LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w02 10/15 pp. 22-26
  • It-Trobbija tat-Tfal f’Art Barranija— L-Isfidi u l-Barkiet

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • It-Trobbija tat-Tfal f’Art Barranija— L-Isfidi u l-Barkiet
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Isfida biex Tilħaq il-​Moħħ u l-​Qalb
  • Deċiżjoni tal-​Familja
  • Xi Suġġerimenti Prattiċi
  • Inkampaw mad-​Differenzi fil-​Kultura
  • Naħsdu l-​Barkiet
  • Tistaʼ Tirnexxi
  • Ngħinu lit-​tfal tar-​“residenti barranin”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2017
  • Ibqaʼ żomm is-​saħħa spiritwali tiegħek waqt li taqdi f’qasam taʼ lingwa barranija
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2016
  • Ibni Familja Soda Spiritwalment
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Maqsum Bejn Żewġ Kulturi—X’Nistaʼ Nagħmel?
    Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . Tweġibiet Prattiċi għall-Mistoqsijiet Tagħhom, L-1 Volum
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
w02 10/15 pp. 22-26

It-Trobbija tat-Tfal f’Art Barranija​— L-Isfidi u l-​Barkiet

MILJUNI taʼ nies jemigraw bit-​tama li jibdew ħajja ġdida f’pajjiż ieħor. Fl-​Ewropa issa hemm iktar minn 20 miljun emigrant, fl-​Istati Uniti jgħixu iktar minn 26 miljun persuna li twieldu f’xi pajjiż ieħor, waqt li iktar minn 21 fil-​mija mill-​popolazzjoni totali taʼ l-​Awstralja twieldu f’pajjiżi oħra. Spiss, dawn il-​familji taʼ emigranti jridu jissieltu biex jitgħallmu lingwa ġdida u jridu jaddattaw ruħhom għal kultura ġdida.

Normalment, it-​tfal malajr jitgħallmu l-​lingwa tal-​pajjiż il-​ġdid li jmorru joqogħdu fih u jibdew jaħsbu b’dik il-​lingwa l-​ġdida. Il-​ġenituri tagħhom għandhom mnejn jieħdu iktar żmien biex jitgħallmuha. Hekk kif dawn it-​tfal jitrabbew f’pajjiż li jkun barrani għall-​ġenituri tagħhom, id-​diffikultajiet minħabba l-​lingwa jistgħu joħolqu problemi fil-​komunikazzjoni taʼ bejniethom, problemi li mhux la kemm issolvihom.

M’hijiex il-​lingwa l-​ġdida biss li teffettwa l-​mod kif jaħsbu t-​tfal imma anki l-​kultura tal-​pajjiż il-​ġdid tistaʼ tinfluwenza l-​mod kif iħossuhom. Il-​ġenituri għandhom mnejn isibuha diffiċli biex jifhmu r-​reazzjoni taʼ wliedhom. Għalhekk, ġenituri emigranti li qed jipprovaw irabbu lil uliedhom “fid-​dixxiplina u t-​twiddib tal-​Mulej” jiffaċċjaw sfidi mhux tas-​soltu.—Efesin 6:4.

L-​Isfida biex Tilħaq il-​Moħħ u l-​Qalb

Ġenituri Kristjani għandhom ix-​xewqa u r-​responsabbiltà li jgħallmu lil uliedhom il-​“lingwa pura” tal-​verità mill-​Bibbja. (Sofonija 3:​9, NW) Madankollu, jekk it-​tfal ikollhom biss għarfien limitat tal-​lingwa tal-​ġenituri tagħhom, u jekk dawn min-​naħa tagħhom ma jistgħux jesprimu ruħhom fil-​lingwa li t-​tfal ikunu saru midħla tagħha, kif jistgħu l-​ġenituri jnaqqxu l-​liġi taʼ Jehovah f’qalb uliedhom? (Dewteronomju 6:7) Forsi t-​tfal jifhmu l-​kliem li l-​ġenituri jkunu qed jgħidulhom, imma jekk dak li jgħidulhom ma jilħqilhomx qalbhom, it-​tfal għandhom mnejn isiru stranġieri f’darhom stess.

Pedro u Sandra, li emigraw lejn l-​Awstralja mill-​Amerika t’Isfel, qed jiffaċċjaw din l-​isfida waqt li qed irabbu liż-​żewġ subien adolexxenti tagħhom.a Pedro jgħid: “Meta titkellem dwar affarijiet spiritwali, kemm il-​qalb u kemm l-​emozzjonijiet huma involuti. Ikollok bżonn tesprimi ħsibijiet iktar profondi u sinifikanti, u għalhekk hemm bżonn taʼ vokabolarju akbar.” Sandra żżid: “Jekk it-​tfal tagħna ma jkunux jafu sew bil-​lingwa taʼ pajjiżna, hemm il-​periklu li jmorru lura spiritwalment. Jistgħu ma jibqgħux iħossu apprezzament profond għall-​verità, u ma jkunux jistgħu jagħrfu l-​prinċipji involuti f’dak li jkunu qed jitgħallmu. Id-​dehen spiritwali tagħhom jistaʼ jiġi mfixkel, u r-​relazzjoni tagħhom maʼ Jehovah forsi ma tibqax li tkun.”

Gnanapirakasam u Helen emigraw lejn il-​Ġermanja minn Sri Lanka u issa għandhom żewġt itfal. It-​tnejn jaqblu: “Naħsbu li hu verament importanti li wliedna jkunu jafu jitkellmu bil-​lingwa taʼ pajjiżna waqt li jitgħallmu wkoll il-​Ġermaniż. Huwa importanti li jkunu jistgħu jikkomunikaw magħna dwar l-​emozzjonijiet tagħhom, u jkunu jistgħu jiftħu qalbhom magħna.”

Miguel u Carmen, li emigraw lejn l-​Awstralja mill-​Urugwaj, jgħidu: “Il-​ġenituri li jinsabu fl-​istess sitwazzjoni tagħna jridu jaħdmu iktar iebes. Dawn ikollhom jew jitgħallmu l-​lingwa l-​ġdida tant tajjeb li jkunu jistgħu jifhmu u jispjegaw affarijiet spiritwali b’dik il-​lingwa jew inkella jgħallmu sew lil uliedhom il-​lingwa tal-​pajjiż li ġew minnu.”

Deċiżjoni tal-​Familja

Xi ħaġa importanti ferm għas-​saħħa spiritwali taʼ kull familja hi d-​deċiżjoni dwar liema lingwa se jużaw il-​membri tal-​familja biex ikunu “mgħallma mill-​Mulej.” (Isaija 54:13) Jekk fil-​qrib ikun hemm kongregazzjoni li fiha l-​aħwa jitkellmu bil-​lingwa tal-​pajjiż tal-​ġenituri, forsi dawn jiddeċiedu li jagħmlu parti minn din il-​kongregazzjoni. Mill-​banda l-​oħra, forsi huma jagħżlu li jattendu kongregazzjoni li fiha l-​aħwa jitkellmu bil-​lingwa tal-​pajjiż li jkunu qed jgħixu fih. Liema fatturi se jinfluwenzaw din id-​deċiżjoni?

Demetrios u Patroulla, li minn Ċipru emigraw lejn l-​Ingilterra u rabbew ħamest itfal hemmhekk, jispjegaw x’kien li effettwalhom id-​deċiżjoni tagħhom: “Għall-​ewwel, bħala familja konna nattendu l-​kongregazzjoni li fiha kienu jitkellmu bil-​Grieg. Dan għenna ħafna lilna l-​ġenituri, imma kien taʼ tfixkil għall-​iżvilupp spiritwali taʼ wliedna. Għalkemm kienu jafu ftit bil-​Grieg, però kienu jsibuha diffiċli biex jifhmu l-​affarijiet spiritwali profondi. Dan beda jidher għax ftit li xejn bdew jagħmlu progress spiritwali. Bħala familja, bdilna l-​kongregazzjoni u bdejna nattendu kongregazzjoni li fiha kienu jitkellmu bl-​Ingliż, u kważi mill-​ewwel bdejna naraw riżultati tajbin fit-​tfal tagħna. Huma bdew jissaħħu spiritwalment. Id-​deċiżjoni biex immorru f’kongregazzjoni oħra ma kinitx faċli, imma fil-​każ tagħna, din kienet waħda għaqlija.”

Bħala familja xorta baqgħu jużaw il-​lingwa taʼ pajjiżhom, u dan kien premjanti ħafna. Uliedhom jikkummentaw: “Huwa vantaġġ li tkun taf titkellem b’iktar minn lingwa waħda. Għalkemm l-​Ingliż huwa l-​ewwel lingwa tagħna, sibna li l-​fatt li nafu bil-​Grieg għamilha possibbli li jkollna relazzjonijiet mill-​qrib fil-​familja, speċjalment man-​nanniet. Għenna wkoll nuru iktar simpatija lejn l-​immigranti, u ġagħalna nħossuna iktar kunfidenti li nistgħu nitgħallmu lingwa oħra. Għalhekk, meta kbirna, aħna bħala familja morna naqdu f’kongregazzjoni li fiha jitkellmu bl-​Albaniż.”

Christopher u Margarita wkoll marru joqogħdu l-​Ingilterra minn Ċipru, u hemmhekk rabbew tlett itfal. Huma għażlu li jaqdu fil-​kongregazzjoni li fiha jitkellmu bil-​Grieg. Binhom, Nikos, li issa jaqdi bħala anzjan f’waħda minn dawn il-​kongregazzjonijiet, jiftakar: “Ġejna inkuraġġiti biex immorru naqdu fil-​kongregazzjoni l-​ġdida li fiha jitkellmu bil-​Grieg. Il-​familja tagħna kienet tqis dan bħala inkarigu teokratiku.”

Margarita tagħmel din l-​osservazzjoni: “Meta ż-​żewġ subien kellhom wieħed sebaʼ snin u l-​ieħor tmienja, huma nkitbu fl-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku. Bħala ġenituri, konna daqsxejn imħassbin dwar il-​fatt li ma tantx kienu jifhmu bil-​Grieg. Madankollu, kull inkarigu kien proġett tal-​familja, u konna nqattgħu sigħat sħaħ ngħinuhom biex jippreparaw it-​taħditiet.”

Binthom Joanna tgħid: “Għadni niftakar lil missieri jgħallimna bil-​Grieg billi jikteb l-​alfabet fuq il-​blackboard li kellna d-​dar, u aħna kellna nitgħallmuh bl-​amment. Ħafna nies iqattgħu snin sħaħ jistudjaw lingwa, imma għax ommi u missieri kienu jgħinuna, tgħallimna l-​Grieg mingħajr ma domna ħafna.”

Xi familji jmorru jaqdu f’kongregazzjoni li fiha jitkellmu bil-​lingwa taʼ pajjiżhom u mhux dik lokali għaliex il-​ġenituri jħossu li biex ikollhom iktar “dehen spiritwali” u biex jagħmlu progress, huma għandhom bżonn jitgħallmu bil-​lingwa tagħhom stess. (Kolossin 1:​9, 10; 1 Timotju 4:​13, 15) Jew inkella l-​familja tistaʼ tqis il-​lingwa tagħhom bħala vantaġġ għax ikunu jistgħu jgħinu lill-​emigranti oħra jsiru jafu l-​verità.

Mill-banda l-​oħra, familja oħra tistaʼ tħoss li jkun aħjar għalihom li jattendu fil-​kongregazzjoni li fiha jitkellmu bil-​lingwa tal-​pajjiż li marru joqogħdu fih. (Filippin 2:4; 1 Timotju 3:5) Huwa d-​dmir tal-​kap tal-​familja li jagħmel id-​deċiżjoni, wara li jkun iddiskutiha mal-​familja u talab lil Alla dwarha. (Rumani 14:4; 1 Korintin 11:3; Filippin 4:​6, 7) Liema suġġerimenti jistgħu jgħinu lil dawn il-​familji?

Xi Suġġerimenti Prattiċi

Pedro u Sandra, li ssemmew qabel, jgħidu: “Għandna regola li fid-​dar nitkellmu biss bl-​Ispanjol sabiex inkunu ċerti li ma ninsewx il-​lingwa tagħna. Huwa diffiċli biex inżommuha, għaliex uliedna jafu li aħna nifhmu bl-​Ingliż. Imma kieku ma nżommux din ir-​regola, malajr jitilfu dak li tgħallmu u ma jibqgħux jifhmu bl-​Ispanjol.”

Miguel u Carmen, li wkoll issemmew qabel, jirrikkmandaw: “Kieku l-​ġenituri jikkonduċu studju regulari tal-​familja u jiddiskutu kuljum it-​test tal-​ġurnata bil-​lingwa tagħhom, imbagħad it-​tfal ma jitgħallmux biss l-​affarijiet bażiċi tal-​lingwa—se jitgħallmu wkoll kif jesprimu l-​ideat spiritwali b’dik il-​lingwa.”

Miguel jissuġġerixxi wkoll: “Agħmlu x-​xogħol tax-​xandir xi ħaġa pjaċevoli. It-​territorju tagħna jkopri parti mhux ħażin minn belt kbira, u nqattgħu ħafna ħin nivvjaġġaw bil-​karozza biex insibu lin-​nies li jitkellmu bil-​lingwa tagħna. Nużaw il-​ħin biex nilagħbu logħob ibbażat fuq il-​Bibbja u nitkellmu dwar affarijiet importanti. Jien nipprova nippjana l-​ħin li nqattgħu fix-​xandir b’tali mod li nkunu nistgħu nagħmlu diversi żjajjar lura tajbin. B’hekk, it-​tfal ikunu għallinqas ġew involuti f’konversazzjoni tajba waħda f’dik il-​ġurnata.”

Inkampaw mad-​Differenzi fil-​Kultura

Il-​Kelma t’Alla tinkuraġġixxi liż-​żgħażagħ: “Agħti widen, ibni, lid-​dixxiplina taʼ missierek, u tabbandunax il-​liġi t’ommok.” (Proverbji 1:​8, NW) Iżda jistgħu jinqalgħu xi diffikultajiet meta l-​livell taʼ dixxiplina tal-​missier u l-​“liġi” taʼ l-​omm jiġu influwenzati mill-​kultura li tkun differenti minn dik li t-​tfal ikunu mdawrin biha.

M’għandniex xi ngħidu, hija r-​responsabbiltà taʼ kull kap tal-​familja li jiddetermina kif se jmexxi lil daru, u m’għandux jiġi effettwat minn x’jagħmlu familji oħra. (Galatin 6:​4, 5) Minkejja dan, komunikazzjoni tajba bejn il-​ġenituri u t-​tfal tistaʼ tagħmilha iktar faċli għall-​ġenituri li jaċċettaw drawwiet ġodda.

Madankollu, ħafna mid-​drawwiet jew prattiċi li huma komuni f’pajjiżi żviluppati huma taʼ ħsara għas-​saħħa spiritwali tal-​Kristjani. L-​immoralità sesswali, ir-​regħba, u r-​ribelljoni, taʼ spiss jiġu reklamati permezz tal-​mużika popolari u d-​divertiment. (Rumani 1:​26-32) Ġenituri Kristjani ma jistgħu qatt iċedu r-​responsabbiltà tagħhom li jikkontrollaw x’tip taʼ mużika u divertiment jagħżlu wliedhom sempliċement għaliex il-​ġenituri ma tantx jifhmu l-​lingwa. Għandhom jistabbilixxu linji taʼ gwida sodi. Iżda dan jistaʼ jkun taʼ sfida.

Carmen tgħid: “Aħna taʼ spiss ma nifhmuhx il-​kliem tad-​diski li jisimgħu wliedna. Il-​melodija forsi ma tkunx ħażina, imma jekk il-​kliem ikollu iktar minn tifsira waħda jew jekk ikun hemm xi espressjonijiet baxxi li jkunu immorali, aħna ma nindunawx.” Dawn kif setgħu jsolvu din il-​problema? Miguel jgħid: “Inqattgħu ħafna ħin ngħallmu lil uliedna dwar il-​perikli taʼ mużika immorali, u nipprovaw ngħinuhom jagħżlu mużika li tkun approvata minn Jehovah.” Iva, jeħtieġ li toqgħod attent u tkun raġunevoli biex tkampa mad-​differenzi fil-​kultura.—Dewteronomju 11:​18, 19; Filippin 4:5.

Naħsdu l-​Barkiet

Jeħtieġ iktar ħin u sforz biex trabbi lit-​tfal f’art barranija. M’hemm ebda dubju dwar dan. Imma kemm il-​ġenituri u kemm l-​ulied jistgħu jaħsdu iktar barkiet għall-​isforz li jagħmlu.

Azzam u martu, Sara, ħallew it-​Turkija u emigraw lejn il-​Ġermanja, fejn huma rabbew tlett itfal. Binhom il-​kbir issa qed jaqdi fl-​uffiċċju tal-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Jehovah f’Selters, il-​Ġermanja. Azzam jgħid: “Benefiċċju kbir għat-​tfal hu li huma jistgħu jiżviluppaw kwalitajiet li huma taʼ vantaġġ kbir fiż-​żewġ kulturi.”

Antonio u Lutonadio telqu mill-​Angola u marru joqogħdu l-​Ġermanja, fejn qed irabbu disat itfal. Fil-​familja jitkellmu bil-​Lingala, bil-​Franċiż, u bil-​Ġermaniż. Antonio jgħid: “Il-​fatt li kapaċi nitkellmu b’lingwi differenti jgħin lill-​familja tagħna biex tagħti xiehda lil nies minn ħafna pajjiżi. Dan tassew iġibilna ferħ kbir.”

Żewġt itfal taʼ koppja Ġappuniża li marru joqogħdu l-​Ingilterra jħossu li hu ferm taʼ vantaġġ għalihom li jafu kemm bil-​Ġappuniż kif ukoll bl-​Ingliż. Iż-​żgħażagħ jgħidu: “Il-​fatt li nafu b’żewġ lingwi għenna nsibu x-​xogħol. Ibbenefikajna mill-​konvenzjonijiet kbar li jsiru bl-​Ingliż. Fl-​istess ħin, għandna l-​privileġġ li naqdu fil-​kongregazzjoni li fiha jitkellmu bil-​Ġappuniż, u li għandha bżonn kbir taʼ wħud li jitkellmu b’din il-​lingwa.”

Tistaʼ Tirnexxi

It-​trobbija tat-​tfal fost nies li ma jkollhomx l-​istess valuri kulturali tiegħek hija sfida li l-​qaddejja t’Alla ilhom jiffaċċjaw sa minn żminijiet Bibliċi. Il-​ġenituri taʼ Mosè rnexxielhom, għalkemm trabba fl-​Eġittu. (Eżodu 2:​9, 10) Numru taʼ eżiljati Lhud f’Babilonja rabbew lil uliedhom li kienu lesti li jerġgħu lura lejn Ġerusalemm biex jistabbilixxu mill-​ġdid il-​qima vera.—Esdra 2:​1, 2, 64-70.

L-istess illum, il-​ġenituri Kristjani jistgħu jirnexxu. Jistgħu jiġu premjati billi jisimgħu lil uliedhom jgħidu dak li koppja waħda semgħet lil uliedha tgħid: “Aħna familja verament magħquda minħabba l-​għożża li rabbewna fiha missierna u ommna, li magħhom dejjem kellna komunikazzjoni tajba. Ferħanin ħafna li aħna parti mill-​familja globali li qed taqdi lil Jehovah.”

[Nota taʼ taħt]

a Xi ismijiet ġew mibdulin.

[Stampa f’paġna 24]

Jekk f’darek titkellem biss bil-​lingwa taʼ pajjiżek, uliedek se jkollhom għarfien bażiku dwar dik il-​lingwa

[Stampa f’paġna 24]

Meta n-​nanniet u n-​neputijiet jitkellmu l-​istess lingwa, dan jippreserva r-​rabta taʼ bejniethom

[Stampa f’paġna 25]

L-​istudju tal-​Bibbja maʼ wliedek jiżviluppa d-​“dehen spiritwali” tagħhom

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja