Tagħlimiet mir-Rakkont tat-Twelid taʼ Ġesù
MILJUNI taʼ nies jibqgħu affaxxinati bil-ġrajjiet marbutin mat-twelid taʼ Ġesù. Dan jidher fl-ammont kbir taʼ xeni dwar it-twelid taʼ Ġesù li jintwerew u r-reċti dwar l-istess twelid li jiġu reċtati madwar id-dinja fi żmien il-Milied. Għalkemm huma affaxxinanti, il-ġrajjiet marbutin mat-twelid taʼ Ġesù ma ġewx imniżżlin fil-Bibbja sabiex in-nies jiddevertu bihom. Minflok, dawn jifformaw parti mill-Iskrittura kollha li ġiet ispirata minn Alla għat-tagħlim u t-twiddib.—2 Timotju 3:16.
Li kieku Alla ried lill-Kristjani jiċċelebraw it-twelid taʼ Ġesù, kieku l-Bibbja kienet tipprovdi d-data eżatta taʼ dak il-jum. Hekk tagħmel? Wara li jsemmi li Ġesù twieled fi żmien meta r-rgħajja kienu barra bil-lejl jgħassu l-merħliet tagħhom, Albert Barnes, studjuż tal-Bibbja tas-seklu 19, ikkonkluda: “Minn dan jidher ċar li s-Salvatur tagħna twieled qabel il-25 taʼ Diċembru . . . F’dan iż-żmien ikun hemm il-bard, speċjalment fir-reġjuni għoljin u muntanjużi taʼ Betlehem. Alla ħeba ż-żmien tat-twelid [taʼ Ġesù]. . . . Lanqas ma kien importanti li nkunu nafu ż-żmien; kieku kien hekk, Alla kien jara li dan jitniżżel bil-miktub.”
B’kuntrast maʼ dan, l-erbaʼ kittieba taʼ l-Evanġelji jgħidulna eżatt il-jum meta miet Ġesù. Dan seħħ fil-jum tal-Qbiż, li kien jiġi ċelebrat fl-14 taʼ Nisan skond il-kalendarju Lhudi, fir-rebbiegħa. Iktar minn hekk, Ġesù kkmanda lis-segwaċi tiegħu b’mod speċifiku biex jiftakru dan il-jum bħala tifkira tiegħu. (Luqa 22:19) Il-Bibbja mkien ma tikkmandana niċċelebraw it-twelid taʼ Ġesù, u f’dak il-każ, lanqas ma tgħidilna biex niċċelebraw it-twelid taʼ xi persuna oħra. B’dispjaċir, il-kontroversji dwar id-data tat-twelid taʼ Ġesù jistgħu jnaqqsu l-importanza tal-ġrajjiet ferm iktar notevoli li seħħew madwar dak iż-żmien.
Ġenituri Magħżulin minn Alla
Mill-eluf taʼ familji li kien hemm f’Iżrael, liema tip taʼ ġenituri għażel Alla biex irabbu lil Ibnu? Kienu l-prominenza u l-għana fatturi importanti għal Alla? Le. Minflok, Jehovah innota l-kwalitajiet spiritwali tal-ġenituri. Eżamina l-għanja taʼ tifħir taʼ Marija, kif imniżżla f’Luqa 1:46-55, li Marija kantat wara li ntqalilha bil-privileġġ li kienet se ssir omm il-Messija. Fost affarijiet oħra, hi qalet: “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej . . . għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu.” Hi bl-umiltà kollha ħarset lejha nfisha bħala waħda ‘ċkejkna,’ jew taʼ pożizzjoni baxxa, il-qaddejja taʼ Jehovah. Iktar importanti minn hekk, l-espressjonijiet mill-isbaħ fl-għanja taʼ Marija juru li hi kienet persuna spiritwali li kellha għarfien tajjeb taʼ l-Iskrittura. Għalkemm kienet dixxendenta midinba taʼ Adam, hi kienet l-għażla ideali biex tkun omm l-Iben t’Alla fuq l-art.
Xi ngħidu għar-raġel taʼ Marija, li sar il-missier adottiv taʼ Ġesù? Ġużeppi kien mastrudaxxa kapaċi. Minħabba li kien lest jaħdem iebes b’idejh stess, hu setaʼ jmantni familja li maż-żmien kienet tikkonsisti f’ħames ulied subien u mill-inqas żewġt ibniet. (Mattew 13:55, 56) Ġużeppi ma kienx sinjur. Meta kien wasal iż-żmien għal Marija biex tippreżenta fit-tempju t’Alla lill-ewwel imwieled tagħha, Ġużeppi żgur li ddispjaċieh li ma setax joffri ħaruf bħala sagrifiċċju. Minflok, kellhom jużaw dak li kien eċċezzjoni għall-foqra. Rigward l-omm li tkun għadha kif wildet iben, il-liġi t’Alla kienet tistqarr: “Jekk hi ma tlaħħaqx biex tagħti ħaruf, tieħu żewġ gamimiet jew żewġt ibċieċen tal-ħamiem, wieħed għall-ħruq u l-ieħor għas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni, u hekk il-qassis jagħmel l-espjazzjoni għaliha u tissaffa.”—Levitiku 12:8; Luqa 2:22-24.
Il-Bibbja tgħid li Ġużeppi kien “raġel ġust.” (Mattew 1:19) Per eżempju, hu ma kellux x’jaqsam sesswalment maʼ martu li kienet verġni sakemm twieled Ġesù. Dan evita li jkun hemm xi nuqqas taʼ qbil dwar min setaʼ kien il-Missier veru taʼ Ġesù. Għal koppja li għadhom jiżżewġu, il-fatt li jiċċaħħdu minn relazzjoni intima waqt li jgħixu taħt l-istess saqaf żgur li ma kinitx xi ħaġa faċli, iżda dan wera li t-tnejn li huma kienu jgħożżu l-privileġġ taʼ li jiġu magħżulin biex irabbu l-Iben t’Alla.—Mattew 1:24, 25.
Bħal Marija, Ġużeppi kien persuna spiritwali. Hu kien jieqaf jaħdem kull sena u jieħu lill-familja tiegħu fuq vjaġġ taʼ tlett ijiem minn Nazaret għal Ġerusalemm ħalli jattendu għall-festa annwali tal-Qbiż. (Luqa 2:41) Barra minn hekk, Ġużeppi żgur li ħarreġ liċ-ċkejken Ġesù fid-drawwa taʼ kull ġimgħa li jieħu sehem fil-qima fis-sinagoga lokali, fejn il-Kelma t’Alla kienet tinqara u tiġi spjegata. (Luqa 2:51; 4:16) B’hekk, m’għandu għalfejn ikollna l-ebda dubju li Alla għażel omm u missier adottiv li kienu tajbin għal Ibnu fuq l-art.
Barka Kbira għal Rgħajja Umlin
Minkejja d-diffikultajiet li kellha tgħaddi minnhom martu, li issa kellha disaʼ xhur tqala, Ġużeppi vvjaġġa lejn belt missirijietu biex jirreġistra, fi qbil mad-digriet taʼ Ċesari. Meta l-koppja waslet Betlehem, ma setgħetx issib post fejn toqgħod f’belt iffollata bin-nies. Għalhekk, iċ-ċirkustanzi ġagħluhom jużaw stalla, fejn Ġesù twieled u tqiegħed f’maxtura. Sabiex isaħħaħ il-fidi taʼ dawn il-ġenituri umlin, Jehovah ipprovda l-konferma li t-twelid li seħħ kien verament skond ir-rieda t’Alla. Bagħat hu xi delegazzjoni taʼ rġiel ixjeħ u prominenti minn Betlehem sabiex jassigura lill-koppja? Le. Minflok, Alla Jehovah irrivela dak li kien ġara lil rgħajja beżlin waqt li kienu qed iqattgħu l-lejl barra, jgħassu fuq il-merħliet tagħhom.
L-anġlu t’Alla dehrilhom u qalilhom imorru Betlehem, fejn kienu se jsibu lill-Messija li kien għadu kif twieled ‘mimdud f’maxtura.’ Inħasdu dawn l-irġiel umlin jew stħaw meta semgħu li l-Messija kien għadu kif twieled fi stalla? Lanqas xejn! Mingħajr dewmien, ħallew lill-merħliet warajhom u rħewlha lejn Betlehem. Meta sabu lil Ġesù, huma rrakkontaw lil Ġużeppi u ’l Marija dak li qalilhom l-anġlu t’Alla. Mingħajr ebda dubju, dan saħħaħ il-fidi tal-koppja dwar li kollox kien miexi skond l-iskop t’Alla. “Ir-rgħajja,” min-naħa tagħhom, “reġgħu lura, isebbħu u jfaħħru lil Alla għal kull ma kienu raw u semgħu.” (Luqa 2:8-20) Iva, meta rrivela l-affarijiet lir-rgħajja li kienu jibżgħu minn Alla, Jehovah għamel l-għażla t-tajba.
Minn dak li għadna kif rajna nitgħallmu x’tip taʼ nies irridu nkunu sabiex ingawdu l-favur taʼ Jehovah. M’għandniex għalfejn infittxu l-prominenza jew l-għana. Minflok, bħal Ġużeppi, Marija, u r-rgħajja, irridu nobdu ’l Alla u nuruh kemm inħobbuh billi npoġġu l-interessi spiritwali qabel l-affarijiet materjali. Tassew, għandna tagħlimiet mill-aqwa meta nimmeditaw fuq dak li hemm imniżżel dwar il-ġrajjiet li seħħew madwar iż-żmien tat-twelid taʼ Ġesù.
[Stampa f’paġna 7]
X’tindika l-offerta taʼ Marija taʼ żewġ bċieċen?
[Stampa f’paġna 7]
Alla għażel li jirrivela t-twelid taʼ Ġesù lil ftit rgħajja umlin