Nitgħallmu mill-Familja Umana taʼ Ġesù
X’TAF int dwar il-membri tal-familja taʼ Ġesù, dawk li għex magħhom għall-ewwel 30 sena taʼ ħajtu fuq l-art mit-twelid sal-magħmudija tiegħu? X’jgħidulna r-rakkonti taʼ l-Evanġelji? X’nistgħu nitgħallmu billi nsiru nafu iktar dwar il-familja tiegħu? Int tistaʼ tibbenefika mit-tweġibiet.
Twieled Ġesù f’xi familja sinjura, bil-kumditajiet kollha tal-ħajja? Ġużeppi, missieru adottiv, kien jaħdem bħala mastrudaxxa. Dan kien jirrikjedi xogħol fiżiku taʼ tbatija, li spiss kien jinvolvi li jrid jaqtaʼ s-siġar għall-injam. Meta l-ġenituri umani taʼ Ġesù marru Ġerusalemm xi 40 jum wara li twieled, huma ppreżentaw offerta għas-sagrifiċċju kif ordnat mil-liġi. Offrew huma xi muntun flimkien maʼ gamiema jew beċċun, kif ordnat mil-liġi? Le. Jidher li ma setgħux jaffordjaw dawn l-offerti. Madankollu, il-Liġi kellha provvediment għall-foqra. Fi qbil maʼ dan, Ġużeppi u Marija offrew “par gamiem jew żewġ bċieċen.” Il-fatt li għażlu annimali li jqumu inqas flus juri li l-familja tagħhom kienet fqira.—Luqa 2:22-24; Levitiku 12:6, 8.
Int tistaʼ tara li Ġesù Kristu, il-Ħakkiem futur taʼ l-umanità kollha, twieled fost l-umlin, fost dawk li kellhom jaqtgħu bi snienhom biex jaqilgħu l-ħobża taʼ kuljum. Meta kiber sar mastrudaxxa, bħal missieru adottiv. (Mattew 13:55; Mark 6:3) “Għad li [Ġesù] kien għani” bħala esseri spirtu setgħan fis-sema, il-Bibbja tgħid li hu “ftaqar” għalina. Hu ħa pożizzjoni iktar baxxa bħala bniedem u trabba ġo familja taʼ nies komuni. (2 Korintin 8:9; Filippin 2:5-9; Lhud 2:9) Ġesù ma twilidx ġo familja sinjura, u dan forsi għen lil xi wħud iħossuhom komdi miegħu. Ma kinux imfixklin mill-qagħda soċjali jew mill-pożizzjoni tiegħu. Huma setgħu japprezzawh għal dak li għallem, għall-kwalitajiet sbieħ tiegħu, u għall-għemejjel taʼ l-għaġeb tiegħu. (Mattew 7:28, 29; 9:19-33; 11:28, 29) Nistgħu naraw l-għerf t’Alla Jehovah mill-fatt li ħalla lil Ġesù jitwieled ġo familja komuni.
Issa ejja nikkunsidraw xi membri tal-familja taʼ Ġesù u naraw x’nistgħu nitgħallmu minnhom.
Ġużeppi—Raġel Sewwa
Meta Ġużeppi sar jaf li l-għarusa tiegħu kienet tqila “qabel ma [“ngħaqdu,” NW ] flimkien,” hu żgur kien bejn ħalltejn minħabba l-imħabba li kellu għal Marija u l-istmerrija li kellu għal dik li setgħet kienet tidher li hi immoralità. Dan kollu kien qisu qed ifixkel id-dritt li kellu fuqha bħala r-raġel futur tagħha. Fi żmienu, mara li kienet għarusa kienet titqies daqslikieku diġà kienet martu. Wara li dam jaħseb ħafna, Ġużeppi ddeċieda li jiddivorzja lil Marija bil-moħbi sabiex hi ma tiġix imħaġġra bħala adultera.—Mattew 1:18; Dewteronomju 22:23, 24.
Imbagħad lil Ġużeppi deherlu anġlu f’ħolma u qallu: “Xejn la tibżaʼ tieħu għandek lil martek Marija, għax dak li tnissel fiha ġej mill-Ispirtu s-Santu. Hi se jkollha iben, u inti semmih Ġesù, għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom.” X’ħin irċieva dik id-direzzjoni divina, Ġużeppi aġixxa fi qbil magħha u ħa lil Marija d-dar.—Mattew 1:20-24.
B’dik id-deċiżjoni, dan ir-raġel sewwa u leali sar involut fit-twettiq taʼ dak li Jehovah kien qal permezz tal-profeta Isaija: “Araw, ix-xebba titqal u tiled iben, u ssemmih Għimmanu-el.” (Isaija 7:14) Ġużeppi żgur li kien raġel spiritwali li apprezza l-privileġġ li jsir il-missier adottiv tal-Messija, minkejja l-fatt li l-ewwel iben imwieled taʼ Marija ma kienx tiegħu.
Ġużeppi żamm lura milli jkollu x’jaqsam sesswalment maʼ Marija sakemm wildet lil binha. (Mattew 1:25) Għall-koppja miżżewġa friska setaʼ kien taʼ sfida li ma jkollhomx x’jaqsmu sesswalment, imma mid-dehra huma ma ridux li jkun hemm xi dubju dwar min kien missier it-tarbija. X’eżempju mill-aqwa taʼ rażna! Ġużeppi poġġa l-valuri spiritwali qabel ix-xewqat naturali tiegħu.
F’erbaʼ okkażjonijiet, Ġużeppi rċieva direzzjoni anġelika dwar kif irabbi lil ibnu adottiv. Tlieta minnhom kienu dwar fejn għandu jitrabba t-tifel. Ubbidjenza fil-pront kienet vitali sabiex it-tifel isalva. F’kull każ, Ġużeppi ħa azzjoni mill-ewwel, u ħa lit-tifel iż-żgħir l-ewwel lejn l-Eġittu u mbagħad lura lejn Iżrael. Dan ipproteġa lil Ġesù mill-massakru tat-trabi li wettaq Erodi. Barra minn hekk, l-ubbidjenza taʼ Ġużeppi rriżultat fit-twettiq tal-profeziji dwar il-Messija.—Mattew 2:13-23.
Ġużeppi għallem lil Ġesù sengħa sabiex ikun jistaʼ jmantni lilu nnifsu. B’hekk, Ġesù kien magħruf mhux biss bħala “bin il-mastrudaxxa” imma wkoll bħala “l-mastrudaxxa.” (Mattew 13:55; Mark 6:3) L-appostlu Pawlu kiteb li Ġesù ġie “mġarrab bħalna f’kollox.” Dan naturalment kien jinkludi xogħol iebes biex jgħin lill-familja.—Lhud 4:15.
Finalment, naraw evidenza tad-devozzjoni taʼ Ġużeppi lejn il-qima vera fl-aħħar rakkont li hu jissemma fih fl-Iskrittura Griega Kristjana. Ġużeppi ħa lill-familja tiegħu lejn Ġerusalemm għall-Qbiż. L-irġiel biss kienu taħt obbligu li jattendu, imma Ġużeppi għamilha drawwa li “taʼ kull sena” jieħu lill-familja kollha Ġerusalemm. Hu għamel sagrifiċċji kbar, għax kellhom jimxu xi 100 kilometru minn Nazaret sa Ġerusalemm. Fl-okkażjoni msemmija fl-Iskrittura, però, Ġesù nqataʼ minn mal-grupp. Sabuh fit-tempju, jismaʼ u jistaqsi lill-għalliema tal-liġi. Għalkemm Ġesù kellu biss 12-il sena, hu kellu għerf u għarfien kbir tal-Kelma t’Alla. Minn din il-ġrajja naraw kemm il-ġenituri taʼ Ġesù għallmuh tajjeb, billi rabbewh biex ikun tifel li kien moħħu f’affarijiet spiritwali. (Luqa 2:41-50) Ġużeppi mid-dehra miet ftit taż-żmien wara dan, ladarba ma jissemmiex iktar f’rakkonti oħra Skritturali li nkitbu wara.
Iva, Ġużeppi kien raġel sewwa li ħa ħsieb sew il-familja tiegħu, kemm spiritwalment u kemm fiżikament. Qiegħed int bħal Ġużeppi, tpoġġi l-interessi spiritwali l-ewwel f’ħajtek meta tifhem x’inhi r-rieda t’Alla għalina llum? (1 Timotju 2:4, 5) Tobdi mill-qalb dak li jgħid Alla fil-Kelma tiegħu, u b’hekk turi sottomissjoni bħal dik taʼ Ġużeppi? Tgħallimhom int lil uliedek sabiex ikunu jistgħu jkollhom konversazzjonijiet fuq affarijiet spiritwali m’oħrajn?
Marija—Qaddejja t’Alla Mhux Egoista
Marija, omm Ġesù, kienet qaddejja eċċellenti t’Alla. Meta l-anġlu Gabrijel qalilha li kienet se tiled tifel, hi stagħġbet. Minħabba li kienet verġni, hi kienet għadha ma kellhiex relazzjonijiet sesswali maʼ raġel. Meta saret taf li t-twelid kien permezz taʼ l-ispirtu qaddis, hi bl-umiltà aċċettat il-messaġġ, u qalet: “Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skond kelmtek!” (Luqa 1:30-38) Tant apprezzat il-privileġġ spiritwali li kienet lesta tissaporti kwalunkwe tbatija li d-deċiżjoni tagħha setgħet iġġib magħha.
Tabilħaqq, billi aċċettat dan l-inkarigu, ħajjitha kollha bħala mara nbidlet kompletament. Meta marret Ġerusalemm għall-purifikazzjoni tagħha, raġel anzjan mimli rispett li kien jismu Xmun qalilha: “Sejf jinfidlek ruħek!” (Luqa 2:25-35) B’mod evidenti, hu kien qed jirreferi għal kif Marija kienet se tħossha meta tara lil Ġesù jiġi miċħud minn ħafna u finalment imsammar maʼ zokk tat-tortura.
Waqt li Ġesù kien qed jitrabba, Marija żammet f’moħħha dak li ġara f’ħajtu, u “baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ.” (Luqa 2:19, 51) Bħal Ġużeppi, hi kienet mara spiritwali u kienet tgħożż il-ġrajjiet u l-kliem li wettqu l-profeziji. Dak li qalilha l-anġlu Gabrijel żgur li baqaʼ f’moħħha: “Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ Bin l-Għoli. Il-Mulej Alla jagħtih it-tron taʼ David missieru u jsaltan għal dejjem fuq dar Ġakobb, u ma jkunx hemm tmiem għas-saltna tiegħu.” (Luqa 1:32, 33) Iva, il-privileġġ li tkun l-omm umana tal-Messija ħaditu bis-serjetà.
L-ispiritwalità taʼ Marija saret evidenti wkoll meta ltaqgħet maʼ Eliżabetta, il-qariba tagħha li wkoll kienet tqila b’mod mirakoluż. X’ħin ratha, Marija faħħret lil Jehovah u rrivelat l-imħabba tagħha għall-Kelma t’Alla. Hi semmiet it-talba t’Anna mniżżla fl-1 Samwel kapitlu 2 u inkludiet ħsibijiet minn kotba oħra taʼ l-Iskrittura Ebrajka. Dan l-għarfien li kellha taʼ l-Iskrittura wera li hi kienet kwalifikata biex issir omm devota li tibżaʼ minn Alla. Hi kienet se tikkoopera maʼ Ġużeppi biex jgħinu lit-tifel jikber spiritwalment.—Ġenesi 30:13; 1 Samwel 2:1-10; Malakija 3:12; Luqa 1:46-55.
Marija kellha fidi qawwija fit-tifel tagħha bħala l-Messija, u din ma naqsitx anki wara l-mewt taʼ Ġesù. Ftit wara l-irxoxt tiegħu, hi kienet fost id-dixxipli leali li ltaqgħu biex jitolbu flimkien maʼ l-appostli. (Atti 1:13, 14) Hi żammet il-lealtà tagħha, minkejja li għaddiet mill-agunija li tara lil binha l-maħbub imut fuq zokk tat-tortura.
Kif tistaʼ tibbenefika milli titgħallem dwar il-ħajja taʼ Marija? Taċċetta int il-privileġġ li taqdi lil Alla minkejja s-sagrifiċċji involuti? Konċernat int dwar is-serjetà taʼ dan il-privileġġ illum? Iżżomm f’moħħok dak li Ġesù bassar u tqabblu int maʼ dak li qed jiġri llum, billi ‘tgħożż f’qalbek dawn il-ħwejjeġ’? (Mattew, kapitli 24 u 25; Mark, kapitlu 13; Luqa, kapitlu 21) Timitaha int lil Marija billi ssir midħla sew tal-Kelma t’Alla, billi tużaha spiss fil-konversazzjoni tiegħek? Iżżomm il-fidi tiegħek f’Ġesù minkejja t-tbatija mentali li forsi jkollok tgħaddi minnha minħabba li int wieħed mis-segwaċi tiegħu?
Ħut Ġesù—Bidla Hija Possibbli
Milli jidher, ħut Ġesù ma kellhomx fidi fih ħlief wara l-mewt tiegħu. X’aktarx li din kienet ir-raġuni għala ma kinux preżenti meta miet fuq iz-zokk tat-tortura u għala hu kellu jgħid lill-appostlu Ġwanni biex jieħu ħsieb ommu. Il-qraba taʼ Ġesù wrew li m’apprezzawhx, u saħansitra qalu f’okkażjoni waħda li Ġesù kien “tilef moħħu.” (Mark 3:21) Ladarba Ġesù kellu membri tal-familja li ma kinux jemmnu fih, dawk li llum għandhom uħud li ma jemmnux bħalhom fil-familja tagħhom jistgħu jkunu ċerti li Ġesù jistaʼ jifhem kif iħossuhom meta l-qraba jwaqqgħuhom għaċ-ċajt minħabba l-fidi tagħhom.
Madankollu, jidher li wara l-irxoxt taʼ Ġesù ħutu bdew jeżerċitaw fidi fih. Huma kienu fil-grupp maʼ dawk li ltaqgħu f’Ġerusalemm qabel Pentekoste tas-sena 33 E.K. u talbu bil-ħerqa flimkien maʼ l-appostli. (Atti 1:14) M’għandniex xi ngħidu, l-irxoxt taʼ Ġesù qanqalhom biex ibiddlu l-opinjoni tagħhom, sal-punt li jsiru dixxipli tiegħu. Qatt m’għandna naqtgħu qalbna mill-qraba tagħna li m’għandhomx l-istess twemmin tagħna.
Ġakbu, ħu Ġesù mill-omm li Ġesù deherlu personalment, hu preżentat fl-Iskrittura bħala wieħed li kellu rwol li jispikka fil-kongregazzjoni Kristjana. Hu kiteb ittra ispirata minn Alla lil sħabu Kristjani, li fiha ħeġġiġhom biex iżommu l-fidi tagħhom soda. (Atti 15:6-29; 1 Korintin 15:7; Galatin 1:18, 19; 2:9; Ġakbu 1:1) Ġuda, ħu ieħor mill-omm, kiteb ittra ispirata biex jinkuraġġixxi lil sħabu fit-twemmin sabiex jagħmlu ġlieda iebsa għall-fidi. (Ġuda 1) Taʼ min jinnota li la Ġakbu u lanqas Ġuda ma qagħdu jsemmu fl-ittri tagħhom li kienu ħut Ġesù sabiex jimpressjonaw lill-Kristjani sħabhom. X’lezzjoni taʼ l-għaġeb taʼ modestja nistgħu nitgħallmu minnhom!
Għalhekk, x’inhuma xi affarijiet li nistgħu nitgħallmu mill-familja taʼ Ġesù? Żgur li lezzjonijiet taʼ devozzjoni li jistgħu jintwerew b’dawn il-modi: (1) Issottometti ruħek fedelment għar-rieda t’Alla u ffaċċja l-provi li jiġu b’riżultat taʼ dan. (2) Poġġi valuri spiritwali l-ewwel, anki meta dan ifisser li trid tagħmel sagrifiċċji. (3) Ħarreġ lit-tfal tiegħek fi qbil maʼ l-Iskrittura. (4) Taqtax qalbek minn membri tal-familja li m’għandhomx l-istess twemmin. (5) Tiftaħarx dwar xi konnessjoni li forsi għandek maʼ wħud prominenti fil-kongregazzjoni Kristjana. Iva, billi nitgħallmu dwar il-familja umana taʼ Ġesù se nkunu nistgħu nersqu eqreb tiegħu u nkabbru l-apprezzament tagħna għall-fatt li Jehovah għażel familja komuni biex Ġesù jitrabba fiha.
[Stampi f’paġna 4]
Ġużeppi ħa lil Marija b’martu u ġie involut fit-twettiq tal-profeziji Messjaniċi
[Stampi f’paġna 6]
Ġużeppi u Marija għallmu lil uliedhom il-valuri spiritwali u l-importanza tax-xogħol
[Stampi f’paġna 7]
Għalkemm imrobbijinf’dar spiritwali, ħut Ġesù ma poġġewx fidi fih ħlief wara mewtu
[Stampi f’paġna 8]
Ħut Ġesù mill-omm Ġakbu u Ġuda inkuraġġew lil sħabhom Kristjani