l-proseliti kellhom id-drawwa li jaqraw mis-Settanta. (Atti 2:9-11) B’hekk, din il-verżjoni kienet influwenti fit-tixrid taʼ l-aħbar tajba fl-ewwel seklu.
Per eżempju, meta kien qed jitkellem maʼ rġiel minn Ċireni, Lixandra, iċ-Ċiliċja, u l-Asja, id-dixxiplu Stiefnu qal: “Ġużeppi bagħat iġib [minn Kangħan] lil Ġakobb missieru u lil qrabatu kollha, li kienu b’kollox ħamsa u sebgħin ruħ.” (Atti 6:8-10; 7:12-14) It-test Ebrajk f’Ġenesi kapitlu 46 jgħid li l-qraba taʼ Ġużeppi kienu sebgħin fin-numru. Imma s-Settanta tuża n-numru ħamsa u sebgħin. Milli jidher, Stiefnu kkwota mis-Settanta.—Ġenesi 46:20, 26, 27.
Hekk kif l-appostlu Pawlu dar l-Asja Minuri u l-Greċja matul it-tieni u t-tielet mawra missjunarja tiegħu, hu ppriedka lil ħafna Ġentili li kellhom il-biżaʼ t’Alla u lil “Griegi li kienu jqimu lil Alla.” (Atti 13:16, 26; 17:4) Dawn in-nies kienu saru jibżgħu minn Alla jew bdew iqimuh għaliex kienu kisbu xi għarfien dwaru mis-Settanta. Meta ppriedka lil dawn in-nies li kienu jitkellmu bil-Grieg, Pawlu kemm-il darba kkwota minn porzjonijiet taʼ din it-traduzzjoni jew għamel parafrażi tagħhom.—Ġenesi 22:18; Galatin 3:8.
L-Iskrittura Griega Kristjana fiha xi 320 kwotazzjoni diretta u total kombinat taʼ forsi 890 kwotazzjoni u referenza mill-Iskrittura Ebrajka. Il-biċċa l-kbira minn dawn huma bbażati fuq is-Settanta. Minħabba f’hekk, il-kwotazzjonijiet li ttieħdu minn din it-traduzzjoni u mhux mill-manuskritti Ebrajċi saru parti mill-Iskrittura Griega Kristjana mnebbħa. X’fatt sinifikanti dan! Ġesù kien bassar li l-aħbar tajba tas-Saltna kienet se tiġi pridkata fl-art kollha abitata. (Mattew 24:14) Biex iwettaq dan, Jehovah kien se jippermetti li l-Kelma mnebbħa tiegħu tiġi tradotta bid-diversi lingwi moqrijin min-nies madwar id-dinja.
Utli Llum
Is-Settanta tibqaʼ tkun taʼ valur illum u tintuża biex tgħin ħalli jinkixfu l-iżbalji tal-kopisti li setgħu daħlu baxx baxx fil-manuskritti Ebrajċi li ġew kopjati iktar tard. Per eżempju, ir-rakkont f’Ġenesi 4:8 jgħid: “U Kajjin qal lil ħuh Abel: ‘Ħa mmorru fir-rabaʼ.’ U kif kienu fir-rabaʼ Kajjin qam għal ħuh Abel, u qatlu.”
Il-klawsola “ħa mmorru fir-rabaʼ” ma tinsabx fil-manuskritti Ebrajċi datati mill-għaxar seklu E.K. ’l hawn. Madankollu, tiġi inkluża f’manuskritti iktar qodma tas-Settanta u fi ftit referenzi oħrajn tal-bidu. It-test Ebrajk għandu l-kelma li s-soltu tintroduċi d-diskors, imma ebda kelma oħra ma titlissen. X’setaʼ ġara? F’Ġenesi 4:8 hemm żewġ klawsoli wara xulxin li jintemmu bl-espressjoni “fir-rabaʼ.” Is-Cyclopedia taʼ McClintock u Strong tissuġġerixxi: “L-għajn tal-kopista Ebrew x’aktarx li ġiet żvijata mill-[istess] kelma . . . li temmet iż-żewġ klawsoli.” B’hekk, il-kopista għandu mnejn ħalla barra l-klawsola li tispiċċa bl-espressjoni “fir-rabaʼ” d-darba li dehret qabel. Jidher ċar li s-Settanta, kif ukoll manuskritti eqdem oħrajn li għadhom jeżistu, tistaʼ tkun utli biex tidentifika żbalji li saru f’kopji tat-test Ebrajk li saru wara.
Mill-banda l-oħra, kopji tas-Settanta huma wkoll suġġetti għall-iżball, u kultant issir referenza għat-test Ebrajk biex jiġi korrett il-Grieg. B’hekk, meta l-manuskritti Ebrajċi jitqabblu mal-Griegi u maʼ traduzzjonijiet b’lingwi oħrajn, ir-riżultat ikun li jinstabu l-iżbalji tat-traduzzjoni kif ukoll dawk tal-kopisti u jassigurana li jkollna traduzzjoni eżatta tal-Kelma t’Alla.
Illum jeżistu kopji sħaħ tas-Settanta li jmorru lura fiż-żmien saħansitra sar-rabaʼ seklu E.K. Manuskritti bħal dawn u kopji oħrajn li saru wara ma fihomx l-isem divin, Jehovah, rappreżentat fl-Ebrajk mit-Tetragrammaton (YHWH). Dawn il-kopji poġġew il-kliem Grieg għal “Alla” u “Mulej” kulfejn jidher it-Tetragrammaton fit-test Ebrajk. Madankollu, skoperta li saret fil-Palestina xi 50 sena ilu tefgħet dawl fuq din il-kwistjoni. Ċertu tim li kien qed jesplora l-għerien ħdejn ix-xatt tal-punent tal-Baħar il-Mejjet żvela frammenti minn romblu tal-ġild antik tat-12-il profeta (minn Hosegħa sa Malakija) miktubin bil-Grieg. Dawn il-kitbiet kienu datati bejn is-sena 50 Q.E.K. u s-sena 50 E.K. F’dawn il-frammenti iktar bikrin, it-Tetragrammaton ma kienx ġie mibdul bil-kliem Grieg għal “Alla” u “Mulej.” Għalhekk, l-użu taʼ l-isem divin fil-verżjoni bikrija taʼ l-Iskrittura tas-Settanta ġie konfermat.
Is-sena 1971 rat il-ħruġ taʼ pubblikazzjoni taʼ frammenti minn romblu antik tal-papiru (il-papiri Fouad 266). X’irrivelaw dawn il-porzjonijiet tas-Settanta li jmorru lura fiż-żmien sat-tieni jew l-ewwel seklu Q.E.K.? L-isem divin kien jinsab fihom ukoll. Dawn il-frammenti bikrin tas-Settanta jipprovdu evidenza qawwija li Ġesù u d-dixxipli tiegħu fl-ewwel seklu kienu jafuh l-isem t’Alla u użawh.
Illum, il-Bibbja hija l-iktar ktieb fl-istorja li ġie tradott b’lingwi differenti. Iktar minn 90 fil-mija mill-familja umana għandhom aċċess għallinqas għal parti minnha bil-lingwa tagħhom stess. Aħna grati b’mod partikulari għal traduzzjoni eżatta b’lingwa moderna, in-New World Translation of the Holy Scriptures, li issa hija disponibbli sħiħa jew parti minnha f’iktar minn 40 lingwa. In-New World Translation of the Holy Scriptures—With References fiha mijiet taʼ noti taʼ taħt li jirreferu għas-Settanta u għal manuskritti antiki oħrajn. Tabilħaqq, is-Settanta tkompli tkun taʼ interess u taʼ valur għall-istudenti tal-Bibbja fi żmienna.
[Stampa f’paġna 26]
Id-dixxiplu Filippu spjega silta li nqrat mis-“Settanta”
[Stampi f’paġna 29]
L-appostlu Pawlu kemm-il darba kkwota mis-“Settanta”